Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta’ Frar 2014

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw il-punti ta' tħassib tal-konsumaturi rigward l-industrija tal-apps

L-'ekonomija tal-apps' fl-Ewropa qed tikber sew. Fiha jinsabu impjegati aktar minn miljun persuna, u hu mistenni li l-valur tagħha se jilħaq € 63 biljun fil-ħames snin li ġejjin. Skont Distimo, li hija l-pjattaforma ta' analiżi teknika tal-applikazzjonijiet esterni, madwar 80% tad-dħul ta' fornitur wieħed, li hu kkalkulat li jammonta għal aktar minn EUR 10 biljun fis-sena, ġej minn xiri li jsir mill-konsumaturi permezz ta' applikazzjoni li tintuża biex wieħed jaċċessa kontenut jew karatteristiċi speċjali - dan it-tip ta' xiri s-soltu jissejjaħ xiri waqt l-użu tal-apps ("in-app" purchases). Biex l-ekonomija tal-apps tiżviluppa l-potenzjal kollu tagħha u tkompli tavvanza fil-qasam tal-innovazzjoni, il-konsumaturi jridu juru fiduċja fil-prodotti. Bħalissa aktar minn 50% tas-suq tal-logħob onlajn tal-UE huwa magħmul minn logħob irreklamat li hu 'mingħajr ħlas', għalkemm spiss dan il-logħob jinvolvi elementi li jridu jinxtraw u li ġieli jkunu għaljin biex l-app ikun jista' jintuża bis-sħiħ. Spiss il-konsumaturi ma jkunux konxji mill-fatt li jkunu qed jonfqu l-flus, minħabba li l-karti tal-kreditu tagħhom jiġu debitati b'mod awtomatiku. It-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob li jista' 'jitniżżel mingħajr ħlas', iżda li ma jistax jintlagħab mingħajr ħlas. Wara li waslulha lmenti mill-Ewropa kollha, il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa, li se ssir illum u għada (is-27 u t-28 ta' Frar), ma' awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u ma' kumpaniji kbar tat-teknoloġija sabiex tiddiskuti dan it-tħassib. L-industrija se tiġi mitluba timpenja ruħha sabiex tipprovdi soluzzjonijiet f'perjodu ta' żmien ċar, sabiex tiżgura protezzjoni xierqa tal-konsumatur għall-klijenti li jużaw l-apps.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, qalet: "L-lndustrija tal-apps fl-Ewropa għandha potenzjal enormi, kemm biex tiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir, kif ukoll biex ittejjeb il-ħajja tagħna ta' kuljum permezz ta' teknoloġija innovattiva. Sabiex is-settur ikun jista' jwassal ir-riżultati mixtieqa, il-konsumaturi potenzjali tiegħu irid ikollhom fiduċja fi prodotti ġodda. Jidher b'mod ċar illi li wieħed iqarraq bil-konsumaturi huwa mudell ta' negozju ħażin, li jmur kontra l-ispirtu tar-regoli tal-UE rigward il-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li tirċievi tweġibiet konkreti ħafna mill-industrija tal-apps rigward it-tħassib li tqajjem miċ-ċittadini u minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi."

Il-Kummissarju għall-Politika tal-Konsumatur, is-Sur Neven Mimica, stqarr: "Il-konsumaturi, u b'mod partikolari t-tfal, jeħtieġu protezzjoni aħjar mill-ispejjeż mhux mistennija waqt l-użu tal-apps. L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u l-Kummissjoni Ewropea qed jiddiskutu mal-industrija rigward kif għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni, li mhux biss qed tikkawża danni finanzjarji lill-konsumaturi, iżda tista' wkoll tqiegħed f'periklu l-kredibilità ta' dan is-suq promettenti ħafna. Li naslu għal soluzzjonijiet konkreti mill-aktar fis possibbli se jkun ta' vantaġġ għal kulħadd.'"

Fil-laqgħat mal-industrija, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fl-UE se jippreżentaw il-ftehim komuni tagħhom dwar kif għandhom jiġu applikati r-regoli rilevanti tal-konsumatur f'dan is-settur. L-azzjoni hija mmexxija mill-Ombudsman Daniż tal-Konsumaturi. Fil-laqgħat se jipparteċipaw ukoll Franza, ir-Renju Unit, l-Italja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Litwanja, li huma membri tan-netwerk għall-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), li hu responsabbli għall-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur fl-UE kollha.

