Navigation path

Left navigation

Additional tools

“It-teknoloġija importanti wisq biex titħalla f’idejn l-irġiel biss!”

European Commission - IP/14/223   06/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Marzu 2014

“It-teknoloġija importanti wisq biex titħalla f’idejn l-irġiel biss!”

L-ekonomija diġitali u s-settur tal-apps fl-Ewropa qed joktru bil-kbir, imma n-nisa fejnhom?

Fatti dwar in-nisa fl-ekonomija diġitali:

9 minn 100 biss mill-iżviluppaturi Ewropej tal-apps huma nisa.

19% biss mill-maniġers fl-ICT huma nisa (45% huma nisa f’setturi oħra ta’ servizz)

19% biss tal-imprendituri fl-ICT huma nisa (54% huma nisa f’setturi oħra ta’ servizz). In-nisa jgħoddu għal inqas minn 30% tal-forza tax-xogħol fl-ICT

Qed jonqos l-għadd ta’ gradwati nisa fl-informatika (3% ta’ gradwati nisa meta mqabbla ma' 10% ta' rġiel gradwati)

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea @NeelieKroesEU qalet:

“It-teknoloġija importanti wisq biex titħalla f’idejn l-irġiel biss!” Kull ġimgħa dejjem niltaqa' ma' aktar nisa li jaħdmu fit-teknoloġija u li huma mudell ta' ispirazzjoni."

“L-ICT m'għadux għal xi erba' nerds iffissati — sar cool, u huwa l-futur! 9% biss tal-iżviluppaturi tal-apps huma nisa? Ejja! Ippruvaw tgħallmu l-coding, u taraw kemm tieħdu pjaċir!"

“Ridna nipprovdu pjattaforma għan-nisa biex jirrakkontaw l-istejjer tagħhom dwar kif tista' tavvanza fid-dinja tat-teknoloġija. U hemm ħafna stejjer ta’ suċċess — mela aqsam tiegħek magħna u għinna nispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss!”

Ingħaqad magħna fil-kampanja: Tista’ tagħmel vidjow bl-istorja tiegħek dwar il-ħajja fis-settur diġitali. Tella' l-vidjow tiegħek fuq il-paġna ta' Facebook "Every Girl Digital".

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tniedi kampanja biex issib u tiċċelebra eżempji li jistgħu jħeġġu lit-tfajliet u l-bniet jistudjaw u jsegwu karriera fl-ICT. Il-Kummissjoni qed tistieden lin-nisa (u l-irġiel!) biex joħolqu filmat u jaqsmu l-istorja tas-suċċess diġitali tagħhom biex jispiraw lill-bniet u n-nisa biex jaħsbu dwar it-teknoloġija.

In-nisa jista' jkollhom karrieri tajbin fit-teknoloġija, kif mixhud min-nisa li l-ispirazzjoni tagħhom qed tagħti bidu għall-kampanja:

Monique Morrow, @mjmorrow, mill-Isvizzera, qalet li l-informatika kienet triq li qatt ma basret li se taqbadha. Iżda bis-saħħa tal-ħila tagħha biex issolvi l-problemi daħlet fil-qasam, u minn dakinhar, l-IT dawwarha d-dinja u bosta oqsma, taha bosta esperjenzi interessanti, u hu qasam li verament jogħġobha;

Lindsey Nefesh-Clarke, @WomensW4, minn Franza, taħdem fl-ICT għall-iżvilupp. Titkellem dwar is-setgħa trasformattiva tal-ICTs bħala katalisti li jagħtu s-setgħa lin-nisa, u kif waslet għal dak li qed tagħmel bħalissa permezz tax-xogħol tagħha tqabbad il-Bangladexx mal-era diġitali. Il-pariri tagħha għat-tfajliet "Do IT, do IT, do IT"!

