Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta’ Frar 2014

Ambjent: Il-kampanja "Generation Awake" tħeġġiġna biex Nieqfu Naħlu l-Iskart!

L-aħħar fażi tal-kampanja "Generation Awake" tal-Kummissjoni Ewropea tiffoka fuq il-konsegwenzi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u personali tal-użu tar-riżorsi b’mod mhux sostenibbli. L-għan tal-kampanja huwa li toħloq kuxjenza fost il-konsumaturi rigward il-konsegwenzi li għandhom it-tendenzi ta' konsum tagħhom fuq ir-riżorsi naturali, filwaqt li turi l-benefiċċji jekk dawn jagħżlu li jaġixxu b’mod differenti. Din tiffoka fuq websajt kompletament interattiva disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE, fejn karattri tal-kartuns juru l-impatt ambjentali li għandhom id-deċiżjonijiet ta’ xiri ta' kuljum.

Minkejja l-miri ta’ riċiklaġġ madwar l-UE kollha u s-suċċessi f’ċerti oqsma, l-iskart tal-Ewropa għadu fil-biċċa l-kbira riżorsa mhux sfruttata biżżejjed. Fi studju mħejji mill-Kummissjoni ġie stmat li bl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, jiġu ffrankati EUR 72 biljun fis-sena, il-fatturat annwali tal-immaniġġar tal-iskart u tas-settur tar-riċiklaġġ tal-UE jiżdied bi EUR 42 biljun filwaqt li jinħolqu aktar minn 400 000 impjieg ġdid sal-2020.

Il-websajt ta' Generation Awake tistieden lil min iżurha biex jiskopri l-valur tal-iskart, filwaqt li turi kif dan jista' jiġi użat mill-ġdid, riċiklat, skambjat u msewwi minflok jintrema. Paġna relatata fuq Facebook tistieden liċ-ċittadini biex jieħdu f'idejhom l-isfidi bħat-tnaqqis tal-iskart mill-ikel u tal-użu tal-ilma. Kull persuna tista' tieħu sehem, u kulħadd huwa mħeġġeġ ixerred il-messaġġ: l-iskart li ma jistax jiġi evitat jista' jsir riżorsa vulnerabbli, u l-iffrankar tar-riżorsi jfisser l-iffrankar tal-flus.

Sfond

Wara l-kampanja ferrieħa hemm messaġġ serju: l-iskart ħafna drabi jkun fih materjali ta' valur li jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid fis-sistema ekonomika. Illum, ammont sinifikanti ta’ materja prima sekondarja potenzjali jisfa mitluf fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ mmaniġġar tal-iskart. Fl-2010 il-produzzjoni tal-iskart totali fl-UE ammontat għal 2,520 miljun tunnellata, medja ta’ 5 tunnellati fis-sena għal kull abitant. Billi nnaqqsu, nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw l-iskart nistgħu kollha nikkontribwixxu għal ekonomija vibranti u ambjent b’saħħtu. B'dan il-mod niffrankaw ir-riżorsi ambjentali u ekonomiċi, filwaqt li ngħinu biex l-Ewropa toqrob lejn ekonomija aktar ċirkolari, fejn niksbu l-akbar valur mir-riżorsi u mill-prodotti permezz tat-tiswija, l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ tagħhom.

Il-kampanja, li hija tradotta fil-lingwi kollha tal-UE, hija mmirata lejn persuni li għandhom bejn 25 u 40 sena b’enfasi speċjali fuq adulti żgħażagħ li jgħixu f'żoni urbani u familji bi tfal żgħar. Sa mit-tnedija tagħha f’Ottubru 2011, il-websajt tal-kampanja ġiet ikkonsultata aktar minn 750 000 darba, aktar minn 4.5 miljun persuna raw il-filmati, u l-paġna ta' Facebook (www.facebook.com/generationawake)attirat madwar 100 000 ammiratur. Din il-fażi ġdida tal-kampanja tinkludi kompetizzjoni tar-ritratti għal suġġerimenti dwar kif l-iskart jista' jinbidel f’riżorsa. Ir-rebbieħ jingħata vjaġġ lejn Kopenħagen, il-Kapitali Ekoloġika Ewropea tal-2014.

Għal iżjed informazzjoni:

Il-websajt multilingwi tal-kampanja: www.generationawake.eu

Il-paġna għall-ammiraturi fuq Facebook: www.facebook.com/generationawake

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/index_en.htm

Kuntatti:

Għall-istampa: Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar