Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar kif l-UE tista’ tiġġieled iż-żieda drammatika fit-traffikar ta' speċijiet slavaġ

European Commission - IP/14/123   07/02/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Frar 2014

L-ambjent: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar kif l-UE tista’ tiġġieled iż-żieda drammatika fit-traffikar ta' speċijiet slavaġ

Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif l-UE tista’ tkun aktar effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ speċijiet slavaġ. Din hija r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-qabża globali riċenti fil-kwantità ta' kaċċa illegali u fil-kwantità ta' kummerċ illegali ta’ annimali u pjanti slavaġ, li issa waslu f’livelli mingħajr preċedent għal ċerti speċijiet. Pereżempju fl-2013 inqatlu aktar minn 1,000 rinoċeront b'mod illegali fl-Afrika t’Isfel, imqabbla ma' 13 fl-2007, u llum il-ġurnata l-qarn tar-rinoċeronti sar jiswa aktar mid-deheb. L-UE hija suq ta' destinazzjoni ewlieni, u hija importanti bħala punt ta' tranżitu għall-prodotti illegali ta’ annimali u pjanti slavaġ, u f'dan qed tieħu rwol dejjem iktar importanti l-kriminalità organizzata.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent qal: "It-traffikar tal-annimali slavaġ qed ikollu impatt terribbli fuq il-bijodiversità, u jeħtiġilna nsibu l-mezzi biex nieħdu azzjoni aktar deċiżiva. Din il-konsultazzjoni hija l-ewwel pass lejn dak li nispera se jkun tibdil kbir fl-approċċ tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, qalet: “It-traffikar ta’ speċijiet slavaġ jirrendi profitti kbar lill-gruppi internazzjonali tal-kriminalità organizzata. Il-Komunikazzjoni li qegħdin nadottaw illum tistabbilixxi l-mod kif jistgħu jaħdmu flimkien l-atturi kollha biex jiġġieldu kontra dan l-att kriminali b’mod aktar effettiv.”

L-UE ilha attiva fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ annimali u pjanti slavaġ għal dawn l-aħħar għaxar snin, tant li adottat regoli kummerċjali stretti dwar speċijiet fil-periklu u anki pprovdiet appoġġ fuq skala kbira għall-isforzi kontra t-traffikar tal-annimali slavaġ fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Fl-Afrika, matul l-aħħar 30 sena l-UE ikkontribwiet iktar minn EUR 500 miljun għall-konservazzjoni tal-bijodiversità b’portafoll ta' madwar EUR 160 miljun fi proġetti li għaddejjin bħalissa..

Il-kriminalità li tinvolvi l-annimali slavaġ tirrendi qligħ enormi, u ftit huma l-każijiet li jitressqu l-qorti fuq dawn l-attivitajiet. Id-domanda dejjem tikber għall-prodotti illegali qed ikollha konsegwenzi devastanti għal għadd ta’ speċijiet diġà mhedda. It-tkabbir fl-iskala ta' din il-problema wasslet biex l-UE teżamina kif tista’ tkun aktar effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ speċijiet slavaġ. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tfittex il-fehmiet dwar għaxar mistoqsijiet marbutin mat-traffikar ta’ speċijiet slavaġ, fosthom: huwiex biżżejjed il-qafas attwali; x'għodod jistgħu jsaħħu l-isforzi eżistenti biex tiġi miġġielda l-problema; kif tista' tgħin b'mod partikolari l-UE; it-titjib tal-għarfien u tad-dejta, u l-possibbiltà li jitwettqu sanzjonijiet aktar b’saħħithom.

Il-kummenti jistgħu jitħallew fis-sit http://ec.europa.eu/yourvoice/ sal-10 ta’ April 2014.

Il-Passi li Jmiss

Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni u l-eżitu ta’ konferenza li se ssir fl-10 ta’ April 2014 se jikkontribwixxu biex jiġu rriveduti l-politiki u l-miżuri eżistenti tal-UE f’dan il-qasam, u dan bil-għan li l-UE tkun sostnuta fir-rwol tagħha biex tindirizza din il-problema b'mod aktar effettiv.

Kuntest

It-traffikar illegali ta’ annimali u pjanti slavaġ (il-kummerċ transfruntier u illegali ta' riżorsi bijoloġiċi meħudin mill-ambjent naturali, fosthom il-kummerċ tal-injam u tal-ispeċijiet tal-baħar) mhux fenomenu ġdid, iżda d-daqs, il-kwalità u l-impatti tiegħu nbidlu ħafna f’dawn l-aħħar snin.

It-traffikar ta’ speċijiet slavaġ imħeġġeġ minn domanda għolja u dejjem tikber għall-prodotti tal-annimali slavaġ, b'mod speċjali fl-Asja, sar wieħed mill-attivitajiet kriminali transnazzjonali fuq skala globali, wieħed mill-aktar li jrendi profitti. In-nuqqas ta’ għarfien, il-konsapevolezza min-naħa tal-kriminal li ir-riskju li jinqabad huwa tabilħaqq ċkejken, u l-livelli baxxi tas-sanzjonijiet jagħmlu dan it-tip ta' traffikar attraenti ħafna għan-netwerks tal-kriminalità organizzata fl-UE u barra minnha.

L-għadd ta' ljunfanti Afrikani li nqatlu b'mod illegali rdoppja f'dawn l-aħħar għaxar snin, biss biss fl-2012 inqatlu 22 000 iljunfant mill-kaċċaturi illegali; il-qtil illegali tar-rinoċeronti żdied bil-kbir fl-Afrika t'Isfel minħabba li l-qarn ta' dawn l-annimali jinbiegħ bil-prezz ta' EUR 40,000 il-kilo; u l-qtil illegali jikkawża 78 % mill-imwiet fil-popolazzjoni tat-tigri tas-Sumatra. L-għadam tat-tigri jinbiegħ bid-900 euro l-kilo.

It-traffikar ta’ speċijiet slavaġ iċaħħad ħafna mill-aktar nies emarġinati tad-dinja, fosthom komunitajiet indiġeni, minn opportunitajiet importanti ta’ għajxien sostenibbli. Ir-rabta tat-traffikar ta' annimali slavaġ mal-korruzzjoni u mal-flussi ta' flus illeċiti, pereżempju permezz tal-ħasil tal-flus, jimminaw l-istat tad-dritt u l-governanza tajba. Din l-attività tħeġġeġ ukoll l-instabbiltà reġjonali fl-Afrika Ċentrali, fejn xi gruppi tal-milizja jużaw id-dħul mit-traffikar tal-annimali slavaġ biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom. Il-kaċċa illegali timmina l-bijodiversità u b'hekk thedded is-saħħa ta’ ekosistemi ta' importanza kruċjali.

Għal aktar tagħrif:

Tista’ tikkontribwixxi fil-konsultazzjoni hawn:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm#open

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/cites/home_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/cites/trafficking_en.htm

MEMO Q&A: MEMO/14/91

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-imejl


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website