Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea MEMO Brussell, il-15 ta' Jannar 2014 Il-Kummissjoni Ewropea tiddefendi l-moviment liberu tal-persuni (ara wkoll IP/13/1151) B’aktar minn 14-il miljun ċittadin tal-UE residenti b'mod stabbli fi Stat Membru differenti minn dak li twieldu fih, il-moviment liberu — jew il-kapaċità li wieħed jgħix, jaħdem u jistudja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE — huwa l-aktar dritt għażiż għall-Ewropej mogħti mill-UE. Ir-raġuni ewlenija li minħabba fiha ċ-ċittadini tal-UE jużaw il-moviment liberu hija x-xogħol, imbagħad il-familja. Miċ-ċittadini kollha li fl-2012 kienu jirrisjedu f'pajjiż tal-UE differenti minn dak li twieldu fih ('ċittadini mobbli tal-UE'), aktar minn tliet kwarti tagħhom (78 %) kienu fl-età li jaħdmu (15-64), filwaqt li fost il persuni nazzjonali dan l-ammont kien ta' 66 %. Bħala medja, ir-rata tal-impjiegi taċ-ċittadini mobbli tal-UE (67.7 %) kienet ogħla minn dik fost il-persuni nazzjonali (64.6 %). Dawk iċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex jaħdmu (jiġifieri l-istudenti, l-irtirati, min ikun qed ifittex impjieg u l-membri mhux attivi tal-familja) jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-għadd totali ta' ċittadini mobbli tal-UE. Barra minn hekk, 64 % minnhom kienu għamlu xi żmien jaħdmu fil-pajjiż li qed jirrisjedu fih. 79 % qed jgħixu f'unità domestika b'mill-inqas membru wieħed li jaħdem xi mkien. Ir-rata globali ta' inattività fost iċ-ċittadini li jkunu għaddew minn pajjiż għal ieħor fl-UE naqset bejn l-2005 u l-2012 minn 34.1 % għal 30.7 %. Il-moviment liberu taċ-ċittadini, li huwa mnaqqax fit-Trattati tal-UE, huwa komponent integrali tas-Suq Uniku kif ukoll element ċentrali tas-suċċess tiegħu: jistimula t-tkabbir ekonomiku billi jippermetti lin-nies jivvjaġġaw u jixtru f'pajjiżi differenti. Bl-istess mod, il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ta’ benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema involuti iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri, minħabba li jippermetti t-tqabbil effiċjenti bejn il-ħiliet u l-postijiet battala fis-suq tax-xogħol tal-UE. Minkejja l-kriżi ekonomika, illum, fl-UE għad hemm madwar 2 miljun post tax-xogħol battal li baqgħu ma mtlewx. Il-Komunikazzjoni dwar il-Moviment Liberu, adottata mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta' Novembru, tenfasizza r-responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiddefendu d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE, u ssemmi azzjonijiet konkreti li jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri biex iħarsu dan id-dritt filwaqt li tgħinhom jaħsdu l-benefiċċji li dan iġib miegħu. Id-dokument ta' politika jispjega b'mod ċar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment liberu u għall-benfiċċji soċjali, u jindirizza l-kwistjonijiet imqajma minn xi Stati Membri b'rabta mal-isfidi li l-awtoritajiet lokali jħossu li ġġib magħha l-mobilità. 1. Il-qafas legali dwar il-moviment liberu X'inhu l-moviment liberu tal-ħaddiema? Il-ħaddiema tal-UE ilhom jibbenefikaw mil-libertà li jaħdmu fi Stat Membru ieħor mis-sittinijiet: dan id-dritt ilu mnaqqax fit-Trattati tal-UE minn dakinhar li tnieda l-proġett tal-UE, fl-1957. Dan id-dritt issa huwa stabbilit fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan jinkludi d-dritt li wieħed ma jkunx diskriminat abbażi tan-nazzjonalità tiegħu fejn jidħol l-aċċess għall-impjiegi, il-paga u kundizzjonijiet oħrajn tax-xogħol. Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 jelenka d-drittijiet tal-ħaddiema għall-moviment liberu u jiddefinixxi oqsma speċifiċi fejn id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità hija pprojbita, b'mod partikolari fir-rigward ta': l-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-vantaġġi soċjali u dawk relatati mat-taxxa, l-aċċess għat-taħriġ, l-isħubija fit-trejdjunjins, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal. Li tingħeleb id-diskriminazzjoni fil-konfront ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra u li titqajjem kuxjenza rigward id-dritt għax-xogħol taċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi oħra tal-UE huma l-għanijiet ewlenin tal-proposta għal Direttiva biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema mressqa mill-Kummissjoni fi