Navigation path

Left navigation

Additional tools

“Juvenes Translatores”: Jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors għat-Tradutturi Żgħażagħ tal-UE

European Commission - IP/14/112   05/02/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta’ Frar 2014

“Juvenes Translatores”: Jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors għat-Tradutturi Żgħażagħ tal-UE

L-ismijiet tar-rebbieħa tal-konkors annwali tal-Kummissjoni Ewropea għat-Tradutturi Żgħażagħ tal-UE, “Juvenes Translatores”, għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji, ġew ippubblikati llum - ara l-lista tal-istudenti u l-iskejjel rebbieħa hawn taħt. Aktar minn 3 000 student żagħżugħ/a, minn 750 skola, ħadu sehem fil-konkors u xogħolhom ġie kkoreġut minn tradutturi interni tal-Kummissjoni. Ir-rebbieħa — wieħed/waħda minn kull Stat Membru — se jiġu mistiedna għal ċerimonja ta' premjazzjoni fi Brussell fit-8 ta’ April, fejn kull wieħed/waħda se jirċievu trofew mingħand Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

“Il-ħiliet lingwistiċi jiftħulna moħħna u jarrikkixxu l-ħajja tan-nies. Irrid inħeġġeġ aktar żgħażagħ jistudjaw il-lingwi. Irridu niżguraw li huma jkunu konxji tal-benefiċċji prattiċi kollha, mill-kapaċità li jitkellmu bil-lingwa lokali meta dawn ikunu fuq vaganza jew qed jivvjaġġaw, sal-fatt li l-lingwi jwessgħu l-għażliet tal-karriera tagħhom — vantaġġ kbir fi żmien meta ħafna qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex isibu xogħol f’pajjiżhom,"qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Bil-għan li jaqsmu l-imħabba tagħhom għal-lingwi, it-tradutturi tal-Kummissjoni ilhom imexxu l-konkors sa mill-2007. L-istudenti li għamlu l-eżami f’Novembru li għadda setgħu jagħżlu kwalunkwe kombinazzjoni minn mijiet possibbli mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE; b’kollox, din id-darba dawn użaw 157 kombinazzjoni, l-ogħla sal-lum.

Il-popolarità tal-konkors kibret kull sena, kemm fin-numru kif ukoll fil-firxa ġeografika, minn La Réunion, aktar minn 2,000 kilometru fin-Nofsinhar tal-Ekwatur, sa Kittilä fil-Finlandja, fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku.

Il-lista tar-rebbieħa turi skejjel li diġà rebħu qabel u skejjel oħra li kienu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba. L-iskola li kellha l-aktar suċċess mill-bidu tal-konkors lil hawn hija Salzmannschule Schnepfenthal f'Thuringia, il-Ġermanja, li minn hemm ħarġu r-rebbieħa nazzjonali ta' erba’ konkorsi.

“Sagħtejn f’konċentrazzjoni totali ma ħassejthomx bħala eżami,” tiftakar Paula Schembri, ir-rebbieħa Maltija tal-2008 u li llum, ħames snin wara, hija trainee fit-tim ta' tradutturi fil-Kummissjoni. Għall-parti l-kbira ta’ dan il-grupp ta' rebbieħa żgħażagħ il-vjaġġ tagħhom lejn Brussell f’April jista' jkun l-ewwel żjara tagħhom fil-kapitali Belġjana, iżda jekk isegwu l-passi ta' Paula, dan jaf ma jkunx l-aħħar vjaġġ.

Sfond

Il-konkors "Juvenes Translatores" (li bil-Latin tfisser "tradutturi żgħażagħ") jiġi organizzat kull sena mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. L-għan huwa l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel, u li ż-żgħażagħ jingħataw idea dwar xi jfisser li tkun traduttur. Huwa miftuħ għal studenti ta’ 17-il-sena fl-iskejjel sekondarji (fil-każ tal-kompetizzjoni 2013-2014, għal dawk li twieldu fl-1996) u jsir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha magħżula madwar l-Unjoni Ewropea. Il-kompetizzjoni ħeġġet lil xi wħud mill-parteċipanti jagħżlu li jistudjaw il-lingwi u jsiru tradutturi.