Sofia Svanteson, @sofiasvanteson, mill-Isvezja, tagħti parir lit-tfajliet li qed jikkunsidraw karriera fit-teknoloġija biex iżommu moħħhom miftuħ dwar għalxiex tista' tintuża t-teknoloġija. Temmen li l-progress fit-teknoloġija ma jistax isir f'ġieħ it-teknoloġija nnfisha. Meta xi ħaġa hija faċli għall-utent u sinifikanti, din tista’ tibdel ħajjet in-nies għall-aħjar. Sofia taraha ħaġa tal-għaġeb li hi parti minn dan il-proċess.

Jaqsmu wkoll l-istejjer tagħhom, Eva Berneke, mid-Danimarka, Anneke Burger, mill-Olanda u Naomi Shah, mill-Istati Uniti. Sib aktar stejjer hawn.

Sfond

Din il-kampanja tibni fuq studju tal-Kummissjoni dwar in-nisa fis-settur tal-ICT, li sab li l-aħjar mod ta' kif jidħlu aktar nisa fix-xogħol tekonoloġiku huwa billi tingħata l-viżibilità li professjonisti fit-tekonoloġija li kapaċi jispiraw u b'hekk isiru eżempji ta' min isegwihom. L-identifikazzjoni ta' rotot tal-karriera li jispiraw tista’ tgħin ukoll lin-nisa li diġà jaħdmu fit-teknoloġija biex jibqgħu fis-settur tul il-karriera kollha tagħhom.

Hija ħtieġa ekonomika ewlenija li jinġibdu aktar nisa lejn il-karrieri teknoloġiċi. Kieku n-nisa jkollhom impjiegi diġitali daqs l-irġiel, il-PDG Ewropew jingħata spinta fis-sena ta' madwar EUR 9 biljun (1.3 darbiet il-PGD ta’ Malta), skont dan l-istudju. Organizzazzjonijiet li huma aktar inklussivi għan-nisa fil-maniġement jiksbu 35% rendiment fuq il-kapital u 34% rendiment aħjar għall-azzjonisti milli għal organizzazzjonijiet oħra komparabbli.

In-nisa huma wkoll partikolarment sottorappreżentati f’pożizzjonijiet maniġerjali u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalkemm din hija problema ġenerali, il-perċentwali ta’ kapijiet nisa fl-ICT hija ħafna iżgħar minn f’setturi oħra: 19.2% tal-ħaddiema fis-settur tal-ICT meta mqabbla ma’ 45.2% tal-ħaddiema mhux tal-ICT għandhom kapijiet nisa.

L-imprendituri nisa fis-settur tal-ICT jaqilgħu 6% iktar minn nisa fl-istess settur li mhumiex imprendituri. L-imprendituri nisa fis-settur tal-ICT huma aktar sodisfatti bl-impjieg tagħhom, għandhom sens akbar ta' sodisfazzjoni għal biċċa xogħol magħmula sew u jaqilgħu aktar min-nisa impjegati li mhumiex imprendituri fis-settur tal-ICT. Mil-lat negattiv, madankollu, dawn jirrappurtaw livell ta’ stress ogħla.

Biex tkompli tagħqad, iwisq aktar nisa jitilqu mis-settur f’nofs il-karriera (il-fenomenu tal-'pajp iqattar') mill-irġiel. Fil-fatt, 20 % tan-nisa ta’ 30 sena b’baċellerat relatat mal-ICT jaħdmu fis-settur, filwaqt li 9% biss tan-nisa ta’ aktar minn 45 sena b’dawn il-lawrji jagħmlu dan.

Sadanittant, l-impjegaturi jirrappurtaw li mhi faċli xejn għalihom biex isibu professjonisti tal-ICT u l-Ewropa daqt tista' tħabbat wiċċha ma' nuqqas ta' ħaddiema tal-ICT sa 900 000 ruħ — u potenzjalment titlef l-opportunità biex tiġġield qgħad kbir u tissogra l-kompetittività diġitali tagħha.

Ħoloq utli

Ara wkoll ICTLadies, Inspringfifty Shefigures2012, Science it's a girl thing

Hashtags: #IWD2014 #WomensDay

In-nisa fl-ICT

Is-sit ta' Neelie Kroes

Kuntatti:

Comm-kroes@ec.europa.eu Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website