tmiem April 2013 (ara IP/13/372, MEMO/13/384 u SPEECH/13/373) u li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tiġi adottata formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u mill-Parlament Ewropew . Il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE mhix biss hi ta' benefiċċju għall-ħaddiema involuti, iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ta' benefiċċju għall-pajjiżi ospitanti għaliex tippermetti lill-kumpaniji jimlew il-postijiet battala, li kieku jibqgħu ma jimtlewx, u għalhekk jipproduċu prodotti u jipprovdu servizzi, li kieku ma kinux ikunu kapaċi jipproduċu u jipprovdu. Hija wkoll ta' benefiċċju għall-pajjiżi ta' oriġini taċ-ċittadini għaliex tippermetti li l-ħaddiema jsibu impjieg, xi ħaġa li kieku ma jkunux jistgħu jagħmlu. Dan jiżgura sostenn finanzjarju lill-familji tagħhom li jibqgħu fil-pajjiż tal-oriġini u huma jiksbu ħiliet u esperjenza, li kieku ma kinux jiksbu. Meta l-ħaddiema mobbli jaslu biex imorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, huma jibbenefikaw minn din l-esperjenza. X'inhu l-moviment liberu taċ-ċittadini? Għoxrin sena ilu, permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, id-dritt għall-moviment liberu ġie rikonoxxut għaċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn jekk humiex ekonomikament attivi jew le bħala waħda mil-libertajiet fundamentali mogħtija lilhom mil-liġi tal-UE (l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Dan jolqot il-qalba taċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. Ir-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal moviment liberu u ta’ residenza huma stabbiliti f’Direttiva maqbula mill-Istati Membri fl-2004 (id-Direttiva 2004/38/KE). Il-libertà tal-moviment huwa l-aktar dritt għażiż għaċ-ċittadini tal-UE: għal 56 % taċ-ċittadini Ewropej, il-moviment liberu huwa l-akbar suċċess li kisbet l-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, kulma jmur aktar Ewropej qed igawdu minn dan id-dritt u qed imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE: fi tmiem l-2012, 14.1 miljun ċittadin kienu qed jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru, aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej iqisu li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE għandu benefiċċji ekonomiċi għal pajjiżhom (67 %). Min jista’ jibbenefika mill-moviment liberu? L-ewwel tliet xhur: Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jmur jgħix fit-territorju ta' pajjiż ieħor tal-UE sa tliet xhur mingħajr ebda kundizzjoni u mingħajr ebda formalità burokratika. Wara l-ewwel tliet xhur: Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu f'pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn tliet xhur huwa soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus tagħhom fil-pajjiż ospitanti tal-UE: Il-ħaddiema impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, u l-membri diretti tal-familja tagħhom, għandhom id-dritt li jirrisjedu fih mingħajr kundizzjonijiet oħra. Dawk li qed ifittxu xogħol għandhom id-dritt ta’ residenza bla ebda kundizzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur u anki iktar, u dan kemm-il darba jkomplu jfittxu impjieg fil-pajjiż ospitanti tal-UE u jkollhom "possibilità reali" li jsibu xogħol. Dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jiksbu benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru tagħhom għal minimu ta’ tliet xhur filwaqt li jkunu qed ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, u dan kemm-il darba l-ewwel ikunu ġew irreġistrati bħala qiegħda fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. L-istudenti u persuni oħra li ma jkunux ekonomikament attivi (eż. dawk bla xogħol, l-irtirati, eċċ.) għandhom id-dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur jekk ikollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti għalihom infushom u għall-familja tagħhom b'mod li ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-pajjiż ospitanti tal-UE, kif ukoll assigurazzjoni tas-saħħa. Wara ħames snin: Wara ħames snin ta’ residenza legali kontinwa, iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jiksbu d-dritt li jirresjedu fuq bażi permanenti fil-pajjiż ospitanti tal-UE. Ladarba jinkiseb, dan id-dritt ma jibqax soġġett għall-kundizzjonijiet li kienu japplikaw fil-ħames snin ta’ qabel. 