Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta’ Frar 2014

Il-Parlament Ewropew jivvota dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

Illum, il-Parlament Ewropew ivvota dwar proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex jissaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluż miżuri li jiżguraw li l-passiġġieri tal-ajru jkollhom drittijiet ġodda u mtejba biex jiksbu l-informazzjoni, jingħataw attenzjoni u jingħataw rotta ġdida jekk jitħallew l-ajruport. Fl-istess ħin, se jkun hemm proċeduri mtejba biex il-passiġġieri jressqu l-ilmenti tagħhom u miżuri ta' infurzar li jiżguraw li l-passiġġieri jiksbu b'mod reali d-drittijiet li huma intitolati għalihom.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mit-trasport, Siim Kallas, qal: “Il-qatla tiegħi nisfa mwaħħal f'ajruport. Konvint li l-maġġoranza tan-nies xejn ma jieħdu gost, lanqas. Jekk jiġrilek hekk waqt li tkun qed tivvjaġġa fuq xogħol xejn ma tkun esperjenza pjaċevoli, imma jekk tkun waqt btala u jkollok it-tfal miegħek, il-btala malajr tieħu xejra ta' ħolma kerha. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li d-drittijiet tal-passiġġieri ma jibqgħux biss fuq il-karta. Ilkoll kemm aħna rridu nkunu nistgħu niddependu fuqhom – meta l-affarijiet ma jimxux ħarir. Nafu x'inhi l-prijorità vera tal-passiġġieri meta jisfaw imwaħħlin f'ajruport: ikollhom seba' mitt sena biex jaslu lura d-dar. Allura l-mira tagħna hija li nipprovdulhom l-informazzjoni, nieħdu ħsiebhom u nipprovdulhom ukoll rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni tagħhom. L-għan huwa li nwasslu lill-passiġġieri fejn iridu jmorru kemm jista' jkun malajr filwaqt li nagħtu lill-kumpaniji tal-ajru l-ħin li jeħtieġu biex isolvu l-problemi."

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru (ippreżentata fit-13 ta' Marzu 2013) tiċċara ċerti ambigwitajiet legali u fejn meħtieġ tintroduċi drittijiet ġodda – għal-lista sħiħa ara MEMO/13/XXX.

Il-Parlament Ewropew sostna bis-sħiħ il-proposti ewlenin tal-Kummissjoni biex isaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, inklużi:

Infurzar: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tissaħħaħ is-sorveljanza tat-trasportaturi tal-ajru mill-awtoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej (b’rekwiżiti aktar stretti fuq l-awtoritajiet nazzjonali biex jimmonitorjaw mill-qrib il-prestazzjoni tal-linji tal-ajru u b'possibbiltajiet ġodda ta' investigazzjonijiet konġunti bejn l-awtoritajiet li qed jiffaċċjaw l-istess problemi), kif ukoll sanzjonijiet aktar effettivi.

Dritt għall-attenzjoni. Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi d-dritt għall-attenzjoni tal-passiġġieri wara dewmien ta’ sagħtejn, għat-titjiriet kollha u irrispettivament id-distanza. Sa issa, iż-żmien kien ivarja skont id-distanza.

Trattament tal-ilmenti. Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tiżgura li l-passiġġier għandu dritt għal tweġiba għall-ilment tiegħu fi żmien xahrejn u li l-ilment tiegħu jiġi rikonoxxut fi żmien ġimgħa (bħalissa ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien). Barra minn hekk, il-Parlament jipproponi li l-Kummissjoni tiddefinixxi formola komuni għall-ilmenti.

Dritt għal informazzjoni: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tiżgura li l-passiġġieri jkollhom dritt għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom, u dan nofs siegħa wara t-tluq skedat. Bħalissa ma hemm ebda limitu ta’ żmien. Barra minn hekk, il-Parlament jipproponi punti ta’ kuntatt fl-ajruporti li jinfurmaw lill-passiġġieri dwar iċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għal interruzzjoni fl-ivvjaġġar tagħhom u dwar liema huma d-drittijiet li huma intitolati għalihom.

Riprogrammar tar-rotot: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li ttejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi billi tiżgura li l-passiġġieri ikollhom id-dritt li, meta t-trasportatur ma jkunx jista' jforni rotta alternattiva hu stess, dawn jingħataw rotta alternattiva minn trasportatur tal-ajru ieħor jew permezz ta' mezz tat-trasport differenti f’każ ta’ kanċellazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li dan id-dritt jibda japplika wara 12-il siegħa, filwaqt li l-Parlament jissuġġerixxi limitu aktar baxx ta' tmien sigħat.

Isem miktub ħażin: Il-Parlament jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni li passiġġier jingħata d-dritt jikkoreġi żball ortografiku f’isem “mingħajr ħlas.”

Titjiriet konnessi: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tiċċara li jekk titlef it-titjira ta’ konnessjoni tiegħek minħabba dewmien fit-titjira ta' qabel int intitolat għall-għajnuna u għall-kumpens – madankollu, il-Parlament jispeċifika li l-kumpens japplika biss fejn id-dewmien għall-ewwel titjira ikun ta’ mill-inqas 90 minuta.

Bagalji: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħat ta’ infurzar fejn jidħlu r-regoli dwar il-bagalji mitlufa (stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Montreal). Ġiet imtejba wkoll il-proċedura ta' kif titressaq klejm – il-linji tal-ajru issa jridu jaċċettaw il-formola li wieħed jimla fl-ajruporti biex iressaq klejm.

