Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2014

Il-miżati u l-għotjiet għall-istudenti jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa

Il-livelli tal-miżati għat-tagħlim, għotjiet u self għall-istudenti jkomplu jenfasizzaw differenzi akuti madwar l-Ewropa, skont rapport ippubblikat illum min-netwerk Eurydice tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport, li jkopri 33 pajjiż Ewropew, jiżvela li s-sistemi tal-miżati baqgħu relattivament stabbli madwar il-kontinent, minkejja xi eċċezzjonijiet notevoli. Il-Ġermanja hija l-uniku pajjiż li reċentement abolixxa l-miżati tal-istudju, minkejja li dawn ma kienx ilhom li ġew introdotti, jiġifieri fl-2007.

L-Estonja biddlet b'mod sinifikanti s-sistema ta' finanzjament tagħha fl-2014, billi rabtet il-miżati mal-prestazzjoni fl-istudju: huma biss l-istudenti li jonqsu milli jibqgħu mexjin bl-istudji tagħhom (jiġifieri li ma jiksbux l-għadd meħtieġ ta' krediti kull sena) li jintalbu jħallsu. Il-miżati huma bl-istess mod marbuta mal-prestazzjoni ħażina f'pajjiżi oħra fosthom ir-Repubblika Ċeka, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja u s-Slovakkja.

L-ogħla miżati għat-tagħlim fl-Ewropa huma fir-Renju Unit (l-Ingilterra), wara reviżjoni maġġuri tas-sistema tal-edukazzjoni ogħla tagħha fl-2012. Il-miżati ma jitħallsux immedjatament, iżda biss wara l-gradwazzjoni meta l-qligħ tal-istudenti jaqbeż limitu minimu definit. Dan huwa mudell uniku fl-Ewropa. Jitħallsu miżati relattivament għoljin bil-quddiem mill-istudenti fl-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja.

“L-Ewropa teħtieġ b’mod urġenti li ttejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla għaż-żgħażagħ tagħna. Dan mhux biss itejjeb l-opportunitajiet li għandhom li jsibu impjieg tajjeb, iżda barra minn hekk, jagħti spinta lill-ekonomiji tagħna, li għandhom bżonn tal-innovazzjoni u l-kreattività li joffru gradwati b’talent,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. “Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu miżati għat-tagħlim, dejjem għandu jkollhom miżuri fis-seħħ, inklużi għotjiet, biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni ogħla għal kulħadd, speċjalment studenti minn ambjenti żvantaġġati.”

Ir-rapport National student fee and support systems in European Higher Education 2014/2015 jenfasizza varjazzjoni kbira fl-għadd ta’ studenti li jħallsu l-miżati f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati pubblikament. Għadd sinifikanti ta’ pajjiżi - Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Malta, il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (l-Iskozja), in-Norveġja u t-Turkija - ma jitolbu l-ebda miżata għat-tagħlim. Min-naħa l-oħra, f'disa' pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovakkja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq), l-Islanda u l-Liechtenstein), l-istudenti kollha tal-baċċellerat iħallsu l-miżati..

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej huma biss minoranza ta’ studenti li jirċievu għotjiet. F’disa’ pajjiżi, l-istudenti kollha (Ċipru, id-Danimarka, Malta, il-Finlandja) jew il-biċċa l-kbira tal-istudenti (il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit (l-Iskozja), l-Isvezja u n-Norveġja) jirċievu għotjiet. l-Islanda hija l-uniku pajjiż li ma joffri l-ebda sistema ta’ għotjiet pubbliċi, għalkemm bħalissa dan qed jiġi diskuss.

F'35 sistema edukattiva (xi pajjiżi, bħall-Belġju u r-Renju Unit, għandhom iktar minn sistema edukattiva waħda), l-għotjiet jingħataw abbażi tal-ħtiġijiet finanzjarji għal uħud mill-istudenti jew għall-istudenti kollha (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja joffru għotjiet universali għall-istudenti full-time sakemm dawn jilħqu r-rekwiżiti bażiċi għall-prestazzjoni tal-istudju); 23 sistema joffru għotjiet abbażi tal-mertu b'rabta ma' evalwazzjoni tal-prestazzjoni akkademika. Kważi dawn is-sistemi kollha jikkombinaw għotjiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq il-mertu.

