Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, il-21 ta’ Frar 2014

Il-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni: approċċ aktar konfidenti

Liema progress sar biex ikun hemm amministrazzjoni aħjar tal-flussi tal-migrazzjoni u għall-promozzjoni tal-mobilità f'ambjent sikur. F'rapport adotta llum mill-Kummissjoni jħares lejn l-iżviluppi ewlenin fil-politika estera tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-2012 u l-2013. Sentejn wara t-tnedija tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) il-ġdida qed jiġu rrapportati kisbiet importanti fit-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni, filwaqt li jiġi rikonoxxut li għandha ssir aktar ħidma biex ikun hemm aktar progress.

L-isforzi biex jiġu indirizzati r-realtajiet ta' mobililtà internazzjonali li qed tiżdied iridu jaqblu mal-ħtiġijiet u mal-prijoritajiet tal-entitajiet interessati kollha. Dan jeħtieġ użu aħjar tal-għodda eżistenti, bħas-Sħubijiet tal-Mobilità u regoli tal-viża komuni. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fejn possibbli meta jimplimentaw il-politiki tal-UE.

"Migrazzjoni amministrata tajjeb tista' tkun verament ta' benefiċċju għal dawk kollha involuti, migranti u pajjiżi bl-istess mod. Is-suċċess tagħna jiddependi l-aktar fuq id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħna mal-pajjiżi mhux membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Is-Sħubijiet għall-Mobililtà, l-iffaċilitar għall-viża flimkien mal-ftehim ta' riammissjoni u r-regoli tal-viża komuni jibqgħu għodda ta' politika importanti. Imma rridu naħdmu aktar biex niżguraw tkabbir ekonomiku u kompetittività fl-Ewropa u biex nindirizzaw flimkien mal-pajjiżi mhux membri tal-UE n-nuqqasijiet tal-migrazzjoni, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti," qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Is-Sħubijiet għall-Mobililtà kienu għodda importanti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u tal-ażil b'mod ta' benefiċċju reċiproku. Din tistabbilixxi sett ta' għanijiet politiċi u tipprovdi struttura għal diskussjonijiet u kooperazzjoni. Sa issa, is-Sħubijiet għall-Mobililtà ġew konklużi ma' sitt pajjiżi: il-Moldova (2008), il-Kap Verde (2008), il-Ġeorġa (2009), l-Armenja (2011), il-Marokk (2013) u l-Azerbajġan (2013). Id-diskussjonijiet dwar Sħubija għall-Mobililtà mat-Tuneżija ġew konklużi (Novembru 2013) u l-iffirmar huwa imminenti. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet bdew mal-Ġordan (Diċembru 2013).

Kollox flimkien, fil-perjodu 2012-2013, il-Kummissjoni sostniet aktar minn 90 proġett relatat mal-migrazzjoni b'aktar minn EUR 200 miljun fir-reġjuni kollha tad-dinja żviluppata. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE investew aktar riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-GAMM.

Għandu jsir ukoll aktar xogħol rigward il-ħarsien tar-refuġjati u d-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) jista' jkollu rwol akbar fit-titjib tal-kapaċitajiet dwar l-ażil u l-akkoljenza fil-pajjiżi mhux membri tal-UE, inkluż fil-qafas tas-Sħubijiet għall-Mobililtà. Hemm ukoll spazju biex jittejjeb l-użu tal-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali, b'mod partikolari permezz ta' parteċipazzjoni itwal u finanzjament.

Koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' risistemazzjoni mill-ġdid fuq il-livell tal-UE u fost l-Istati Membri tal-UE tippermetti għal reazzjoni aktar effiċjenti u aktar ta' malajr f'każ ta' kriżi. Finanzjament miżjud tal-UE għandu jkun disponibbli wkoll biex isostni aktar risistemazzjoni/postijiet ta' ammissjoni umanitarji bil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (2014-2020).

Il-pass li jmiss għall-GAMM

Il-politika esterna u l-għodda eżistenti dwar il-migrazzjoni u l-ażil madankollu jistgħu jintużaw aħjar, inkluż biex jissaħħaħ il-faxxinu tal-UE u biex tissaħħaħ l-ekonomija tagħha.

Il-kwistjoni tal-migrazzjoni għax-xogħol se tkun aktar ċentrali fis-snin li ġejjin u r-rwol tas-Sħubijiet għall-Mobililtà jista' jiġi enfasizzat dwar dan (pereż. billi jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-istudenti jew tal-professjonisti, jissaħħu l-kapaċitajiet għall-amministrazzjoni tal-migrazzjoni f'pajjiżi mhux membri tal-UE, jiġu introdotti programmi ta' migrazzjoni ċirkolari, tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali tal-migranti legali, tiġi indirizzata fejn xieraq il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali, eċċ.).

L-iffaċilitar tal-għoti ta' viżi għal perjodu qasir jista' jipproduċi effetti pożittivi għall-iżvilupp fil-pajjiżi mhux membri tal-UE bħat-titjib tal-opportunitajiet u tar-rabtiet kummerċjali mal-UE, u t-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni. Barra minn hekk, il-potenzjal offrut mill-politika tal-UE dwar il-viża għandu jintuża sal-massimu tiegħu biex jittrawwmu tkabbir ekonomiku u skambji kulturali. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tipproponi emendi għall-Kodiċi tal-Viża biex jiġi ffaċilitat aktar l-ivvjaġġar lejn l-UE tal-vjaġġaturi leġittimi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà tal-UE.

Il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari saret aktar profonda fis-snin li għaddew. Id-djalogi, l-iskambju ta' tagħrif u azzjonijiet konġunti biex jiġu miġġielda t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti bdew u ġew implimentati. Huma mbassra aktar inizjattivi kif diġà mħabbar fir-rapport tat-Task Force Mediterranean.

Kuntest

L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), sa mill-2005, huwa l-qafas ġenerali tal-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil u jiddefenixxi kif l-UE twettaq id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni operattiva tagħha mal-pajjiżi mhux membri tal-UE. Huwa bbażat fuq prijoritajiet definiti b'mod ċar li jirriflettu l-għanijiet strateġiċi tal-UE, u huwa parti integrali tal-politika barranija ġenerali tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Il-GAMM għandu l-għan li jrawwem id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab li mhumiex parti mill-UE f'erba' oqsma: organizzazzjoni aħjar tal-migrazzjoni legali u t-trawwim ta' mobililtà amministrata tajjeb; il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-qerda tat-traffikar tal-bnedmin; l-immassimizzar tal-impatt ta' żvilupp tal-migrazzjoni; u l-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-ażil.

Il-GAMM jiġi implimentat permezz ta' djalogi ta' politika reġjonali u bilaterali (b'għodda politika bħas-Sħubijiet għall-Mobililtà); għodda legali bħall-iffaċilitar tal-viża u ftehim ta' riammissjoni; sostenn operattiv u bini tal-kapaċità; kif ukoll firxa wiesgħa ta' sostenn tal-programm u tal-proġett (disponibbli għal bosta entitajiet interessati, inklużi soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet tal-migranti u organizzazzjonijiet internazzjonali).

Links Utli

Is-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Is-sit elettroniku tad-DĠ dwar l-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ dwar l-Affarijiet Interni fuq Twitter

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-GAMM 2012-2013:

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew b'e­mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site