Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2014

It-tisħiħ tar-rispons tal-UE għar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti

L-attivitajiet terroristiċi u estremisti vjolenti evolvew u huma theddida sinifikanti, li dejjem qed tikber fi ħdan l-UE. Dawn l-attivitajiet jitwettqu mhux biss minn gruppi organizzati iżda dejjem aktar minn gruppi iżgħar jew anki minn individwi, li llum qed jiġu mħeġġa minn firxa wiesgħa ta’ sorsi. L-użu tagħodda onlajn għall-finijiet ta’ reklutaġġ u biex tixxerred il-propaganda qed jiżdied, b’hekk qed ikun iktar diffiċli biex l-azzjonijiet vjolenti jiġu mbassra u maqbuda. Barra minn hekk, numru dejjem ikbar ta’ Ewropej jivvjaġġaw 'il barra minn pajjiżhom biex isegwu taħriġ u biex jiġġieldu f'żoni ta' ġlied, b'hekk isiru aktar radikalizzati matul dan il-proċess, u jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà tagħna mar-ritorn tagħhom.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tidentifika għaxar oqsma li fihom l-Istati Membri u l-UE huma msejħa biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jipprevjenu kull tip ta’ estremiżmu li jwassal għal vjolenza, irrispettivament minn min jispirah. Il-miżuri proposti jinkludu l-ħolqien ta’ ċentru ta’ għarfien Ewropew dwar l-estremiżmu vjolenti, l-iżvilupp ta’ taħriġ għall-individwi li jintervjenu mill-ewwel, appoġġ finanzjarju għal proġetti li jagħmlu użu minn għodod ta’ komunikazzjoni moderni u l-midja soċjali kontra l-propaganda terroristika. l-Istati Membri huma mistiedna wkoll li jistabbilixxu programmi jagħmluha aktar faċli għall-membri ta’ gruppi estremisti li jabbandunaw il-vjolenza u l-ideoloġija sottostanti. L-għaxar rakkomandazzjonijiet huma r-riżultat ta’ sentejn ta’ ħidma fin-netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), imwaqqfa mill-Kummissjoni fl-2011, li ġabret 700 espert u individwu li jintervjeni mill-ewwel minn madwar l-Ewropa kollha.

"L-ebda pajjiż ma hu meħlus mill-pjaga tal-estremiżmu vjolenti. Iżda xorta huma ftit wisq l-Istati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw din it-theddida dejjem tikber. Neħtieġu miżuri preventivi b’saħħithom, kontra l-estremiżmu fil-forom kollha tiegħu. Il-mira tagħna hi li nagħtu spinta lill-isforzi tal-Istati Membri kontra r-radikalizzazzjoni u l-vjolenza tal-estremisti, u li nipprovdu sett ta’ għodda għal azzjoni preventiva fl-Ewropa ", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Il-ħarsien taċ-ċittadini kontra theddid bħal dan jeħtieġ approċċ li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ msieħba fil-livell lokali, nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali. Biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni, il-Kummissjoni qed tiffoka fuq għaxar oqsma ta’ azzjoni:

Tiżviluppa strateġiji komprensivi nazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu oqfsa adegwati, li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi, ħaddiema li jintervjenu mill-ewwel, servizzi ta’ sigurtà u esperti fil-qasam, biex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu b’mod aktar effettiv.

Toħloq ċentru ta’ għarfien Ewropew s-sena d-dieħla biex tistabbilixxi u tqassam l-aħjar prattiki u tifforma l-aġenda tar-riċerka. Dan jista’ jagħti kontribut lil dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u lokali tal-UE, u jikkoordina inizjattivi ta’ prevenzjoni fl-UE u lil hinn minnha. Il-Kummissjoni se talloka sa EUR 20 miljun bejn l-2014-2017 għaċ-“ċentru ta’ għarfien" u attivitajiet oħra relatati mal-prevenzjoni ġestiti ċentralment inkluż attivitajiet tar-RAN u appoġġ għal programmi ta’ ħruġ fl-Istati Membri.

