Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2014

Il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija tad-dejta jniedu sħubija ta' EUR 2.5 biljun għall-ġestjoni tal-makrodejta

Il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija tad-dejta tal-Ewropa impenjaw ruħhom li jinvestu EUR 2.5 biljun fi sħubija pubblika-privata (PPP - public-private partnership) li għandha l-għan li ssaħħaħ is-settur tad-dejta u tqiegħed l-Ewropa minn ta’ quddiem nett fit-tellieqa globali tad-dejta.

Il-ġestjoni tal-makrodejta tista’ tfisser:

sa 30 % tas-suq globali tad-dejta għall-fornituri Ewropej;

100 000 impjieg ġdid marbut mad-dejta fl-Ewropa sal-2020;

10 % anqas f'konsum ta’ enerġija, eżiti tal-kura tas-saħħa aħjar u makkinarju industrijali aktar produttiv.

Illum se jiġi ffirmat Memorandum ta’ Ftehim li jwaqqaf il-PPP għall-makrodejta mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes u l-President tal-Big Data Value Association, Jan Sundelin, li jaġixxi f’isem kumpaniji li jinkludu ATOS, Nokia Solutions and Networks, Orange, SAP, SIEMENS, u korpi tar-riċerka bħal Fraunhofer u ċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Ġermanja dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. L-UE allokat aktar minn EUR 500 miljun f'investiment fuq 5 snin (2016-2020) minn Orizzont 2020 u s-sħab privati huma mistennija li jallokaw mill-inqas erba' darbiet aktar (EUR 2 biljun).

@NeelieKroesEU qalet: "Id-dejta hija l-mutur u s-sies tal-ekonomija futura. Kull tip ta’ organizzazzjoni teħtieġ il-komponenti fundamentali biex issaħħaħ il-prestazzjoni tagħha, mir-razzett għall-fabbrika, mil-laboratorju għall-ħanut.”

Il-PPP se tgħin tiffoka l-isforzi tar-riċerka pubbliċi, privati u akkademiċi biex tiġi appoġġata r-riċerka u l-innovazzjoni f’ideat ta' makrodejta revoluzzjonarji f’oqsma bħall-enerġija, il-manifattura u s-saħħa biex jiġu implimentati servizzi bħall-mediċina personalizzata, il-loġistika tal-ikel u l-analitika ta' previżjoni. Billi timplimenta l-Aġenda ta' Innovazzjoni u Riċerka Strateġika tagħha u tikkonċentra l-appoġġ ta' Orizzont 2020 fuq prijoritajiet komuni, il-PPP se ssaħħaħ il-Komunità tal-makrodejta tal-Ewropa u tgħin biex tqiegħed is-sisien għall-ekonomija mmexxija mid-dejta b’saħħitha tal-futur. Il-PPP se tappoġġa wkoll “spazji tal-innovazzjoni” li ser joffru ambjent sikur għall-esperimentazzjoni kemm b'dejta privata kif ukoll b'dejta miftuħa. Dawn ser jaġixxu wkoll bħala inkubaturi tan-negozju u ċentri għall-iżvilupp tal-ħiliet u tal-aħjar prattiki.

Il-PPP, li għandha tibda fl-1 ta’ Jannar 2015, hija waħda mill-ewwel eżiti tal-politika u l-pjan ta' azzjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ ekonomija mmexxija mid-dejta tal-Ewropa (ara IP/14/769 u MEMO/14/455).

Sfond

Kull minuta, id-dinja tiġġenera 1.7 miljun biljun byte ta' dejta, jiġifieri daqs 360 000 DVD. Dan ifisser aktar minn 6 megabytes ta' dejta għal kull persuna kuljum. Din l-informazzjoni tiġi minn ħafna sorsi differenti, fosthom nies, magni jew sensuri. Tista' tkun informazzjoni klimatika, immaġni tas-satellita, ritratti diġitali u filmati, rekords ta’ tranżazzjonijiet jew sinjali tal-GPS.

B’riżultat ta’ dan, is-settur tad-dejta qed jikber b’40 % fis-sena, 7 darbiet aktar malajr mis-suq globali tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. In-negozji li jsawru l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-għarfien iġġenerat mid-dejta jesperjenzaw żieda fil-produttività ta' 5‑6 %. Il-makrodejta diġà qed tgħinna nħaffu d-dijanjosi ta' korrimenti fil-moħħ, jew inbassru r-rendiment tal-għelejjel f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Is-servizzi u t-teknoloġija globali tal-makrodejta se joħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda fis-snin li ġejjin.

Filwaqt li l-makrodejta tippreżenta opportunitajiet kbar, toffri wkoll sfida: illum is-settijiet tad-dejta tant huma kbar u kumplessi biex jiġu pproċessati li jeħtieġu ideat, għodod u infrastrutturi ġodda. Il-makrodejta titlob ukoll il-qafas legali, is-sistemi u s-soluzzjonijiet tekniċi xierqa li jiżguraw il-privatezza u s-sigurtà.

Il-PPP tad-dejta tikkumplimenta tmien sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti taħt Orizzont 2020, pereżempju dwar il-Fotonika, ir-Robotika, il-Kompjuterizzazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, Netwerks 5G avvanzati għall-internet tal-futur u l-Fabbriki tal-Futur. Dawn kollha jindirizzaw teknoloġiji strateġiċi li se jirfdu t-tkabbir u l-impjiegi f’setturi ewlenin ta’ ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien, filwaqt li jindirizzaw sfidi soċjetali importanti.

L-organizzazzjoni tal-PPP

Il-PPP tad-Dejta hija sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Big Data Value Association, organizzazzjoni mmexxija mill-industrija bl-ebda aspettattiva ta' qligħ, li l-membri tagħha jinkludu l-ATC, l-IT Innovation, l-IBM, is-SINTEF, l-Università ta' Bolonja (CINI), l-Università Politeknika ta' Madrid, in-NOKIA Solutions and Networks, THALES, l-Università ta' Duisburg Essen, Siemens, SAP, Engineering, TIE Kinetix, ANSWARE, Software AG, Orange, Atos, INDRA, ITI, VTT, Fraunhofer, DERI, u l-Università Teknika ta' Berlin. L-assoċjazzjoni hija miftuħa għal aktar kumpaniji u organizzazzjonijiet tar-riċerka interessati li jissieħbu magħha.

Għal aktar tagħrif

MEMO/14/583

Kif il-makrodejta tista' tiffunzjona għall-Ewropa

Komunikazzjoni: Lejn ekonomija mmexxija mid-dejta b’saħħitha

Segwi: @EUDataEcosystem

Neelie Kroes Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti:

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361, Twitter: @NeelieKroesEU

Għall-pubbliku: Ikkuntattja lil Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl- e­mail


Side Bar