Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Frar 2014

Il-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea ġdida biex tippromwovi t-turiżmu kostali u marittimu

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat strateġija ġdida biex tappoġġja t-turiżmu kostali u marittimu fl-Ewropa. L-istrateġija, filwaqt li tagħraf il-potenzjal tas-settur għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, telenka 14-il azzjoni tal-UE maħsuba biex jgħinu lin-negozji u lir-reġjuni kostali jegħlbu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom u jsaħħu l-pożizzjoni tas-settur bħala xprun ewlieni tal-ekonomija blu tal-Ewropa. Dawn l-azzjonijiet konkreti huma akkumpanjati bi tqassim tal-kompiti li jistgħu jwettqu l-Istati Membri, ir-Reġjuni u l-partijiet involuti fl-industrija biex jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-UE.

Fost l-azzjonijiet proposti nsibu l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u d-djalogu aktar mill-qrib fl-Ewropa kollha bejn il-partijiet kollha interessati fis-settur tat-turiżmu kostali, is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-promozzjoni tal-ħiliet u l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-ekoturiżmu u l-ħolqien ta' gwida onlajn dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament biex jiġi xprunat l-investiment. L-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u l-industrija se jkunu ċentrali għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: "L-istrateġija tagħna għat-"Tkabbir Blu" identifikat it-turiżmu kostali u marittimu bħala wieħed mill-ixpruni ewlenin għall-ħolqien tat-tkabbir u ta' impjiegi ġodda, partikolarment fiż-żoni kostali tagħna li ħafna drabi jbatu minn rata għolja ta' qgħad. Billi dan is-settur jirrappreżenta l-akbar attività ekonomika marittima kif ukoll is-sinsla tal-ekonomija ta' ħafna mir-reġjuni kostali tagħna, hija r-responsabbiltà tagħna li ngħinu biex dan jiżviluppa u jirnexxi."

Antonio Tajani, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju Ewropew għall-Industrija, l-Intraprenditorija u t-Turiżmu, qal: "Inqis it-Turiżmu bħala lieva ekonomika fundamentali għat-tkabbir fl-Ewropa, u madwaru għandhom jitfasslu politiki dedikati, konsistenti u integrati. Strateġija mmirata lejn it-turiżmu kostali u marittimu tisħaq fuq il-potenzjal ta' dan is-settur importanti tat-turiżmu u r-rwol li jista' jkollu fil-ġlieda kontra l-qgħad, partikolarment fost iż-żgħażagħ".

Minkejja li mhemmx dubju dwar il-potenzjal li għandu, is-settur qed jiffaċċja għadd ta' sfidi li l-istrateġija qed tipprova tindirizza: lakuni fid-dejta u fl-għarfien, volatilità tad-domanda, staġjonalità għolja, nuqqas ta' innovazzjoni u ħiliet adegwati, u diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament. L-azzjonijiet previsti fl-istrateġija li ġiet ippreżentata llum huma maħsuba prinċipalment biex jgħinu lis-settur jegħleb dawn l-ostakli u jinħoloq ambjent li jattira aktar investiment. Fl-istess waqt, dawn jgħinu biex l-attivitajiet tas-settur jsiru aktar sostenibbli, jiġi ppreżervat il-wirt naturali u kulturali, jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u ambjentali u s-settur isir aktar kompetittiv globalment.

Sfond

It-turiżmu kostali u marittimu jinkludi t-turiżmu għall-baħar u t-turiżmu għax-xatt, il-kruċieri, il-jottijiet u n-navigazzjoni sportiva u huwa xprun ewlieni għall-ekonomija ta' bosta gżejjer u reġjuni kostali fl-Ewropa.

Jimpjega kważi 3.2 miljun ruħ, jiġġenera total ta' EUR 183 biljun f'valur gross miżjud għall-ekonomija tal-UE, u jirrappreżenta aktar minn terz tal-prodott gross tal-ekonomija marittima. It-turiżmu huwa settur li dejjem qed jikber: fl-2013 in-numru ta' ljieli f'lukanda jew fi stabbilimenti simili laħaq massimu ta' 2.6 biljun lejl fl-UE28, b'żieda ta' 1.6 % meta mqabbel mal-20121.

L-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-kosti u tal-ibħra jikkontribwixxi għall-ġid u għall-benessri tar-reġjuni kostali u tal-ekonomija tal-UE b'mod ġenerali, filwaqt li jiżgura l-iżvilupp sostenibbli u fit-tul tal-attivitajiet kollha marbuta mat-turiżmu.

L-istrateġija tal-lum se tiġi diskussa waqt Konferenza organizzata mal-Presidenza Griega fl-10 ta' Marzu f'Ateni, li se tgħaqqad flimkien l-awtoritajiet u n-negozji u partijiet interessati oħra. Fix-xhur li ġejjin se jiġu implimentati l-azzjonijiet konkreti.

Għal aktar tagħrif

Il-paġna web dwar it-turiżmu kostali fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/coastal_tourism/index_en.htm

Il-paġna web dwar it-turiżmu fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/index_en.htm

MEMO/14/120

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21) Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bin-numru tat-telefown00 800 6 7 8 9 10 11 jew b'e­mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site