Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Tbassir Ekonomiku għall-Ħarifa 2014: Rkupru bil-mod b’inflazzjoni baxxa ħafna

Brussell, 04 Novembru 2014

It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea jipproġetta tkabbir ekonomiku dgħajjef għall-bqija tas-sena kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro. It-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni li jilħaq 1.3% fl-UE u 0.8% fiż-żona tal-euro fl-2014 b’mod ġenerali. It-tkabbir huwa mistenni li jiżdied bil-mod matul l-2015, għal 1.5% u 1.1% rispettivament, flimkien mat-titjib fid-domanda domestika u barranija. Aċċellerazzjoni ta’ attività ekonomika għal 2.0% u 1.7% rispettivament fl-2016 hija mistennija li tkun xprunata mit-tisħiħ tas-settur finanzjarju (wara valutazzjoni komprensiva mill-Bank Ċentrali Ewropew u aktar progress lejn l-Unjoni Bankarja), kif ukoll riformi strutturali riċenti li jibdew jagħtu l-frott.

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Is-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi mhix titjieb malajr biżżejjed. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tuża l-għodod u r-riżorsi kollha disponibbli li jwasslu għal aktar impjiegi u tkabbir fl-Ewropa. Se nippreżentaw pjan ta’ investiment ta’ EUR 300 biljun biex nagħtu bidu għall-irkupru ekonomiku u nsostnuh. L-aċċellerazzjoni tal-investiment hija l-fulkru tal-irkupru ekonomiku."

Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Ma hemm l-ebda tweġiba waħda sempliċi għall-isfidi li qed taffaċċja l-ekonomija Ewropea. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni fuq tliet aspetti: għal politiki fiskali kredibbli, riformi strutturali ambizzjużi u investiment tant meħtieġ, kemm pubbliku kif ukoll privat. Kollha kemm aħna rridu nassumu r-responsabbiltajiet tagħna, fi Brussell, fil-kapitali nazzjonali u fir-reġjuni tagħna, biex niġġeneraw żieda fit-tkabbir u nagħtu spinta reali lill-impjiegi għaċ-ċittadini tagħna.”

 

L-irkupru ekonomiku li beda fit-tieni kwart tal-2013 jibqa’ fraġli u l-momentum ekonomiku f’ħafna Stati Membri għadhu dgħajjef. Il-fiduċja hija inqas milli kif kienet fir-rebbiegħa, li tirrifletti żieda fir-riskji ġeopolitiċi u prospetti ekonomiċi dinjija inqas favorevoli. Minkejja kundizzjonijiet finanzjarji favorevoli, l-irkupru ekonomiku fl-2015 se jseħħ bil-mod. Dan jirrifletti it-tnaqqis gradwali tal-konsegwenzi tal-kriżi b’livell li għadu għoli ta’ qgħad, dejn għoli u l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità. L-evalwazzjoni komprensiva riċentital-Bank Ċentrali Ewropew naqqset l-inċertezzi dwar is-solidità tas-settur bankarju u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għandu jgħin bl-irkupru tal-attività ekonomika. Fl-2016, domanda domestika u barranija msaħħa u kontinwazzjoni ta’ politika monetarja akkomodanti ħafna assoċjata ma’ spejjeż baxxi ta’ finanzjament għandhom ikomplu jsaħħu t-tkabbir.

Fl-2014, il-firxa ta’ rati ta’ tkabbir tal-Istati Membri hija mistennija li tibqa’ wiesgħa, minn -2.8 % (Ċipru) għal 4.6% (l-Irlanda). Madankollu, id-differenzi fit-tkabbir huma mistennija li jonqsu matul is-sentejn li ġejjin. Fl-2015 u l-2016, il-pajjiżi kollha tal-UE huma mistennija li jirreġistraw tkabbir pożittiv. Dan ukoll meta l-impatt kajman tar-riformi diġà implimentati għadu jinħass iktar bis-saħħa.