L-aktar erba' kwistjonijiet importanti li tqajmu mill-konsumaturi u li se jiġu diskussi waqt il-laqgħat huma:

Logħob irreklamat li hu 'mingħajr ħlas' ma għandux iqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-ispejjeż reali involuti;

Il-logħob ma għandux ikun fih appelli diretti lit-tfal biex dawn jixtru oġġetti waqt il-logħob, jew appelli lill-adulti biex jixtrulhom l-oġġetti huma;

Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati b'mod xieraq dwar l-arranġamenti tal-ħlas, u x-xiri ta' oġġetti ma għandux ikun debitat permezz ta' settings awtomatiċi mingħajr il-kunsens espliċitu tal-konsumaturi;

Il-kummerċjanti jridu jagħtu indirizz tal-email biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawhom f'każ li jkollhom mistoqsijiet jew ilmenti.

Il-Passi li Jmiss: Il-laqgħat huma opportunità għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jilħqu ftehim komuni mal-industrija sabiex jiġi indirizzat it-tħassib li tqajjem mill-konsumaturi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, se tkompli tagħti segwitu billi tieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa.

Il-kuntest

L-ekonomija tal-logħob u tal-applikazzjonijiet onlajn u tal-mowbajl fl-Ewropa qed tikber sew. Ġie kkalkulat li fl-2011 il-konsumaturi fir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju nefqu EUR 16.5 biljun fuq logħob onlajn. Skont studju estern imwettaq minn Bitkom (assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija tat-telekomunikazzjoni u tal-ICT fil-Ġermanja) id-dħul mix-xiri waqt l-użu tal-apps fil-Ġermanja biss irdoppja bejn l-2012 u l-2013, biex laħaq l-ammont ta' EUR 240 miljun. Minn fost il-klijenti, aktar minn miljun huma tfal u żgħażagħ ta' età ta' bejn l-10 u d-19-il sena.

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC)(EC N°2006/2004) jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Bis-saħħa ta' dan in-netwerk, awtorità nazzjonali f'pajjiż wieħed tal-UE tista' titlob lill-awtorità ekwivalenti tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex tintervjeni f'każ ta' ksur transfruntiera tar-regoli tal-konsumatur tal-UE.

Il-kooperazzjoni hija applikabbli għal regoli tal-konsumatur li jkopru diversi oqsma, bħad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti jew id-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti.

Il-prinċipji tal-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust tar-Renju Unit ippubblika fit-30 ta' Jannar 2014 rigward il-logħob onlajn u x-xiri waqt l-użu tal-apps huma konsistenti ma' din l-azzjoni.

Għal aktar tagħrif:

Il-Pożizzjoni Komuni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-applikazzjonijiet tal-logħob hija disponibbli hawn:

http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/common_position_on_online_games_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Il-paġna ewlenija ta' Neven Mimica, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/mimica/index_en.htm

Segwi lill-Kummissarju Mimica fuq Twitter: @NevenMimicaEU

Segwi l-Politika tal-Konsumatur tal-UE fuq Twitter: @EU_Consumer

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

David Hudson (+32 2 296 83 35)

Madalina Chiriac (+32 2 297 44 13)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tan-numru tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-e­mail

Anness

Il-partijiet li se jieħdu sehem fil-laqgħat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-apps tal-logħob

Il-Kummissjoni Ewropea

L-Ombudsman Daniż tal-Konsumaturi

Id-Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes, Franza

L-Office of Fair Trading, ir-Renju Unit

L-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, Direzione Generale per la Tutela del Consumatore, l-Italja

Id-Direttorat Ġenerali Spezzjoni Ekonomika, Servizz Pubbliku Federali, Ekonomija, SMEs, persuni li jaħdmu għal rashom u Enerġija, il-Belġju

Id-Dipartiment tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Istat tar-Repubblika tal-Litwanja

Il-Ministère de l'Économie, Direction du marché intérieur et de la consommation, il-Lussemburgu

Il-kumpanija Apple

Il-kumpanija Google

Il-Federazzjoni tas-Softwer Interattiv tal-Ewropa


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website