Ir-rebbieħa bil-kombinazzjonijiet tal-lingwi li għażlu għat-test u bl-iskejjel tagħhom huma dawn li ġejjin:

PAJJIŻ

REBBIEĦ/A, PAR TA’ LINGWI

SKOLA

L-Awstrija

Marianna Leszczyk, PL-DE

BG 13 Fichtnergasse, Wien

Il-Belġju

Séni Van Hauwaert, FR-NL

Koninklijk Atheneum 3, Gent

Il-Bulgarija

Лора Стоянова, DE-BG,

Езикова гимназия "Пловдив"

Il-Kroazja

Ivana Busch, DE-HR

XVI. Gimnazija, Zagreb,

Ċipru

Ρεβέκκα Μαυρομμάτη, EN-EL

Απεήτειο Λύκειο Αγρού, Λεμεσός

Ir-Repubblika Ċeka

Jiří Pavlacký, EN-CS

Gymnázium Brno-Řečkovice, Brno

Id-Danimarka

Sarah Aaen, DA-EN

Silkeborg Gymnasium, Silkeborg

L-Estonja

Rainer Urmas Maine, EN-ET

Tallinna Reaalkool, Tallinn,

Il-Finlandja

Lasse Lipsanen EN-FI

Luostarivuoren lukio, Turku

Franza

Sophie Petot-Rosa, ES-FR

Cité Scolaire Internationale, Section Espagnole, Lyon

Il-Ġermanja

Jörn-Jakob Luhn, EN-DE

Salzmannschule Schnepfenthal, Waltershausen

Il-Greċja

Γεώργιος Γρηγοριάδης, FR-EL

Αρσάκειο Λύκειο Θεσσαλονίκης, Θεσσαλονίκη

L-Ungerija

Olivér Székely, HU-EN

Lauder Javne Iskola, Budapest

L-Irlanda

Aileen Ní Ghloinn, ES-EN

Coláiste Ide, An Daingean

L-Italja

Laura Barberis, EN-IT

Liceo Internazionale Linguistico "Grazia Deledda", Genova

Il-Latvja

Valts Štolcers, EN-LV

Līvānu 1.vidusskola, Līvāni

Il-Litwanja

Laura Baronaitė, EN-LT

Pumpėnų vidurinė mokykla, Pumpėnai

Il-Lussemburgu

Aure Aflalo, EN-FR

Athénée de Luxembourg, Luxembourg

Malta

Stephanie Debono, IT-MT

St. Aloysius College, Birkirkara

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Eireamhan Semple, GA-EN

UWC Maastricht, Maastricht

Il-Polonja

Patrycja Leszczenko, EN-PL

II Liceum Ogólnokształcące im.Króla Jana III Sobieskiego, Kraków

Il-Portugall

Ana Gabriela Verdade, EN-PT

Colégio Nossa Senhora da Assunção, Anadia

Ir-Rumanija

Andreea Florina Săndiță, EN-RO

Colegiul Naƫional Radu Greceanu, Slatin

Is-Slovakkja

Izabela Karelová, EN-SK

Spojená škola, Bratislava

Is-Slovenja

Mateja Drev, EN-SL

Prva gimnazija Maribor, Maribor

Spanja

Marieta Plamenova Marinova, BG-ES

IES Barrio Simencas, Madrid

L-Isvezja

Sebastian Andersson, EN-SV

Fria läroverken Karlstad, Karlstad

Ir-Renju Unit

Walker Thompson, FR-EN

Westminster School, London

Għal aktar tagħrif

Facebook: facebook.com/translatores

Id-DĠ tat-Traduzzjoni

Il-websajt tal-konkors

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Anness: Intervista mal-Kummissarju Vassiliou

Juvenes Translatores: imħabba komuni għal-lingwi

Ftit tax-xhur ilu, 3 000 żagħżugħ/a madwar l-Ewropa qattgħu sagħtejn jisfidaw il-kapaċitajiet tagħhom fit-traduzzjoni. Għall-parti l-kbira minnhom, jekk mhux għalihom kollha, il-konkors tal-Kummissjoni Ewropea Juvenes Translatores kienet l-ewwel esperjenza ta' kompetizzjoni internazzjonali - u tathom idea ta' xi jfisser li tkun traduttur professjonali li jaħdem bi skadenzi qosra. L-eżami sar minn studenti minn 750 skola minn madwar l-UE, u dan kien jinvolvi t-traduzzjoni ta' silta twila paġna dwar iċ-ċittadinanza Ewropea fi kwalunkwe kombinazzjoni ta' lingwi fost il-552 possibbli, mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Fit-8 ta' April, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, se tilqa' lill-istudenti rebbieħa, wieħed/waħda minn kull pajjiż tal-UE, f'ċerimonja ta' premjazzjoni fi Brussell.