Is-self issussidjat mill-Istat għandu rwol sinifikanti fl-appoġġ lill-istudenti f’madwar nofs il-pajjiżi koperti. Bl-istess mod, anki f’madwar nofs il-pajjiżi, ċerti aspetti ta’ appoġġ jiddependu miċ-ċirkustanzi ġenerali tal-familja u ma jitħallasx direttament lill-istudenti iżda jingħata fl-għamla ta' benefiċċji fiskali lill-ġenituri jew bħala provvedimenti għall-familja.

Kuntest

Dan ir-rapport annwali tal-Eurydice jagħti ħarsa ġenerali komparattiva tal-miżati tal-istudenti u s-sistemi ta’ appoġġ (għotjiet u self). Ir-rapport ikopri 33 pajjiż Ewropew (l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, il-Montenegro u t-Turkija).

Dan joffri wkoll informazzjoni speċifika dwar il-pajjiżi, fosthom:

Il-miżati (differenzjati skont iċ-ċiklu - Baċellerat/Masters), murija skont is-sena (kemm għall-istudenti part-time kif ukoll dawk full-time) u skont jekk l-istudenti internazzjonali jħallsux miżati differenti meta mqabbla mal-istudenti mill-istess pajjiż/minn pajjiżi oħra tal-UE. Il-miżati jinkludu l-ispejjeż kollha li jridu jħallsu l-istudenti - inkluż għar-reġistrazzjoni, l-ammissjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

L-appoġġ fl-għamla ta’ għotjiet, differenzjati bħala għotjiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq il-mertu.

Fejn dawn huma karatteristika ewlenija tal-appoġġ għall-istudenti, iddaħħlu tliet elementi addizzjonali: self (jekk ikun hemm sistema ta’ self għall-istudenti nazzjonali, u aktar minn 5 % tal-istudenti jieħdu dan is-self); benefiċċji fiskali għall-ġenituri u provvedimenti għall-familji.

Deskrizzjoni qasira ta’ riformi ppjanati li jaffettwaw is-sistema pubblika ta' miżati u appoġġ li qed jiġu diskussi fil-gvernijiet.

Rapport separat ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju (ara IP/14/709) wera li l-introduzzjoni ta’ miżati għat-tagħlim normalment iżidu l-ammont totali ta’ riżorsi għall-edukazzjoni ogħla, minkejja li d-dħul ġdid mill-miżati mhux dejjem ikun investit f’modi li direttament itejbu l-esperjenza tal-istudenti, bħal postijiet ta’ tagħlim addizzjonali.

Dan wera wkoll li l-miżati tat-tagħlim m’għandhomx impatt ġenerali negattiv fuq ir-reġistrazzjonijiet fl-edukazzjoni ogħla, anke fost studenti minn gruppi soċjoekonomiċi aktar żvantaġġati, sakemm il-kobor tal-bidla ma jkunx eċċezzjonali. Madankollu, iż-żidiet fil-miżati jista’ jirriżulta fi tnaqqis fir-reġistrazzjonijiet fost studenti ikbar fl-età. Dak ir-rapport enfasizza li l-għotjiet u/jew self huma kruċjali għat-tpaċija tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi tal-miżati jew ta' żidiet fil-miżati fuq ir-reġistrazzjonijiet fl-universitajiet, partikolarment dawk minn gruppi vulnerabbli.

Eurydice

In-Netwerk Eurydice tal-Kummissjoni jagħti informazzjoni u analiżi dwar is-sistemi u l-politiki edukattivi Ewropej. Dan jikkonsisti f'madwar 40 unità nazzjonali f'36 pajjiż parteċipanti fil-programm Erasmus+ tal-UE (l-Istati Membri tal-UE, il-Bosnja-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Montenegro, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija). Huwa kkordinat u amministrat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-UE li tinsab fi Brussell, u li tabbozza l-istudji għalih u tipprovdi firxa ta' riżorsi onlajn.

Għal aktar tagħrif

Rapport sħiħ (EN)

Il-Kummissjoni Ewropea: L-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e-mail

Anness

Perċentwal ta’ studenti li jħallsu l-miżati fl-ewwel ċiklu ta’ programmi ta’ edukazzjoni ogħla, 2014/15

Perċentwal ta’ studenti li jirċievu għotjiet fl-ewwel ċiklu, 2014/15

Nota dwar il-pajjiżi

Għall-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq, id-dejta mogħtija turi l-proporzjon ta’ applikanti eliġibbli għal appoġġ li jingħataw għajnuna. Mhux l-applikanti kollha jirreġistraw bħala studenti.


Side Bar