Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tfassil ta' Aġenda Urbana tal-UE għall-ibliet ta’ għada

European Commission - IP/14/147   14/02/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Frar 2014

It-tfassil ta' Aġenda Urbana tal-UE għall-ibliet ta’ għada

L-għoti ta' leħen aktar qawwi lill-ibliet tal-Ewropa, u t-tqegħid tal-aġenda urbana fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE se jkunu għanijiet ċentrali tal-forum CiTIEs: l-Ibliet ta' Għada: l-investiment fl-Ewropa li se jsir fi Brussell bejn is-17 u t-18 ta' Frar.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn qed jiġbor flimkien personalitajiet importanti fil-politika urbana biex titfassal it-triq 'l quddiem għal Aġenda Urbana ġdida tal-UE. B’aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej jgħixu fl-ibliet, il-laqgħa hija mfassla biex tesplora u tiddibatti modi biex l-ibliet jingħataw prominenza akbar fil-politika Ewropea, biex ikun żgurat li jinftiehmu aħjar il-ħtiġijiet tal-ibliet, u li l-politiki jkunu aktar ikkoordinati. Għandha l-għan li tenfasizza r-rwol ċentrali li jista’ jkollhom l-ibliet fil-kisba ta' objettivi Ewropej usa’ bħal ma huma t-tibdil fil-klima, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali.

Id-diskussjoni se ddur madwar dokument esplorattiv imħejji mill-Kummissjoni Ewropea. Se jsiru serje ta’ avveniment li jinvolvu atturi ċentrali li jinkludu bosta esperti urbani, assoċjazzjonijiet ta' bliet, awtoritajiet lokali kif ukoll rappreżentanti minn ministeri nazzjonali. Sindki minn 16-il-belt kapitali fl-UE li se jiltaqgħu fil-Forum, huma wkoll mistennija jissieħbu mas-sejħa mill-Istati Membri għal aġenda urbana koerenti tal-UE.

Ministri li jirrappreżantaw lill-Presidenza tal-UE Griega u dik Taljana se jkunu qed jitkellmu waqt l-avveniment fil-plenarja.

Il-Kummissarju Hahn imbotta 'l quddiem il-kawża tal-iżvilupp tal-ibliet u l-iżvilupp urban matul il-mandat tiegħu. Huwa qal, "Ninsab determinat li ngħolli l-profil tal-ibliet tagħna. L-ibliet huma importanti wisq biex jiġu ttrattati bħala kwistjoni sekondarja. Dawn għandhom ikunu fil-qofol tal-ħsieb tagħna. Wara kollox, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jgħixu fil-bliet. Jeħtieġ li nagħmluhom post aħjar fejn wieħed jgħixu u naraw li leħinhom jistema' aktar.”

Huwa żied jgħid, "Dan huwa għaliex issa rrid inniedi dibattitu biex jiġi żgurat li r-realtà urbana tal-UE tal-lum tinftiehem bis-sħiħ u tittieħed f'kunsiderazzjoni minn dawk li jfasslu l-politika. L-ibliet ta’ għada huma l-Ewropa ta' għada.”

Permezz ta’ laqgħat ta’ livell għoli, gruppi ta’ ħidma u s-sessjoni plenarja ewlenija tagħha, il-forum se jesplora kif approċċ iktar koordinat jista’ jiġi estiż madwar il-livelli kollha tat-tfassil tal-politika Ewropea. Se jippreżenta numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-ibliet fl-implimentazzjoni tal-politiki li għandhom jirriflettu l-potenzjal u l-ħtiġijiet tagħhom — u kif dan jista’ jinkiseb.

Għall-ewwel darba l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Insedjamenti Umani: UN-Habitat talab lill-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex issir kontribuzzjoni għall-konferenza HABITAT III li se ssir fl-2016. Il-Kummissarju Hahn u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Reġjonali u Urbana se jipprovdi dik l-informazzjoni dwar kif l-UE tista’ tiżviluppa approċċ ġdid li jista' jiġi offrut lil oħrajn madwar id-dinja bħala mudell.

Joan Clos, is-sottosegretarja-ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll Direttur Eżekuttiv ta' UN-Habitat (kif ukoll eks-sindku ta' Barċellona) ukoll ser tindirizza l-forum u se tagħti konferenza stampa konġunta mal-Kummissarju Hahn.

Sfond

Fl-2012 il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso ddeċieda li jagħmel il-politika urbana r-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Reġjonali u Urbana taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju Hahn. Dan kien b’rikonoxximent li l-UE għandha bżonn approċċ aktar "konġunt" għall-politika urbana u li l-ibliet tal-Ewropa huma vitali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali u jimplimentaw l-aġenda għat-tkabbir tal-UE għall-2020.

Ir-riforma reċenti tal-Politika Reġjonali tal-UE għamlet id-dimensjoni urbana aktar ċentrali: huwa mistenni li nofs l-investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-2014-2020 se jsir fl-ibliet u f'żoni urbani. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati li jinvestu tal-anqas 5 % fuq azzjonijiet urbani sostenibbli integrati.

Is-Sindki tal-ibliet kapitali ltaqgħu għall-ewwel darba bħala grupp distint mal-Kummissarju Hahn fi Frar 2013 u ħarġu stqarrija konġunta intitolata: 'Smart, sustainable and inclusive growth: EU Capital Cities – essential partners for Europe 2020'. Din id-darba qed jattendu Ruma, Vjenna, Sofia, Żagreb, Varsavja, Bratislava, Bukarest, Nikosija, Riga, Ħelsinki, Ljubljana, Liżbona, Tallinn, Ateni, il-Belt Valletta u Amsterdam. Il-Kummissarju Hahn se jiġbor flimkien id-diversi diskussjonijiet differenti fil-forum u jfassal rapport lill-kunsill informali li ġej tal-Ministri tal-UE dwar il-Politika Reġjonali li se jiltaqa' f’Ateni f’April taħt il-Presidenza Griega tal-UE.

Fis-17 ta' Frar se ssir konferenza stampa konġunta mal-Kummissarju Hahn u ma' Joan Clos, sottosegretarju ġenerali tan-NU, u Direttur Eżekuttiv ta' UN Habitat, fil-bini Charlemagne fis-1.15pm.

Għal aktar tagħrif:

Il-programm sħiħ ta' "CiTIEs: l-Ibliet ta' Għada: l-Investiment fl-Ewropa" u dokument esplorattiv fuq il-websajt tal-forum.

Xeni bil-vidjo mill-arkivju ta' proġetti urbani kkofinanzjati mill-UE, flimkien ma' kopertuta tal-forum bil-vidjo u l-awdjo se jkunu jistgħu jiġu aċċessati fuq l-Ebs http://ec.europa.eu/avservices

Kuntatti:

Shirin Wheeler +32 229 66565; Mob +32 4607 66565

Annemarie Huber +32 229 93310; Mob + 32 4607 93310


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website