2. Assistenza u benefiċċji soċjali Min hu intitolat għal assistenza soċjali? L-assistenza soċjali hija "benefiċċju ta’ sussistenza" u normalment tkun tinvolvi benefiċċji li jitħallsu biex ikopru spejjeż minimi tal-għajxien jew għajnuna li titħallas għal ċirkostanzi speċjali fil-ħajja. Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu legalment f’pajjiż ieħor tal-UE għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali bħan-nazzjonali tal-pajjiż. Grazzi għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-istess ċittadini għalhekk huma intitolati għal benefiċċji kif ukoll għal vantaġġi soċjali u oħrajn b'rabta mat-taxxa, inkluża l-assistenza soċjali, bl-istess mod kif jingħataw lin-nazzjonali tal-pajjiż ospitanti. Madankollu, il-liġi tal-UE tipprevedi miżuri ta' prevenzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-assistenza soċjali minn ċittadini mobbli tal-UE li ma jkunux ekonomikament attivi, u dan biex l-Istati Membri ospitanti ma jispiċċawx iġorru piżijiet finanzjarji inġusti. L-ewwel tliet xhur: Il-liġi tal-UE ma tobbligax lill-pajjiż ospitanti jagħti assistenza soċjali, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom, lil ċittadini tal-UE li ma jkunux ekonomikament attivi. Bejn tliet xhur u ħames snin: Ċittadini tal-UE li ma jkunux attivi ekonomikament fil-prattika x'aktarx ma jkunux eliġibbli għal benefiċċji tal-assistenza soċjali minħabba li jekk kisbu d-dritt ta' residenza, dawn bilfors kellhom juru lill-awtoritajiet nazzjonali li kellhom riżorsi biżżejjed (ara iktar 'il fuq). Jekk japplikaw għal benefiċċju tal-assistenza soċjali, ngħidu aħna minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom iddeterjorat maż-żmien, it-talba tagħhom tkun trid tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tagħhom għal trattament ugwali. Imma anki hawn, il-liġi tal-UE tipprevedi miżuri ta' prevenzjoni: L-ewwel nett, f'każijiet speċifiċi, it-talba għall-assistenza soċjali tista' tqajjem dubju ġustifikat min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li l-persuna jista' jkun li saret piż inġust għas-sistema tal-assistenza soċjali. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista' jistabbilixxi li l-għotja mill-assistenza soċjali jew li l-benefiċċju speċjali mhux kontributorju (jiġifieri l-benefiċċji li għandhom elementi ta' sigurtà soċjali u assistenza soċjali fl-istess ħin u li huma koperti bir-Regolament 883/2004) jingħataw biss bil-kundizzjoni li ċ-ċittadin ikun issodisfa r-rekwiżiti għad-dritt ta' residenza b'mod legali għal perjodu ta' iktar minn tliet xhur. Madankollu, l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti dawn il-benefiċċji b'mod awtomatiku lil ċittadini mhux attivi tal-UE, u lanqas ma jista' jqis b'mod awtomatiku li ma għandhomx riżorsi biżżejjed u li, allura, ma għandhomx dritt jirrisjedu fih. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivvalutaw is-sitwazzjonijiet individwalment, filwaqt li jqisu firxa ta' fatturi (ammont, tul ta' żmien, in-natura temporanja tad-diffikultà partikulari, it-toqol tal-piż imġarrab mis-sistema nazzjonali tal-assistenza). Jekk, abbażi ta’ din il-valutazzjoni individwali, l-awtoritajiet jikkonkludu li l-persuni kkonċernati jkunu saru piż inġust, dawn jistgħu jtemmulhom id-dritt tagħhom ta’ residenza. Wara ħames snin: Iċ-ċittadini tal-UE li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti huma intitolati għal assistenza soċjali bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għan-nazzjonali tal-pajjiż tal-UE ospitanti. L-ebda deroga ma hi permessa skont il-liġi tal-UE. Min hu intitolat għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali? Il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jinkludu pensjonijiet tax-xjuħija, pensjoni tas-superstiti, benefiċċji tad-diżabbiltà, benefiċċji tal-mard, għotja tat-twelid, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji tal-familja, jew il-kura tas-saħħa. L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli tagħhom b'rabta mas-sigurtà soċjali skont iċ-ċirkostanzi tagħhom. L-UE tikkoordina r-regoli tas-sigurtà soċjali (ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u 987/2009) biss sal-punt neċessarju biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE ma jitilfux id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom meta jimxu minn pajjiż għal