Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Frar 2014

Ir-roaming: stħarriġ juri li jekk jitneħħew it-tariffi tar-roaming, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jilħqu 300 miljun konsumatur aktar

Stħarriġ ġdid li sar fost 28,000 ċittadin tal-UE juri li minħabba tariffi għaljin tar-roaming bil-mowbajl, 94% tal-Ewropej li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom jitrażżnu kemm jużaw servizzi bħal Facebook. Il-Kummissjoni Ewropea tikkalkula li minħabba l-istrateġiji tal-prezzijiet li qed jintużaw bħalissa, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni qed jitilfu suq ta' madwar 300 miljun persuna li jużaw il-mowbajl u dan jaffettwa ħażin lil negozji oħra bħall-manifatturi tal-apps.

Minbarra li f'pajjiżhom l-utenti jibdew jużaw aktar il-mowbajl, l-aktar id-dejta bil-mowbajl, il-primjums tar-roaming iġibu bidliet oħrajn. Bħalissa:

47% qatt ma jużaw l-internet mobbli f'pajjiż ieħor tal-UE,

persuna biss minn kull għaxra tuża l-emails daqslikieku tinsab f'pajjiżha,

aktar minn kwart jaqbdu u jitfu l-mowbajl tagħhom meta jivvjaġġaw fl-UE, u

miljuni jużaw aktar il-messaġġi minflok iċemplu

Il-probabbiltà li l-vjaġġaturi frekwenti – l-aktar sezzjoni tas-suq potenzjali li trendi - jitfu r-roaming tad-dejta bil-mowbajl tagħhom hi akbar mill-vjaġġaturi okkażjonali. Il-Kummissjoni jidhrilha li dan qed jiġri għax il-vjaġġaturi frekwenti jafu aktar x'inhuma l-ispejjeż vera tar-roaming tad-dejta fl-Ewropa milli jafu l-vjaġġaturi okkażjonali.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Jien tassew maħsuda b'dawn iċ-ċifri. Dawn juruna li rridu naħdmu qatigħ biex inneħħu t-tariffi tar-roaming. Il-konsumaturi qed jużaw inqas il-mowbajl tagħhom b'modi estremi u dan lanqas għall-kumpaniji ma jagħmel sens.

Din mhix kwistjoni ta' pika bejn il-vjaġġaturi u l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. Miljuni ta' negozji jġarrbu spejjeż żejda minħabba r-roaming, u anki kumpaniji bħall-manifatturi tal-apps qed jitilfu l-flus. Ir-roaming ma jagħmilx sens f'suq uniku – dan ġenn ekonomiku."

Filwaqt li l-ekonomija tal-apps fl-Ewropa qed tissaħħaħ sew (IP/14/145), l-ostaklu għat-tariffi tar-roaming qed ixekkel lil xi partijiet minn das-settur ġdid. B'mod partikolari qed jintlaqtu ħażin l-apps ta' gwida għat-turisti, l-apps tar-ritratti u l-apps bil-mapep.

U l-konsumaturi mhumiex biss jitrażżnu milli jużaw il-mowbajl meta jkunu barra mill-pajjiż, għax anke f'pajjiżhom stess, 70% qed jitrażżnu milli jagħmlu sejħiet lejn pajjiżi oħra tal-UE minħabba l-ispiża.

Sejħiet lejn l-UE

L-istħarriġ li qabbdet il-Kummissjoni Ewropea juri li 28% tal-vjaġġaturi fl-UE jitfu l-mowbajl tagħhom meta jmorru f'pajjiż ieħor. Dan sab li 8% biss tal-vjaġġaturi jċemplu bil-mowbajl meta jkunu barra mill-pajjiż bl-istess mod bħal meta jkunu f'pajjiżhom u li tliet persuni minn kull għaxra qatt ma jċemplu meta jsiefru f'pajjiż ieħor.

Il-messaġġi aħjar mis-sejħiet

Marġinalment il-vjaġġaturi barra minn pajjiżhom jużaw aktar il-messaġġi milli jċemplu: żewġ persuni minn kull għaxra jibagħtu l-messaġġi bl-istess mod daqslikieku għadhom f'pajjiżhom. L-istħarriġ juri li kwart tal-vjaġġaturi qatt ma jibagħtu messaġġi meta jmorru f'pajjiż ieħor tal-UE.

