Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 30 ta' Jannar 2014

Il-moviment liberu: Il-Kummissjoni tippubblika gwida dwar l-applikazzjoni ta’ "Test tar-Residenza Abitwali" għas-sigurtà soċjali

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kif ippubblikat gwida prattika dwar it-"Test ta' Residenza Abitwali" sabiex jgħin lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu ċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor. Il-gwida l-ġdida tagħti aktar ċarezza dwar it-"Test ta' Residenza Abitwali" tal-UE u se tiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Jeżistu salvagwardji ċari fil-liġi tal-UE biex iżommu lin-nies milli jabbużaw mis-sistemi tas-servizzi soċjali ta' pajjiżi oħra tal-UE. Din il-gwida se tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex japplikaw fil-prattika s-salvagwardji tar-“Residenza Abitwali”. Il-Manwal jagħmel parti mill-azzjonijiet tal-Kummissjoni li għaddejjin bħalissa biex jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni madwar l-UE.”

Il-gwida, imfassla b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiċċara l-kunċetti separati ta’ "residenza abitwali" u "residenza temporanja" jew "żjara". Dawn id-definizzjonijiet, stabbiliti fil-liġi tal-UE (Ir-Regolament KE/883/2004 kif emendat mir- Regolament UE/465/2012), huma meħtieġa biex jiġi stabbilit liema Stat Membru huwa responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. Skont il-liġi tal-UE jista’ jkun hemm post ta’ residenza abitwali wieħed biss u għalhekk Stat Membru wieħed biss huwa responsabbli għall-ħlas ta' benefiċċji tas-sigurtà soċjali bbażati fuq ir-residenza.

L-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom jikkwalifikaw għas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn jaħdmu u l-persuni mhux attivi (eż. il-pensjonanti, l-istudenti) jikkwalifikaw fl-Istat Membru fejn ikunu "residenti abitwalment". Huwa wkoll importanti li jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta' "residenza abitwali" ta' persuna għall-ħaddiema li jaħdmu f’aktar minn Stat Membru wieħed.

Il-gwida tfakkar il-kriterji speċifiċi li jridu jitqiesu biex jiġi ddeterminat il-post ta' "residenza abitwali" ta' persuna bħal:

l-istatus tal-familja u r-rabtiet familjari

it-tul ta’ żmien u l-kontinwità tal-preżenza fl-Istat Membru kkonċernat

is-sitwazzjoni tal-impjieg (b’mod partikolari l-post fejn din l-attività normalment titwettaq, l-istabbiltà tal-attività u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ xogħol)

l-eżerċizzju ta’ attività mingħajr ħlas

fil-każ ta’ studenti, is-sors tad-dħul tagħhom

il-permanenza tas-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni ta’ persuna

l-Istat Membru fejn il-persuna tħallas it-taxxi

ir-raġunijiet għaċ-ċaqliq

l-intenzjonijiet tal-persuna abbażi taċ-ċirkostanzi kollha u sostnuti b’evidenza fattwali.

Jistgħu jitqiesu wkoll fatti oħra jekk ikunu rilevanti.

Il-gwida tipprovdi wkoll eżempji konkreti u gwida dwar każijiet fejn id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza tista’ tkun diffiċli, bħal ħaddiema transfruntieri, ħaddiema staġjonali, ħaddiema stazzjonati, studenti, pensjonanti, u persuni mhux attivi li jkunu mobbli ħafna.

Pereżempju, jekk ċittadin tar-Renju Unit jirtira fil-Portugall u jqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu fil-Portugall, il-post ta’ "residenza abitwali" jsir il-Portugall anki jekk dan ikun sid ta' dar fir-Renju Unit u jżomm rabtiet kulturali u ekonomiċi mar-Renju Unit.

Sfond

Il-gwida dwar ir-"residenza abitwali" tagħmel parti minn manwal usa' maħsub biex jgħin lill-istituzzjonijiet, lil min iħaddem u liċ-ċittadini biex jiddeterminaw liema leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru għandha tapplika f’ċirkostanzi speċifiċi. Il-manwal jiċċara wkoll ir-regoli li japplikaw għal ħaddiema stazzjonati u għal persuni li jaħdmu f’żewġ Stati Membri jew aktar, inklużi r-regoli applikabbli għal ħaddiema tat-trasport, b’mod partikolari għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina.

Il-pubblikazzjoni tal-gwida prattika dwar it-test tar-residenza abitwali tikkostitwixxi waħda mill-ħames azzjonijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni dwar "Il-moviment liberu taċ-ċittadini u l-familji tagħhom" tal-25 ta’ Novembru (ara IP/13/1151 u MEMO/13/1041). Il-gwida issa hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea bl-Ingliż (ara hawn taħt), u għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-gwida emendata ġiet approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali fit-18 ta’ Diċembru 2013. Dan il-korp huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u huwa responsabbli għall-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sigurtà soċjali stabbiliti fir-Regolament KE/883/2004.

Għal aktar tagħrif

Gwida dwar it-Test tar-Residenza Abitwali

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona b'xejn bil-posta elettronika għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site