ieħor fl-UE. Dan ifisser li l-liġijiet tal-pajjiż ospitanti jistabbilixxu liema benefiċċji jiġu pprovduti, b'liema kundizzjonijiet jingħataw (bħall-kunsiderazzjoni tal-perjodu tax-xogħol), għal kemm żmien u l-ammont li jrid jinħareġ. Għalhekk, l-intitolament għall-benefiċċji jvarja f’pajjiżi differenti tal-UE. (Ir-Regolament 883/2004/KE) jiżgura biss li ċittadini mobbli tal-UE jibqgħu protetti mill-kopertura tas-sigurtà soċjali wara li jimxu f'pajjiż ieħor, essenzjalment billi jiddeċiedi liema wieħed mill-Istati Membri rilevanti huwa responsabbli għall-kopertura tas-sigurtà soċjali. Ħaddiema — impjegati jew għal rashom — u d-dipendenti tagħhom huma koperti bis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini proprji — għaliex jikkontribwixxu, bħall-ħaddiema nazzjonali l-oħra kollha, permezz tal-kontribuzzjonijiet u t-taxxi tagħhom fil-fondi pubbliċi minn fejn jiġu ffinanzjati l-benefiċċji. Għal ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex qegħdin jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti, ir-regola tal-istat tal-impieg ma tistax tiġi applikata peress li, b’definizzjoni, m’hemmx pajjiż li fih dawn il-persuni jkunu qegħdin jaħdmu. Skont il-liġi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, l-Istat Membru ta’ residenza jsir responsabbli għal kopertura tas-sigurtà soċjali biss ladarba dawn iċ-ċittadini jgħaddu minn test strett ta' residenza abitwali, li juri li huma għandhom rabta ġenwina mal-Istat Membru inkwistjoni. Il-kriterji stretti ta’ dan it-test jiżguraw li ċ-ċittadini li ma jaħdmux jista’ jkollhom biss aċċess għal sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor wara li jkunu ġenwinament ittrasferew iċ-ċentru ta’ interess tagħhom lejn dak l-Istat (pereżempju li l-familja tagħhom qiegħda hemm). 3. L-impatt taċ-ċittadini mobbli tal-UE fuq is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali Skont ċifri kkomunikati mill-Istati Membri u studju ppubblikat f'Ottubru 2013 mill-Kummissjoni Ewropea fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra jużaw il-benefiċċji soċjali bl-istess intensità taċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi studjati, huwa aktar probabbli li min jirċievi benefiċċji marbuta mal-akkomodazzjoni u mal-familja jkun ċittadin mobbli tal-UE. Fil-każ speċifiku ta’ benefiċċji fi flus bħal pensjonijiet soċjali, l-allowance tad-diżabbiltà u l-allowance ta' persuni li qed ifittxu impjieg mhux kontributorju ffinanzjati mit-tassazzjoni ġenerali aktar milli mill-kontribuzzjonijiet mill-individwu kkonċernat (l-hekk imsejħa benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus — SNCBs), l-istudju juri li ċ-ċittadini tal-UE li mhumiex attivi ekonomikament jammontaw għal sehem żgħir ħafna ta’ benefiċjarji u li l-impatt baġitarju ta’ tali talbiet fuq il-baġits nazzjonali soċjali huwa baxx ħafna. Dawn jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-għadd totali ta' tali benefiċjarji (b'nazzjonalità tal-UE) fis-sitt pajjiżi li ġew studjati (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Malta u l-Portugall) u bejn 1 % u 5 % f’ħames pajjiżi oħra (il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja). Mill-istudju ħareġ ukoll li: il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE jagħmlu dan biex jaħdmu ir-rati ta’ attività fost dawn iċ-ċittadini mobbli tal-UE żdiedu matul l-aħħar seba’ snin bħala medja, huwa aktar probabbli li min jaħdem ikun ċittadin mobbli tal-UE milli nazzjonal tal-pajjiż ospitanti (parzjalment minħabba li fil-kategorija tal-età ta' bejn il-15 u l-64 sena hemm aktar ċittadini mobbli tal-UE minn ċittadini nazzjonali) iċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex attivi jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-popolazzjoni totali f’kull Stat Membru u bejn 0.7 % u 1.0 % mill-popolazzjoni globali tal-UE. bħala medja, l-ispejjeż assoċjati mal-kura tas-saħħa pprovduta għaċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex attivi huma żgħar ħafna meta wieħed iqabbilhom mad-daqs totali tal-infiq tas-saħħa (0,2 % bħala medja) jew id-daqs tal-ekonomija tal-pajjiżi ospitanti (0.01 % tal-PDG bħala medja).