Hemm tliet oqsma importanti fejn il-proposti tal-Parlament huma differenti minn dawk tal-Kummissjoni:

Kumpens f'każ ta' dewmien (titjiriet qosra u medji): Il-Parlament jipproponi li jiġi stabbilit li n-numru ta' sigħat ta' dewmien li jkun jipprevedi kumpens ikun tliet sigħat. Għall-Kummissjoni dan mhuwiex fl-aħjar interess tal-passiġġieri. Il-prijorità għall-passiġġieri li jitħallew l-ajruport hija li jaslu lura f'darhom. Għal din ir-raġuni l-proposta tal-Kummissjoni hi li n-numru ta' sigħat ikun ħames sigħat – u dan sabiex tkun qed tinċentiva 'l-linji tal-ajru biex, aktar milli jagħtu kumpens, jagħmlu kull sforz biex joperaw it-titjiriet u jsewwu l-problemi tekniċi li jista' jkun hemm. Kanċellazzjoni hija dejjem l-agħar għażla għall-passiġġieri minħabba li dawn imbagħad iridu jiddependu fuq rotta ġdida u fuq id-disponibbiltà ta' siġġijiet vojta fuq titjiriet oħra – u b'hekk jirriskjaw li ma jaslux id-dar qabel l-għada. Jekk jiġi ffissat kumpens għall-kanċellazzjoni u d-dewmien fl-istess livell ta’ tliet sigħat, ir-riskju għall-passiġġieri huwa li dan iwassal għal aktar kanċellazzjonijiet.

Ċirkostanzi straordinarji: Il-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tingħata spjegazzjoni ċara taċ-ċirkostanzi straordinarji – eż. strajks, maltempati, problemi operazzjonali – li mhumiex fil-kontroll tal-linja tal-ajru, u b'hekk it-trasportatur tal-ajru mhux obbligat iħallas kumpens. Madanakollu, fir-rigward ta' ħsarat tekniċi, minkejja li l-proposta tal-Kummissjoni teżenta għadd limitat ta' ħsarat tekniċi – pereżempju l-ħsarat tekniċi skoperti waqt li l-ajruplan ikun fl-ajru – jekk il-manutenzjoni tkun twettqet b’mod korrett, il-Parlament jipproponi li ħsarat tekniċi kważi qatt ma jistgħu jiġu eżentati. Barra minn hekk, il-Parlament jipproponi lista eżawrjenti ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, filwaqt li l-Kummissjoni targumenta li l-esperjenza turi li fil-ħajja jseħħu avvenimenti li ħadd ma kien qed jistenniehom, bħal pereżempju żbroff ta' vulkan, u għalhekk il-lista proposta għandha tkun "miftuħa" b'mod li tieħu inkonsiderazzjoni ċirkostanzi li għalkemm mhumiex previsti kapaċi jseħħu xorta.

Barra minn hekk, ir-regolament attwali dwar il-passiġġieri tal-ajru ma jistabbilixxi l-ebda limiti b'rabta mar-responsabbiltà – lanqas f’ċirkostanzi straordinarji bħal żbroff ta' vulkan jew xi kriżi maġġuri fejn, f’xi każijiet, biex jassistu lil ċittadini li jitħallew l-ajruport ikollhom jintervjenu l-awtoritajiet tal-Istat. Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi limitu ta’ tlett iljieli, biex taċċerta lill-passiġġieri li f’ċirkostanzi bħal borra, maltempati, strajkijiet, dawn se jingħataw l-attenzjoni li se jkollhom bżonn (l-esperjenza prattika msejsa fuq medda ta' kważi 10 snin turi li tlett iljieli huma biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet tal-passiġġieri). Dan jagħti wkoll indikazzjoni ċara lil-linji tal-ajru dwar il-baġit li jridu jallokaw b'rabta mad-drittijiet tal-passiġġieri. Il-Parlament jipproponi li l-limitu jiżdied għal ħamest iljieli.

Fl-aħħar nett, il-Parlament jipproponi li jimponi obbligu fuq il-linji tal-ajru biex dawn ikollhom assigurazzjoni li tkoprihom fl-eventwalità ta’ falliment (insolvenza). L-għan huwa li jiġi żgurat li l-passiġġieri jiġu rimborżati l-prezz tal-biljetti tagħhom u li, kemm-il darba jkun hemm passiġġieri li jitħallew l-ajruport, ikun żgurat ukoll li dawn jiġu ripatrijati. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li tali miżura sistematika se tirdoppja l-ispiża tar-Regolament dwar il-Passiġġieri tal-Ajru attwali għall-kumpaniji, u li dawn l-ispejjeż imbagħad jispiċċaw jingħaddu lill-passiġġieri fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru tagħhom. Hemm ir-riskju li din iż-żieda fl-ispejjeż lill-passiġġieri kapaċi ma tkunx proporzjonata għad-daqs tal-problema: fl-aħħar għaxar snin, kienu biss 0.07 % t-titjiriet lura li ntlaqtu minn insolvenza u, minn dawk iż-0.07 %, kienu biss 12 % l-passiġġieri affettwati li tħallew l-ajruport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri f’każ li tfalli l-linja tal-ajru. Din għandha l-għan li tindirizza l-problema permezz ta’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ prevenzjoni kif ukoll ta’ azzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-industrija f’każ ta’ falliment.

Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri se jiltaqgħu fil-Kunsill tat-Trasport f’Ġunju bit-tir li jintlaħaq ftehim dwar pożizzjoni (Approċċ Ġenerali) dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru.

Minħabba ż-żmien limitat, in-negozjati dettaljati bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dettalji tal-proposti normalment jibdew wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Għal aktar informazzjoni:

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-219_mt.htm

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-203_mt.htm

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew l- e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website