F'din l-intervista speċjali, Tytti Granqvist, Finlandiża li taħdem fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni, tistieden lill-Kummissarju Vassiliou biex taqsam ħsibijietha dwar il-kompetizzjoni.

Kummissarju, x'tgħidilna dwar il-konkors, u għaliex il-Kummissjoni tħoss li huwa importanti?

Il-kapaċitajiet lingwistiċi huma ġid kbir: jiftħu l-imħuħ u jarrikkixxu ħajjet in-nies. Jikkontribwixxu għat-titjib fil-fehim bejn in-nies u jistgħu jtejbu wkoll l-impjegabbiltà, u għalhekk, fil-klima ekonomika attwali, jieħdu sinifikat akbar.

Għall-Kummissjoni, il-konkors Juvenes Translatores huwa wkoll mod kif titqajjem kuxjenza dwar il-valur tat-tagħlim tal-lingwi u dwar il-politika tagħna ta' multilingwiżmu. Aħna nappoġġaw it-tagħlim tal-lingwi kif ukoll id-diversità lingwistika. Nixtiequ nħeġġu aktar żgħażagħ biex jistudjaw il-lingwi, mhux biss għall-ivvjaġġar jew għall-gost personali, iżda wkoll għaliex il-lingwi jistgħu jwessgħu l-firxa ta' għażliet ta' karriera li hemm għalihom. Nies li jafu l-lingwi jsibuha aktar faċli li jgħixu, jistudjaw u jaħdmu f'pajjiż ieħor, u għalhekk ikunu jistgħu japprofittaw mid-dritt li għandhom sabiex jagħmlu dan.

Il-kompetizzjoni Juvenes Translatores tal-Kummissjoni hija wkoll mod li bih inħeġġu ż-żgħażagħ biex jikkunsidraw karriera fit-traduzzjoni.

Il-konkors huwa popolari ħafna. Fl-opinjoni tiegħek, għaliex?

Fl-2013, madwar 1800 skola applikaw biex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni, l-ogħla numru s'issa. Nixtieq kieku nkunu nistgħu ngħidu "iva" lil kulħadd, iżda t-tradutturi tagħna, li jorganizzaw u jikkoreġu l-konkors, jagħmlu dan apparti x-xogħol normali tagħhom, u għalhekk ikollna nżommu limitu fuq l-għadd ta' skejjel li jipparteċipaw. Dan jgħin ukoll biex tinżamm il-kwalità. Nistabbilixxu numru massimu ta' skejjel għal kull pajjiż, li jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni. Il-lista finali ta' skejjel magħżula għall-konkors issir permezz ta' tlugħ bix-xorti.

Nemmen li l-popolarità tal-kompetizzjoni tiddependi ħafna mill-entużjażmu tal-għalliema tal-lingwi fl-iskejjel u mill-istudenti stess. Ir-rebbieħa jirċievu l-premjijiet waqt ċerimonja speċjali fi Brussell, li diġà sservi bħala inċentiv. Huwa dejjem pjaċir kbir li nilqgħu lir-rebbieħa u nkunu parti mill-kisbiet tagħhom.

Hemm modi differenti kif l-iskejjel li ma jintgħażlux jibbenefikaw xorta waħda mill-avveniment. Naf li xi wħud jorganizzaw kompetizzjonijiet tat-traduzzjoni f'pajjiżhom stess billi jużaw is-siltiet li jinsabu onlajn fis-sit tal-kompetizzjoni. Hemm ukoll il-paġna ta' Facebook li tippermetti li l-parteċipanti u persuni oħra jżommu kuntatt bejniethom.

X'impressjoni għandek taż-żgħażagħ li tiltaqa' magħhom permezz ta' Juvenes Translatores?

It-tendenza hi li ż-żgħażagħ li niltaqa' magħhom permezz ta' Juvenes Translatores jiksbu riżultati eċċellenti - mhux biss fil-lingwi, iżda wkoll fil-matematika, it-teknoloġija, il-mużika u suġġetti oħra. Dan mhux fatt li jissorprendini għaliex ħafna studji wrew li hemm rabta bejn il-profiċjenza fil-lingwi barranin u s-suċċess f'suġġetti oħra. Jolqotni dejjem il-fatt li dawn iż-żgħażagħ ikollhom firxa wiesgħa ta' ħiliet.