Tibni fuq ix-xogħol tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u ssaħħaħ ir-rwol tagħha, u tiżgura li tkun tista’ tipprovdi gwida prattika lill-Istati Membri,meta tkun mitluba tagħmel dan.

Tiżviluppa u tiffaċilita taħriġ għall-individwi li jintervjenu mill-ewwel li jaħdmu ma’ individwi jew gruppi f’riskju, indirizzat mhux biss għall-persunal tal-infurzar tal-liġi u dak tal-ħabsijiet iżda wkoll pereżempju għall-assistent soċjali, l-edukaturi, u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, sabiex ikun żviluppat il-fehim tagħhom tal-proċess ta’ radikalizzazzjoni u kif jirreaġixxu għalih.

Jipprovdu programmi ta' appoġġ għad-diżengaġġ u d-deradikalizzazzjoni lill-membri ta’ gruppi estremisti (“strateġiji ta' ħruġ”) f’kull pajjiż tal-UE. Minkejja l-effettività tagħhom, dawn il-programmi mhumiex disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE bħalissa. Dan it-tip ta’ xogħol ta’ spiss l-aħjar li jsir b’kooperazzjoni bejn diversi atturi, minn diversi setturi, u b’mod partikolari f'familji u membri tal-komunità qrib l-estremisti vjolenti. Il-Kummissjoni tipprovdi gwida fl-istabbiliment ta' programmi ta’ ħruġ u, meta mitluba, fit-twaqqaf ta' taħriġ għal professjonisti lokali involuti f’ħidma ta’ ħruġ. Fl-imgħoddi, il-Kummissjoni nefqet madwar EUR 10 miljun mill-Fondi ISEC għal proġetti ta' deradikalizzazzjoni. Permezz tal-Fond ISEC, il-Kummissjoni ffinanzjat għadd kbir ta’ proġetti sabiex jiżdied l-għarfien tal-proċess ta’ radikalizzazzjoni u kompetenza dwar kif tfassal miżuri effettivi ta’ prevenzjoni.

Tikkoopera aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-settur privat biex tindirizza l-isfidi ffaċċjati onlajn. Il-materjal u l-propaganda estremisti huma faċilment aċċessibbli onlajn permezz tas-siti għad-diskussjoni, il-midja soċjali, il-blogs, eċċ. L-isforz irid imur lil hinn milli sempliċiment jipprojbixxi jew ineħħi l-materjal illegali, u jinkludi l-iżvilupp ta' kontromessaġġi sabiex tixxejjen in-narrativa estremista. Il-gruppi tal-komunità, iċ-ċittadini, il-vittmi u l-eks estremisti jistgħu jwasslu messaġġi qawwija. Il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' forum ma’ atturi ewlenin fl-industrija biex jiġu diskussi opportunitajiet għal kooperazzjoni iktra mill-qrib u tiġi appoġġjata l-produzzjoni u disseminazzjoni ta’ kontranarrattiva.

Tingħata s-setgħa lill-vittmi. L-ilħna tal-vittmi huma għodda qawwija għall-prevenzjoni u d-deradikalizzazzjoni, iżda dan biss jekk il-vittmi jħossuhom komdi li jaqsmu l-istorja tagħhom u jkollhom l-appoġġ meħtieġ disponibbli. Il-Kummissjoni se tappoġġja gruppi u netwerks tal-vittmi, inkluż permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti, biex jiġu ffaċilitati attivitajiet ta’ komunikazzjoni u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni.

Tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku fost iż-żgħażagħ dwar messaġġi estremisti. L-edukazzjoni u l-iskambji taż-żgħażagħ huma oqsma ewlenin li jgħinu liż-żgħażagħ biex jaħsbu b’mod kritiku dwar il-fehmiet u d-diskorsi tal-estremisti u jesponu n-nuqqasijiet ta' propaganda bħal din. Il-Kummissjoni se tappoġġja komunitajiet lokali u gruppi li jaħdmu mal-eks estremisti vjolenti u l-vittmi tagħhom, minħabba li dawn jistgħu jiddeskrivu l-aħjar ir-realtajiet tal-gwerra u tal-kampijiet ta’ taħriġ tat-terroristi pereżempju.

