Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta’ Marzu 2014

Ewropa iktar innovattiva b'differenzi reġjonali li għadhom kbar

L-Ewropa qed tagħlaq id-distakk fl-innovazzjoni mal-Istati Uniti u l-Ġappun, imma d-differenzi fil-prestazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE għadhom kbar u qed jonqsu bil-mod wisq. Fuq livell reġjonali, id-distakk fl-innovazzjoni qed jikber, bir-rendiment fl-innovazzjoni sejjer lura fi kważi wieħed minn kull ħames reġjuni tal-UE. Dawn huma r-riżultati ewlenin tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni fl-Unjoni għall-2014 u tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali 2014 tal-Kummissjoni Ewropea. Il-klassifikazzjoni ġenerali fl-UE tibqa’ relattivament stabbli, bl-Iżvezja fuq nett, segwita mid-Danimarka, il-Ġermanja u l-Finlandja — l-erba’ pajjiżi li jinvestu l-aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-pajjiżi li l-aktar tejbu l-pożizzjoni tagħhom huma l-Portugall, l-Estonja u l-Latvja. B'mod ġenerali il-progress kien xprunat mill-ftuħ u l-attrattività tas-sistema ta' riċerka tal-UE, kif ukoll mill-kollaborazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tan-negozji u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għarfien kif imkejla mid-dħul mil-liċenzji u l-privattivi minn barra l-pajjiż. Madanakollu, it-tkabbir fl-infiq pubbliku għar-R&Ż kien megħlub minn tnaqqis f'investimenti ta' kapital ta' riskju u investimenti għall-innovazzjoni mhux tar-R&Ż f'kumpaniji.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li huwa wkoll il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, stqarr: Li l-innovazzjoni sseħħ madwar l-Ewropa kollha tibqa' prijorità jekk irridu nilħqu l-għan tagħna tal-politika industrijali: sal-2020 tal-anqas 20% tal-PDG tal-UE irid ikun ġej mill-manifattura. Iktar investiment fin-negozji, domanda iktar b'saħħitha għal soluzzjonijiet innovattivi Ewropej u inqas ostakli għar-responsabbiltajiet kummerċjali tal-innovazzjonijiet huma l-bieb għat-tkabbir. Għandna bżonn aktar kumpaniji innovattivi u qafas li jiffavorixxi t-tkabbir biex l-innovazzjonijiet jitwasslu b'suċċess fis-swieq".

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju responsabbli mir-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, stqarret: “It-Tabella ta’ Valutazzjoni tikkonferma għal darb’ oħra li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni ipatti f’termini ta' prestazzjoni ekonomika. B’baġit ta’ madwar EUR 80 biljun matul is-seba’ snin li ġejjin, il-programm ġdid tagħna għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 se jgħinna nżommu dan il-momentum. Issa għandna bżonn inżidu l-investiment fl-innovazzjoni tul l-UE, biex nilħqu l-mira tagħna ta' 3% tal-PDG sal-2020.

Il-Kummissarju Johannes Hahn, responsabbli mill-Politika Reġjonali u Urbana, qal: “Għandna bżonn indawru l-ideat kbar Ewropej f'intrapriżi bi profitt li jkattru l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Il-baġit il-ġdid tal-UE u l-Politika Reġjonali riformata joffru opportunità unika biex titrawwem l-innovazzjoni. Aktar minn EUR 100 biljun f'investimenti li jaqgħu taħt il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (FESI) se jiġu diretti lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll lejn it-tkabbir diġitali, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju u l-iżvilupp ta' enerġija ekoloġika u effiċjenti.  It-tabelli ta’ valutazzjoni tal-lum juru li filwaqt li xi reġjuni jidhru sew li mexjin ‘il quddiem, jeżistu xorta d-differenzi. Il-Politika Reġjonali l-ġdida se tindirizza dan direttament: kull wieħed mill-274 reġjun tal-Ewropa se jkollu jiżviluppa strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti li se tinkludi l-innovazzjoni. Ir-reġjuni għandhom jibnu fuq is-saħħa ekonomika tagħhom u jiżviluppaw modi innovattivi biex jaffaċjaw il-kompetizzjoni globali".