Ritorn bil-mod ta’ tkabbir ekonomiku modest

L-irkupru tal-UE jidher dgħajjef, meta mqabbel ma’ ekonomiji avvanzati oħra u fir-rigward ta’ eżempji storiċi ta’ rkupru wara kriżi finanzjarja, għalkemm dawn ukoll kienu tipikament bil-mod u fraġli. Matul il-perjodu ta’ tbassir, id-domanda domestika għandha tibbenefika dejjem aktar mill-politika monetarja akkomodanti ħafna, il-progress li sar fit-tnaqqis ta’ piżijiet ta’ dejn privat u qagħda fiskali fil-biċċa l-kbira newtrali. L-investiment privat għandu jirkupra gradwalment, anke bis-saħħa tat-titjib tal-prospettiva tad-domanda u l-effetti ta’ rkupru, għalkemm inizjalment ġie miżmum lura minn abbundanza ta’ kapaċitajiet żejda. Il-konsum privat huwa mistenni li jikber b’mod moderat fl-2015 u 2016, sostnut minn livell baxx ta’ prezzijiet tal-prodotti bażiċi u żieda fid-dħul disponibbli, hekk kif is-suq tax-xogħol jitjieb gradwalment. Il-konsum pubbliku huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod marġinali għat-tkabbir. F’dan l-isfond ta’ tkabbir moderat tal-kummerċ dinji, l-esportazzjonijiet netti huma mistennija li jikkontribwixxu biss marġinalment għat-tkabbir tal-PDG matul is-snin li ġejjin.

Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol jitjiebu biss bil-mod

Il-ħolqien tal-impjiegi kien moderat u r-rati tal-qgħad naqsu kemxejn minn livelli għoljin. Billi t-tkabbir ekonomiku hu mistenni li jaqbad ir-ritmu b’mod gradwali, għandu jseħħ aktar titjib sinifikanti fis-suq tax-xogħol lejn tmiem il-perjodu mbassar. Ir-rata tal-qgħad mistennija li taqa' għal 9.5% fl-UE u 10.8% fiż-żona tal-euro fl-2016.

Ix-xejra lejn inflazzjoni aktar baxxa kompliet matul l-2014 fl-Istati Membri tal-UE, xprunata minn prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti bażiċi u staġnar ekonomiku sostanzjali. L-inflazzjoni mistennija tibqa’ baxxa ħafna fl-2014. Minħabba li l-attività ekonomika qiegħda gradwalment tissaħħaħ u l-pagi qed jiżdiedu, l-inflazzjoni għandha tiżdied, megħjuna wkoll miż-żieda fil-valur tal-euro. Fl-UE, l-inflazzjoni hija pproġettata għal 0.6% fl-2014, 1.0% fl-2015 u 1.6% fl-2016. L-inflazzjoni HICP (Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur) taż-żona tal-euro hija prevista għal 0.5% din is-sena u 0.8% fl-2015 qabel tiżdied għal 1.5% fl-2016.

It-tnaqqis fid-defiċits ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jissokta. Il-proporzjonijiet tad-defiċit għall-PDG – kemm fl-UE u fiż-żona tal-euro huma mistennija jonqsu aktar din is-sena, għalkemm aktar bil-mod milli fl-2013, għal 3.0 % u 2.6 % rispettivament. Id-defiċits tal-gvern huma mistennija li jkomplu jonqsu matul is-sentejn li ġejjin, megħjuna minn attività ekonomika imsaħħa. Il-qagħda tal-politika fiskali mistennija tkun qrib newtrali fl-2014 u l-2015. Il-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro huma mistennija jilħqu l-ogħla livell s-sena d-dieħla għal 88.3 % u 94.8 % rispettivament (skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 definizzjoni).

Ir-riskji għall-prospettiva jibqgħu inklinati ‘l isfel

Ir-riskji negattivi għall-prospetti tat-tkabbir għadhom jiddominaw minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi, il-fraġilità fis-swieq finanzjarji u r-riskju ta’ implimentazzjoni mhux sħiħa tar-riformi strutturali. Ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni jibqgħu bilanċjati.

Għal iżjed informazzjoni:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2014_autumn_forecast_en.htm

Segwi DG ECFIN fuq Twitter: @ecfin

IP/14/1362

Kuntatti mal-istampa

Schinas Margaritis (+32 2 296 05 24)
Andreeva Mina (+32 2 299 13 82)

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:

Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail

Side Bar