Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

European Commission - IP/14/222   07/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, is-7 ta’ Marzu 2014

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Qabel il-Jum Internazzjonali tan-Nisa (it-8 ta' Marzu), illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni li titlob lill-Istati Membri biex itejbu t-trasparenza tal-paga bejn l-irġiel u n-nisa biex jippruvaw inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Id-differenza fil-paga – id-differenza medja tal-qligħ fis-siegħa bejn in-nisa u l-irġiel fl-ekonomija sħiħa – kważi lanqas iċċaqalqet f'dawn l-aħħar snin u qed tistaġna għal 16.4% fl-Unjoni Ewropea (IP/14/190). Aktar trasparenza fil-paga hija parti importanti fit-trattar tad-differenza fil-paga, għax tista' tikxef preferenzi u diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fl-istruttura tal-paga ta' organizzazzjoni. Din tippermetti lill-impjegati, lill-impjegaturi u lill-imsieħba soċjali jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Il-Kummissjoni qed tirrikmanda li l-Istati Membri jtejbu trasparenza fil-paga permezz ta' grupp ta' miżuri, inkluż li tippermetti lill-impjegati biex jitolbu tagħrif dwar il-paga, rapportar mill-kumpaniji, verifiki tal-paga għall-impriżi kbar u l-inklużjoni ta' paga ugwali fil-ftehim kollettiv. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jirrapportaw lura lill-Kummissjoni dwar liema azzjoni jkunu ħadu biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet sat-tmiem tal-2015.

"L-Ewropa ilha tħeġġeġ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa sa mill-1957. Mill-prinċipju ta' paga ugwali, li jinsab fit-Trattat, sad-drittijiet fil-post tax-xogħol, nistgħu nkunu kburin tal-progress li l-Ewropa għamlet f'dan l-aħħar deċennji. Imma l-ħidma tagħna ma għandhiex tieqaf hawn. Għax il-paga ugwali xorta ma għadhiex realtà għan-nisa fl-Ewropa. Din hija r-raġuni għaliex issa qed nitolbu aktar trasparenza fir-remunerazzjoni. Jekk kumpaniji verament jirrispettaw il-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali, allura ma għandu jkollhom xejn x'jaħbu," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “In-nisa ma għandhomx jitħallsu inqas sempliċement għax ma jgħidulhomx kemm qed jiggwadanjaw il-kollegi rġiel tagħhom. Aktar trasparenza tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Nittama li l-Istati Membri jaffaċċaw din l-isfida u jaħdmu biex jiżguraw li n-nisa jitħallsu kif xieraq. Flimkien nistgħu nagħmlu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa realtà, mhux biss fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, imma 365 jum fis-sena."

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri adottata llum tistabbilixxi firxa wiesgħa ta' miżuri li jindirizzaw b'mod speċifiku t-trasparenza fil-paga, inklużi:

Id-dritt tal-impjegati li jitolbu tagħrif dwar il-livelli tal-paga, inklużi komponenti kumplimentari jew varjabbili bħal bonuses jew ħlas in natura, maqsum skont is-sessi;

Ir-rapportar regolari tal-impjegatur dwar ir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija tal-impjegat jew kariga, maqsum skont is-sessi (japplika biss għal kumpaniji kbar u medji);

Li jsiru verifiki tal-paga f'kumpaniji kbar (SMEs huma esklużi) u li jsiru disponibbli lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-imsieħba soċjali meta jiġu mitluba

L-inklużjoni ta' mistoqsijiet dwar paga ugwali (u verifiki tal-paga) fil-ftehim kollettiv.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw mill-inqas waħda minn dawn il-miżuri, skont is-sitwazzjoni nazzjonali proprja.

Miżuri oħrajn suġġeriti jinkludu l-ġabra ta' statistiċi mtejba u aġġornati dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; definizzjoni ċara tax-"xogħol ta' valur ugwali" u l-promozzjoni tas-sistemi tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tas-sessi; it-tisħiħ tar-rwol tal-korpi nazzjonali dwar l-ugwaljanza fit-trattar tad-diskriminazzjoni tal-paga bejn l-irġiel u n-nisa; il-monitoraġġ u l-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Il-passi li jmiss: L-Istati Membri għandhom sal-31 ta' Diċembru 2015 biex jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-passi li ħadu biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni, wara din id-data l-Kummissjoni tivvaluta l-progress u kwalunkwe ħtieġa għal aktar azzjoni.

Sfond

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju ta' paga ugwali ilu minqux fit-Trattati sa mill-1957 u huwa wkoll inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

L-aħħar ċifri maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea juru medja ta' 16.4% ta' differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-2012 madwar l-Unjoni Ewropea (IP/14/190). Iċ-ċifri juru staġnar wara tendenza ftit negattiva f'dawn l-aħħar snin, biċ-ċifra ta' 17% jew ogħla fis-snin ta' qabel. It-tendenza ftit negattiva hija l-aktar minħabba riżultat tal-kriżi ekonomika, li rat tnaqqis fil-qligħ tal-rġiel – b'mod speċjali f'xi setturi ddominati mill-irġiel bħall-bini u l-inġinerija – ­meta mqabbla maż-żieda tal-qligħ tan-nisa.

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar it-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel fl-impjiegi (id-Direttiva 2006/54/KE) sab li l-paga ugwali hija mfixkla minn għadd ta' fatturi, inkluż iin-nuiqqas ta' trasparenza fis-sistemi tal-paga (IP/13/1227). Mingħajr tagħrif xieraq dwar il-livelli tal-paga f'organizzazzjoni, huwa diffiċli għal impjegat/a li t/jitħallas mill-kollega tas-sess oppost biex t/jisfida s-sitwazzjoni. Skont ir-rapport, aktar trasparenza tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni għall-vittmi individwali ta’ diskriminazzjoni fil-pagi li jkunu jistgħu jqabblu lilhom infushom b’mod aktar faċli mal-ħaddiema tas-sess l-ieħor.

Apparti l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni kompliet tieħu azzjoni biex tindirizza d-differenza fil-pagi, inkluża l-Inizjattiva bl-Ugwaljanza Jaqbillek matul l-2012 u l-2013, li tat sostenn lill-impjegaturi biex jindirizzaw d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma u taħriġ; ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż ta' kull sena maħruġa fil-qafas tas-Semestru Ewropew jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jindirizzaw id-differenza fil-paga (ara IP/13/463); Ġurnata Ewropea għall-Paga Ugwali (IP/14/190); skambju tal-aħjar prattiki; u l-finanzjament ta' inizjattivi tal-Istati Membri permezz tal-Fondi Strutturali u azzjonijiet mis-soċjetà ċivili.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/14/160

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-differenza tal-pagi bejn in-nisa u l-irġiel:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-pay-gap/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea - bl-Ugwaljanza Jaqbillek:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/equality-pays-off/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Ewropa Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website