Għal sommarji individwali dwar il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni ta' kull wieħed mit-28 Stat Membru, u ta’ pajjiżi Ewropej oħra, ara: MEMO/14/140

Erba' gruppi ta' prestazzjoni differenti għall-Istati Membri

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni tal-Unjoni tqiegħed lill-Istati Membri f'erba' gruppi differenti ta' prestazzjoni:

  • Id-Danimarka (DK), il-Finlandja (FI), il-Ġermanja (DE) u l-Iżvezja (SE) huma "Mexxejja fl-Innovazzjoni" bil-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tkun 'il fuq sew mill-medja tal-UE;

  • l-Awstrija (AT), il-Belġju (BE), Ċipru (CY), l-Estonja (EE), Franza (FR), l-Irlanda (IE), il-Lussemburgu (LU), il-Pajjiżi l-Baxxi (NL), is-Slovenja (SI) u r-Renju Unit (UK) ikunu “Segwaċi fl-innovazzjoni” bi prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni li tkun 'il fuq jew qrib il-medja tal-UE;

  • Il-prestazzjoni tal-Kroazja (HR), ir-Repubblika Ċeka (CZ), il-Greċja (EL), l-Ungerija (HU), l-Italja (IT), il-Litwanja (LT), Malta (MT), il-Polonja (PL), il-Portugall (PT), is-Slovakkja (SK) u Spanja (ES) hija taħt il-medja tal-UE. Dawn il-pajjiżi huma "Innovaturi moderati";

  • il-Bulgarija (BG), il-Latvja (LV) u r-Rumanija (RO) huma "Innovaturi modesti" bi prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni li hija ferm iktar baxxa mill-medja tal-UE.

Grafika: Il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE

Mnejn ġej is-suċċess tal-mexxejja fl-innovazzjoni?

L-iktar pajjiżi innovattivi għandhom prestazzjoni aħjar u li b'mod ċar hija ogħla mill-medja tal-UE fl-oqsma kollha: mir-riċerka u s-sistemi tal-edukazzjoni ogħla, minn attivitajiet tal-innovazzjoni u assi intelletwali sal-innovazzjoni fl-SMEs u l-effetti ekonomiċi, li jirriflettu sistemi nazzjonali ta' riċerka u innovazzjoni bilanċjati.

Paraguni internazzjonali mal-UE

F’Ewropa usa’, l-Iżvizzera tikkonferma l-pożizzjoni tagħha bħala l-mexxejja ġenerali tal-innovazzjoni billi kontinwament ikollha prestazzjoni aħjar mill-Istati Membri kollha tal-UE. F'livell globali, il-Korea t'Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġappun għandhom vantaġġ fil-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni fuq l-UE. Filwaqt li d-distakk bejn l-Istati Uniti u l-Ġappun tnaqqas bin-nofs f'dawn l-aħħar snin, dak mal-Korea t'Isfel kiber.

L-UE għad għandha vantaġġ fil-prestazzjoni fuq l-Awstralja, il-Kanada u l-pajjiżi BRICS (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel) kollha. Dan il-vantaġġ huwa stabbli jew saħansitra qed jiżdied ħlief fil-każ taċ-Ċina, li qed tirkupra malajr.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali għall-2014

Din is-sena t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni fl-Unjoni hija akkumpanjata minn Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali għall-2014 li tagħti valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni madwar il-190 reġjun tal-Unjoni Ewropea, in-Norveġja u l-Iżvizzera bl-użu ta' għadd limitat ta' indikaturi tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Sfond dwar it-tabella ta' valutazzjoni tal-Innovazzjoni

Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni fl-Unjoni għall-2014 tiġbor 25 indikatur differenti, maqsuma fi tliet oqsma wiesgħa:

L-elementi abilitanti: l-elementi fundamentali li jippermettu li sseħħ l-innovazzjoni - ir-riżorsi umani, is-sistemi ta' riċerka miftuħa, eċċellenti u attraenti, u l-finanzi u l-appoġġ.

Attivitajiet tal-intrapriżi: li jiġbru l-isforzi tal-innovazzjoni fl-intrapriżi Ewropej - l-investimenti mill-intrapriżi, il-kollaborazzjonijiet u l-intraprenditorija, u l-assi intellettwali.

Riżultati: juru kif dan jissarraf f'benefiċċji għall-ekonomija kollha kemm hi - innovaturi u effetti ekonomiċi.

Għal aktar tagħrif

Ir-rapport sħiħ tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni fl-Unjoni għall-2014 jinsab fuq:

Ir-rapport sħiħ tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali għall-2014 jinsab fuq:

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65) Twitter: @shirinwheelerEU


Side Bar