79 % qed jgħixu f'unità domestika b'mill-inqas membru wieħed jaħdem xi mkien L-aħħar riżultati tal-istudju jikkumplimentaw dawk ta’ studji oħra li juru b’mod konsistenti li ħaddiema minn Stati Membri oħra huma kontributuri netti tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż ospitanti. Ħaddiema mill-UE minn Stati Membri oħra ġeneralment jikkontribwixxu aktar flus fil-baġits tal-pajjiż ospitanti f'taxxi u sigurtà soċjali milli jirċievu f’benefiċċji minħabba li ġeneralment ikunu iżgħar u aktar attivi ekonomikament mill-ħaddiema tal-pajjiżi ospitanti. Dawn l-istudji jinkludu l-International Migration Outlook 2013 tal-OECD, l-istudji taċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Analiżi tal-Migrazzjoni bl-isem ta' Assessing the Fiscal Costs and Benefits of A8 Migration to the UK u l-istudju reċenti miċ-Ċentru Ewropew għar-Riforma. 4. Kif jiġu ttrattati abbużi potenzjali? X’mezzi jeżistu skont il-liġi tal-UE biex jgħinu lill-Istati Membri jevitaw abbuż? Il-liġi tal-UE tinkludi miżuri ta' prevenzjoni b'saħħithom biex jipprevjenu l-abbuż tad-dritt tal-moviment liberu. Ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini jippermettu lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi u neċessarji kontra l-abbuż, bħalma huma ż-żwiġijiet ta' konvenjenza u l-frodi, bħall-iffalsifikar tad-dokumenti u kull tqarriq ieħor fejn l-uniku għan ikun il-kisba tad-dritt tal-moviment liberu, billi jirrifjutaw jew jitterminaw id-drittijiet mogħtija skont id-Direttiva 2004/38 (l-Artikolu 35). Miżuri bħal dawn iridu jkunu proporzjonati u jkunu suġġetti għall-miżuri ta' prevenzjoni stabbiliti mid-Direttiva. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinvestigaw każijiet individwali fejn ikollhom suspett fondat ta' abbuż u, fil-każ li jikkonkludu li tassew jeżisti każ ta' abbuż, jistgħu jirtiraw id-dritt ta' residenza tal-persuna u jkeċċuha mit-territorju. Barra minn hekk, wara li jevalwaw iċ-ċirkostanzi relevanti kollha u skont kemm ikun gravi r-reat (pereżempju, il-falsifikazzjoni ta’ dokument, żwieġ ta’ konvenjenza fejn tkun involuta l-kriminalità organizzata), l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkonkludu wkoll li l-persuna tirrappreżenta theddida reali, kontinwa u pjuttost serja għall-ordni pubblika u, abbażi ta' dan, joħorġulha wkoll ordni ta' esklużjoni minbarra li jkeċċuha; u b’hekk jipprojbixxu d-dħul mill-ġdid tagħha fit-territorju għal ċertu perjodu ta’ żmien. X'tipproponi l-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri? Fil-25 ta' Novembru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ħames azzjonijiet konkreti li biex jirnexxu hemm bżonn il-kooperazzjoni tal-Istati Membri. Dawn huma eżempji konkreti ta' kif l-UE tista' tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, jieħdu ħsieb il-każijiet ta' abbuż u ta' frodi, jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali, u jużaw il-fondi disponibbli.
Aktar informazzjoni Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt ta’ ċittadini mobbli tal-UE mhux attivi fuq is-sigurtà soċjali: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=1980&furtherNews=yes Il-Kummissjoni Ewropea — Il-moviment liberu tal-UE http://ec.europa.eu/justice/citizen/move-live/index_en.htm Informazzjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=849 Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, László Andor: Sewgi lill-Viċi President Reding fuq Twitter: @VivianeRedingEU Sewgi lill-Kummissarju Andor fuq Twitter: @LaszloAndorEU Anness Anness 1: Il-Moviment Liberu huwa l-aktar dritt għażiż ![]() Sors: L-Ewrobarometru Standard 79, ir-rebbiegħa 2013 Anness 2: Il-perċezzjoni pubblika dwar il-moviment liberu ![]() Sors, l-Ewrobarometru Flash 365 dwar 'iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea', p. 44 Anness 3: Kemm hemm ċittadini mobbli fl-UE? ![]() Ir-rata annwali ta' mobilità transfruntiera fl-UE mqabbla ma' dik fl-Istati Uniti u dik fl-Awstralja Sors: L-Istħarriġ tal-OECD dwar l-Ekonomija fl-UE – 2012 Anness 4: Huwa aktar probabbli li ċ-ċittadini attivi ekonomikament ikunu ċittadini mobbli tal-UE milli nazzjonali tal-Istati Membri ![]() Il-grafika hi organizzata skont l-għadd ta' ċittadini mobbli tal-UE fl-età tax-xogħol (15-64) li jirrisjedu fil-pajjiż. Sors: Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol (table lfsa_argan). Nota: fil-grafika jidhru biss il-pajjiżi li qed ikunu destinazzjoni ewlenija għaċ-ċittadini mobbli tal-UE. Dawn is-17-il Stat Membru, fl-2012 laqgħu 99 % taċ-ċittadini mobbli tal-UE. |
Side Bar