Nieħu gost nara kemm jagħmlu ħbieb malajr ma' studenti oħra u kemm is-similaritajiet li jqarrbuhom lejn xulxin jegħlbu kull differenza bejniethom. Hekk naraw l-ewwel passi ta' dawk li spiss jiżviluppaw fi ħbiberiji.

Meta nisma' lil dawn iż-żgħażagħ jagħmlu d-diskorsi waqt il-premjazzjoni, nibqa' dejjem impressjonata bil-maturità tagħhom u bil-firxa ta' kwistjonijiet li jindirizzaw - mhux biss dwar il-lingwi u l-Ewropa, iżda jesprimu wkoll ħsibijiethom dwar iż-żgħożija fil-ġurnata tal-lum u dwar il-futur tagħhom stess. Taffaxxina ruħek tisma' l-opinjonijiet tagħhom dwar l-UE u suġġetti oħra, kemm jekk ikunu personali ħafna u kemm jekk ikunu kwistjonijiet usa'.

Fuq kollox, huwa ta' sodisfazzjon kbir li tara x'jiġri meta ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jaqsmu ideat ġodda jew jiskopru possibbiltajiet ġodda għall-futur.

Għidilna aktar dwar il-professjonisti li jaħdmu wara l-kwinti ta' Juvenes Translatores.

Il-kompetizzjoni hija mmexxija minn professjonisti tal-ogħla livell li huma ħerqana biex jaqsmu l-għarfien u l-imħabba tagħhom għal-lingwi. It-tradutturi tagħna jieħdu ħafna gost jiltaqgħu maż-żgħażagħ, li f'ċerti każijiet jafu xi darba jsiru l-kollegi tagħhom hekk kif nilqgħu l-ġenerazzjoni ta' tradutturi li jmiss. Fil-fatt, fost ir-rebbieħa reċenti, tfajla Maltija ġiet il-Kummissjoni bħala trainee, u qed taħdem fid-dipartiment tal-Malti.

Iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni mhux biss hija opportunità għalina biex niltaqgħu mar-rebbieħa, iżda wkoll biex niltaqgħu mal-ġenituri u l-għalliema, u biex inħeġġuhom ikomplu jappoġġaw lil dawn iż-żgħażagħ li tant għandhom talenti. Hija wkoll opportunità sabiex min iżurna jara li l-"Ewrokrati" huma nies bħalhom.

Jagħmlu x'jagħmlu 'l quddiem, nieħdu gost jekk ir-rebbieħa jżommu kuntatt magħna.

Għaliex tistiednu lill-għalliema tar-rebbieħa wkoll għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni?

Nistiednu lill-għalliema biex nuruhom kemm nagħtu valur lil xogħolhom, u għaliex nagħrfu l-impatt li dan għandu fuq iż-żgħażagħ. L-għalliema huma l-aktar riżors importanti li għandna fl-edukazzjoni. Avvenimenti bħal dawn huma opportunità biex nirringrazzjaw lill-għalliema kollha tal-ħin, id-dedikazzjoni, l-għarfien, il-paċenzja u l-kreattività tagħhom.

Għaliex ikun utli li t-traduzzjoni tingħata aktar importanza fil-klassi?

Meta tittraduċi, mill-ewwel tinduna li t-traduzzjoni mhix sempliċement kwistjoni li tibdel kelma b'oħra, għaliex wieħed irid iqis il-kuntest kulturali speċifiku inerenti fil-lingwa.

Illum il-ġurnata, il-parti l-kbira tal-għalliema jippreferu jenfasizzaw it-tagħlim tal-lingwi fil-klassi permezz tat-taħdit minflok bit-traduzzjoni. Iżda naħseb li t-traduzzjoni hija bbażata ħafna fuq il-komunikazzjoni, għaliex issir skont il-persuna li għaliha jkun indirizzat il-messaġġ. Dak huwa verament l-iskop tat-traduzzjoni: mhux biss li toħloq test f'lingwa differenti, iżda li tiżgura li l-qarrej jew is-semmiegħ jifhem il-messaġġ li kien ikkomunikat fil-lingwa oriġinali.

Huwa minnu li qabel l-istudenti kienu jagħmlu ħafna aktar traduzzjonijiet fl-iskola, iżda maż-żmien dan l-istil ma baqax moda. Inizjattivi bħall-Juvenes Translatores għandhom ir-rwol importanti li jerġgħu jintroduċu t-traduzzjoni fil-klassijiet, b'mod modern u li jiġbdek.

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website