Ebda internet mobbli barra mill-pajjiż

Iċ-ċifri dwar l-internet mobbli barra mill-pajjiż huma ferm aktar ħżiena. Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu: 47% qatt ma jużaw l-emails jew il-midja soċjali f'pajjiż ieħor tal-UE. Minn kull għaxra, persuna waħda biss tuża l-emails bl-istess mod daqslikieku għadha f'pajjiżha u minn kull għoxrin, persuna biss tuża l-midja soċjali bl-istess mod bħal f'pajjiżha.

Barra minn hekk, il-probabbiltà li l-vjaġġaturi frekwenti jitfu r-roaming tad-dejta bil-mowbajl tagħhom hi 33%, jiġifieri ferm akbar mis-16% tal-vjaġġaturi okkażjonali. L-istħarriġ jagħtina x'nifhmu li dan qed jiġri għax il-vjaġġaturi frekwenti jafu aktar x'inhuma l-ispejjeż vera tar-roaming tad-dejta fl-Ewropa milli jafu l-vjaġġaturi okkażjonali.

Fl-istess waqt, bis-saħħa tar-regolamenti tar-roaming eżistenti u l-prezzijiet orħos li ġabu magħhom, mill-2008 l-użu tar-roaming tad-dejta mal-UE żdied b'1500%. Jekk inqisu li l-utenti anke f'pajjiżhom qed jużaw u jgawdu aktar is-servizzi tad-dejta mobbli, il-fatt li ħafna minnhom qed jitrażżnu, joħroġ fid-dieher xejra inkwetanti li qed tintilef opportunità ta' tkabbir fl-ekonomija emerġenti tal-apps kif ukoll għall-operaturi tat-telefonija mobbli.

Servizzi tat-telekomunikazzjoni fl-UE – għall-but ta' kulħadd

Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Kontinent Konness (MEMO/13/779) issejjaħ lil-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) biex jiksbu Suq Uniku għas-sejħiet u l-użu tal-internet. Din għandha l-għan li b'taħlita ta' obbligi regolatorji u inċentivi tas-suq tħeġġeġ lill-operaturi tat-telefonija mobbli biex iwessgħu l-pjanijiet jew il-pakketti domestiċi tagħhom ħalli sa mhux aktar tard mill-2016, il-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea kollha jkunu jistgħu jużaw il-mowbajls jew l-ismartphones b'rati domestiċi meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni ("uża r-roaming daqslikieku f'pajjiżek"). Skont ir-regoli adottati fl-2012, minn Lulju 2014 il-konsumaturi se jkollhom id-dritt ukoll li jbiddlu l-operatur domestiku tagħhom meta jivvjaġġaw u li jieħdu servizzi tar-roaming orħos mingħand operatur lokali fil-pajjiż li jżuru jew mingħand provditur tar-roaming rivali f'pajjiżhom stess, bl-istess SIMcard.

L-għan huwa li jinħoloq spazju tal-komunikazzjoni tassew Ewropew li jtaffi ftit ftit u jxejjen id-differenza fit-tariffi li jintalbu għal sejħiet domestiċi bir-roaming u intra-UE.

It-tnaqqis riċenti fil-prezzijiet

Qabel l-2008, jiġifieri sa ma l-UE daħħlet limiti tal-prezzijiet, il-problema tar-roaming kienet ferm akbar. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-konsumaturi qed igawdu:

tnaqqis ta' 80% fil-prezzijiet tal-konsumaturi għall-messaġġi u s-sejħiet, u

roaming tad-dejta sa 91% orħos.

U fi Franza l-konsumaturi issa qed igawdu tmiem għalkollox tal-primjums tar-roaming, u dan juri li l-kumpaniji kapaċi joffru pjanijiet tal-mowbajls li jaħdmu kullimkien fl-UE bi prezz wieħed.

Links utli

Dawn huma r-riżultati dwar kif iċ-ċittadini ta' pajjiżek jaġixxu bir-roaming

Aktar tagħrif dwar Kontinent Konness

Hashtag: #roaming #ConnectedContinent

Il-website ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site