Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2014

Avveniment kbir Ewropew li se jsawwar il-ġejjieni tan-negozji soċjali

L-ekonomija soċjali hija pilastru importanti tal-ekonomija Ewropea, hekk kif tirrappreżenta madwar 10 % tal-PDG. Aktar minn 11 -il miljun ħaddiem jew 4.5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE huma impjegati fl-ekonomija soċjali. Wieħed minn kull erba’ negozji ġodda stabbiliti kull sena huwa negozju Soċjali, ċifra li titla' għal wieħed minn kull tlieta fi Franza, il-Finlandja u l-Belġju.

L-intraprendituri soċjali jimmiraw li jkollhom impatt fuq is-soċjetà iktar milli jiġġeneraw profitti lis-sidien u l-partijiet interessati biss. Pereżempju, jipprovdu impjiegi għal gruppi żvantaġġati, jippromwovu l-inklużjoni soċjali tagħhom u jżidu s-solidarjetà fl-ekonomija. Iżda jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi enormi u kundizzjonijiet inekwi.

Huwa għalhekk li fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Belt ta’ Strasburgu se jospitaw avveniment interattiv Ewropew kbir dwar l-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali. Dan l-avveniment ta’ jumejn se jagħmel użu minn approċċ parteċipattiv, kollaborattiv. Il-parteċipanti nfushom se jmexxu l-kwistjonijiet li se jkunu diskussi u jidentifikaw it-triq ’il quddiem għas-settur tal-intraprenditorija soċjali.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "Il-battalja kbira llum hija għat-tkabbir u x-xogħol. Ninsab konvint li ma jkunx hemm prestazzjoni ekonomika sostenibbli mingħajr koeżjoni soċjali. L-ekonomija soċjali hija parti integrali tal-mudell ta’ tkabbir ġdid li qed noħolqu, li huwa aktar inklużiv u ekoloġiku. Minħabba n-natura tal-vokazzjoni tagħhom, l-intrapriżi soċjali jżommu saqajhom mal-art u jimxu skont ir-realtajiet soċjali jew ambjentali. Dawn huma innovattivi, huma dinamiċi u joħolqu l-impjiegi. Għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noħolqu ekosistema li tħeġġiġhom biex jiżviluppaw iktar. Dan huwa l-objettiv tal-Konferenza ta’ Strasburgu.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "In-negozji soċjali jgħinu lill-UE toħloq ekonomija b'suq soċjali kompetittiv ferm u dawn huma magni għat-tkabbir sostenibbli. Matul il-kriżi kienu prova tal-valur tagħhom billi wrew reżistenza kbira. Issa neħtieġu aktar minn qatt qabel il-kapaċità tagħhom tal-ħolqien tal-impjiegi.”

Il-Kummisssarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor qal: "L-intrapriżi soċjali jipprovdu mijiet ta' eżempji ta' suċċess dwar kif l-Ewropa tista' ttejjeb il-mudell tan-negozju tagħha, b'iffukar ikun iktar fuq it-titjib tal-benessri tan-nies u inqas fuq l-immassimizzar tal-qligħ finanzjarju. L-ekonomija soċjali tista' toħloq impjiegi ta’ kwalità anki f’ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli u jistħoqqilha b’mod ċar l-appoġġ tal-UE biex tikber u tixtered.”

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Henri Malosse qal: "L-Ewropa ma tistax tibqa' tippermetti li titlef il-mira. In-negozju ewlieni tagħha huwa – għandu jkun – is-solidarjetà attiva u politiki komuni f'saħħithom, b'mod partikolari fl-oqsma tal-industrija, l-enerġija u l-intraprenditorija, speċjalment l-intraprenditorija soċjali."

Il-kelliema kkonfermati jinkludu lil Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, Antonis Samaras, il-Prim Ministru tal-Greċja u lil Henri Malosse, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Tliet Kummissarji Ewropej — il-Viċi President Antonio Tajani u l-Kummissarji, Michel Barnier, u László Andor — se jidħlu f’diskussjonijiet f'kollegament dirett ma' intraprendituri soċjali.

Il-parteċipanti jinkludu intraprendituri soċjali, akkademiċi, dawk li jfasslu l-politika, fornituri ta' finanzjament, attivisti soċjali u ħafna aktar.

L-objettivi tal-avveniment huma:

It-teħid ta' rendikont tal-kisbiet u l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali ta’ Ottubru 2011 (ara IP/11/1238 u MEMO/11/735)

Jiġu identifikati l-prijoritajiet fil-ġejjieni għal azzjoni

Il-partijiet interessati jiddaħħlu f'ambjent parteċipattiv u innovattiv sabiex titfassal l-aġenda Ewropea għat-tlieta sa ħames snin li ġejjin

Jissaħħu n-netwerks tal-partijiet interessati biex isostnu t-tfaċċar u ż-żieda fl-iskala tal-inizjattivi u l-aħjar prattiki

Jinħoloq sens ikbar ta’ appartenenza u ta' għarfien fost l-atturi istituzzjonali.

L-isfond:

Fl-2011, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE 2020, l-UE ħarġet l-Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, pjan ta’ azzjoni biex jitjieb il-qafas ta’ intraprenditorija soċjali billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, tiżdied il-viżibilità tas-settur u tiżdied is-sensibilizzazzjoni lejn il-ħtiġijiet ta’ intraprendituri soċjali fost dawk li jfasslu l-politika. Sabiex jitkomplew dawn l-isforzi, l-avveniment fi Strasburgu se jidentifika prioritajiet ġodda għall-ġejjieni.

Għal aktar tagħrif:

Ara wkoll il- MEMO/14/11

Programm u reġistrazzjoni: http://ec.europa.eu/social-entrepreneurs

Lista bil-parteċipanti tinsab fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/conferences/2014/0116-social-entrepreneurs/participants/index_en.htm

L-avveniment se jiġi webstreamed:

Il-Kamra Erasme (fiż-żewġ ġranet)

http://webcast.ec.europa.eu/eutv/portal/socialentrepreneurs_16-170114

Il-Kamra Schweitzer (is-16 ta’ Jannar):

http://webcast.ec.europa.eu/eutv/portal/socialentrepreneurs_schweitzer-160114

Ekonomija SoċjaliInnovazzjoni Soċjali

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-indirizz elettroniku


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website