Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, 3 ta’ Marzu 2014

L-Ambjent: Studji ġodda jikkonfermaw l-importanza tar-rinfurzar tal-protezzjoni kontra l-għargħar u x-xaqliba lejn taxxi aktar ekoloġiċi

Żewġ studji ppubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea juru kif il-politika ambjentali tista' tiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku billi tirrinforza l-protezzjoni kontra l-għargħar u xxaqleb aktar lejn taxxi aktar ekoloġiċi. Wieħed minn dawn l-istudji jipproduċi aktar evidenza dwar il-benefiċċji ekonomiċi globali derivati minn investiment opportun f’difiżi kontra l-għargħar, u l-ieħor jenfasizza l-vantaġġi tal-ispustar tal-piż tat-taxxi lil hinn mix-xogħol u lejn l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Investiment fil-protezzjoni kontra l-għargħar huwa benefiċjali għall-ekonomija globali, speċjalment permezz ta’ soluzzjonijiet li huma bbażati fuq in-natura u huma kosteffettivi ħafna. Barra minn hekk riformi fiskali u ambjentali għandhom il-potenzjal li kważi jirduppjaw l-ammont li jdaħħlu t-teżori nazzjonali llum-il-ġurnata, b’benefiċċji għall-ambjent tagħna kif ukoll il-possibbiltà li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-impjiegi jew li jitnaqqas id-defiċit. Dan huwa argument qawwi ħafna favur il-bidla fl-istatus quo.”

L-istudju dwar il-potenzjal għal taxxi aktar ekoloġiċi, li fih ġabra ta' dejta mit-12-il Stat Membru, jissuġġerixxi li l-ispustar tat-taxxi fuq ix-xogħol għal taxxi fuq it-tniġġis (żieda fl-intaxxar fuq il-kawżi tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma, pereżempju) għandu jipproduċi dħul ta’ EUR 35 biljun f'termini reali fl-2016, li jkompli jiżdied għal EUR 101 biljun fl-2025, bl-involviment ta' ċifri ħafna aktar ogħla kieku kellhom jittieħdu passi wkoll biex jitneħħew sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent. Id-dħul potenzjali jvarja minn ftit aktar minn 1 % tal-PDG kull sena sa ftit aktar minn 2.5 % tal-PDG kull sena fl-2025, skont l-Istat Membru kkonċernat.

It-tieni studju jħares lejn diversi rabtiet bejn l-ambjent u l-politika ekonomika, inkluż l-impatt makroekonomiku tal-għargħar, l-aħjar prattiki fl-appoġġ ta’ SMEs li huma ffukati fuq l-effiċjenza tar-riżorsi, u l-infiq ambjentali fl-Istati Membri kollha. L-ispiża totali approssimattiva tal-ħsara kkawżata mill-għargħar fl-UE matul il-perjodu 2002-2013 kienet ta' mill-anqas EUR 150 biljun. L-investiment f’miżuri għat-tnaqqis tal-għarar huwa effettiv ħafna, u fuq medja jiswa madwar 6 sa 8 darbiet anqas mill-ħsara kkawżata mill-għargħar. Barra minn hekk, fost il-benefiċċji tal-investiment f’infrastruttura ekoloġika – jiġifieri r-restawr tal-karatteristiċi naturali li jgħinu fl-immaniġġjar u l-ħażna tal-ilma tal-għargħar, se jkun hemm riżultati aħjar għall-bijodiversità kif ukoll tnaqqis tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

Sfond

L-istudji ppubblikati llum se jkunu ta' kontribut għas-Semestru Ewropew, mekkaniżmu stabbilit fl-2010 biex titejjeb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan kien wieħed mir-reazzjonijiet tal-UE għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, li rriżultat fi tnaqqis fl-attività ekonomika u żieda fil-qgħad f’ħafna pajjiżi tal-UE. Is-Semestru Ewropew huwa bbażat fuq l-idea li, minħabba li l-ekonomiji tal-UE huma integrati sew, koordinazzjoni politika mtejba tista' tirrinforza l-iżvilupp ekonomiku fl-UE b'mod ġenerali.

Permezz ta' 'Nagħtu xeħta ekoloġika lis-Semestru Ewropew', il-Kummissjoni qed timmira li l-politiki makro-ekonomiċi żgur li jkunu sostenibbli, mhux biss ekonomikament u soċjalment, iżda wkoll ambjentalment. Studju aktar bikri li għamel enfasi fuq il-benefiċċji ekonomiċi tal-ambjent, li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart għal tkabbir ekoloġiku, wera li b'implimentazzjoni sħiħa kieku jiġu ffrankati EUR 72 biljun fis-sena, jiżdied il-fatturat annwali fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ tal-UE b’EUR 42 biljun u sal-2020 jinħolqu iktar minn 400,000 impjieg.

Għal iżjed informazzjoni:

L-istudji huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/environment/integration/green_semester/index_en.htm

Il-websajt tas-Semestru Ewropew:

http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/

Kuntatti :

Għall-Istampa:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Andreja Skerl (+32 2 295 14 45)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-e­mail


Side Bar