Iżżid ir-riċerka dwar tendenzi ta' radikalizzazzjoni. Il-finanzjament tal-UE se jibqa' jkun disponibbli biex jiġi esplorat kif u għaliex in-nies jirradikalizzaw jew jidderadikalizzaw ruħhom, ir-rwoli li għandhom pereżempju, l-ideoloġija, it-tekniki b'rabta mar-reklutaġġ ibbażat mill-internet u x-xempji li jispiraw.

Taħdem aktar mill-qrib ma’ pajjiżi sħab lil hinn mill-UE. Il-vulnerabbiltà quddiem ir-radikalizzazzjoni ma tiqafx mal-fruntieri tal-UE. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jkomplu jaħdmu ma’ pajjiżi terzi biex jimpedixxu r-radikalizzazzjoni, permezz tal-użu ta’ fondi tal-UE għal taħriġ jew appoġġ lill-midja u inizjattivi oħra ta' prevenzjoni. Strateġiji li jimpedixxu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti għandhom ukoll ikunu inkorporati f’għodod u strumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni llum qed tippubblika Ġabra ta’ approċċi u prattiki għall-prevenzjoni u kontra r-radikalizzazzjoni żviluppati mir-RAN. Din tippreżenta sett ta’ tmien approċċi tal-prattikanti fil-qasam tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kull wieħed minnhom spjegat b'għadd ta’ prattiki u proġetti magħżula. Din il-ġabra hija maħsuba biex tkompli tappoġġja l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni.

Sfond

Mill-2005, l-isforzi kontra r-radikalizzazzjoni kienu ggwidati mill-Strateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu (l-aħħar rivedut fl-2008). Filwaqt li tirrikonoxxi l-awtorità tal-Istati Membri tal-UE bħala dawk li jipprovdu s-sigurtà, l-istrateġija fiha standards konġunti u miżuri li għandhom l-għan li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi, miġbura taħt tliet intestaturi ewlenin:

Sfrattar tal-attivitajiet ta' networks u individwi li jiġbdu lin-nies fit-terroriżmu;

Żgurar li l-vuċijiet tal-opinjoni prinċipali jegħlbu dawk tal-estremiżmu;

Promozzjoni tas-siġurtà, il-ġustizzja, id-demokrazija u l-opportunità għal kulħadd.

Il-Komunikazzjoni tal-lum qed tkompli fuq il- konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2013 u se tikkontribwixxi biex tiġi rieżaminata l-Istrateġija tal-UE matul l-2014

Il-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-estremiżmu vjolenti. Waqt li tirrikonoxxi li l-aħjar mod li tkun ikkontrollata r-radikalizzazzjoni huwa fil-livell l-aktar qrib tal-individwi vulnerabbli fil-komunitajiet l-aktar milquta, il-Kummissjoni, f’Settembru tal-2011, nediet in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni tal-UE.

Ir-RAN tappoġġja individwi li jintervjenu mill-ewwel involuti fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti madwar l-UE, u tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki bejniethom. Ir-RAN qed jiġbor l-aħjar esperti u professjonisti fil-qasam fi tmien 8 gruppi ta' ħidma, li jkollhom x'jaqsmu mal-pulizija u dawk b'rabta mal-infurzar tal-liġi; l-ilħna tal-vittmi tat-terroriżmu; l-internet u l-midja soċjali; il-prevenzjoni; id-deradikalizzazzjoni; il-ħabs u dawk relatati mal-perjodu ta’ prova; is-saħħa; id-dimensjoni interna u dik esterna (MEMO/13/40).

Ħoloq Utli

Link to Communication

Is-sit elettronikuta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Is-sit elettroniku tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN)

Is-sit elettronikutad-DĠ dwar l-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ dwar l-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website