Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2014

L-istudju dwar l-impatt tal-Erasmus jikkonferma li l-iskema ta’ skambju tal-istudenti tal-UE tagħti spinta lill-impjegabbiltà u lill-mobbiltà tax-xogħol

Żgħażagħ li jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom mhux biss jiksbu għarfien f’dixxiplini speċifiċi, imma jissaħħew ukoll fil-ħiliet trasversali ewlenin u apprezzati ferm minn dawk li jimpjegaw. Studju ġdid dwar l-impatt ta' Erasmus, il-programm tal-Unjoni Ewropea ta’ skambju tal-istudenti, juri li l-gradwati b’esperjenza internazzjonali marru ħafna aħjar fis-suq tax-xogħol. Il-probabblità li dawn jesperjenzaw il-qgħad fit-tul tonqos bin-nofs meta mqabbla ma’ dawk li ma kinux studjaw jew tħarrġu barra minn pajjiżhom u, ħames snin wara li jkunu ggradwaw, ir-rata tal-qgħad tagħhom hija 23 % inqas. L-istudju, miġbur minn esperti indipendenti, huwa l-akbar wieħed minn fost dawk simili li saru u rċieva reazzjonijiet minn kważi 80 000 parteċipant inklużi studenti u negozji.

“Is-sejbiet tal-istudju dwar l-impatt tal-Erasmus huma estremament sinifikanti, minħabba l-kuntest ta’ livelli għolja u inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE. Il-messaġġ huwa ċar: jekk tistudja jew titħarreġ barra minn pajjiżek, x'aktarx li jkollok aktar opportunitajiet ta' impjieg. Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet li bejn l-2014 u l-2020 il-programm Erasmus+ il-ġdid se joffri għotjiet tal-UE lil erba’ miljun student u li dawn se jippermettulhom jesperjenzaw il-ħajja f’pajjiż ieħor permezz ta’ studji, taħriġ, tagħlim u volontarjat.

L-istudju l-ġdid juri li meta jiġu biex jirreklutaw 92 % ta’ dawk li jimpjegaw ifittxu karatteristiċi tal-personalità inkoraġġiti mill-programm, bħalma huma t-tolleranza, il-fiduċja, il-ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi, il-kurżità, l-għarfien tal-preġji/tan-nuqqasijiet, u l-kapaċità għad-deċiżjoni. It-testijiet li saru qabel u wara dawn il-perjodi ta' skambju barra minn pajjiżhom juru li l-istudenti tal-Erasmus kellhom valuri ogħla għal dawn il-karatteristiċi ta' personalità, saħansitra qabel ma bdew bl-iskambju nnifsu; sakemm irritornaw, il-varjazzjoni f'dawn il-valuri żdiedet b'42% fil-medja, meta mqabbla ma' ta' studenti oħrajn.

L-istudenti li jibbenefikaw minn finanzjament tal-Erasmus jistgħu jagħżlu biex jistudjaw jew biex jibdew l-apprendistat tagħhom barra minn pajjiżhom. Ir-rapport juri li aktar minn wieħed minn tliet apprendisti tal-Erasmus huwa offrut pożizzjoni fl-impriża fejn ikun għamel l-apprendistat tiegħu. L-apprendisti tal-Erasmus huma wkoll aktar intraprenditorjali mill-kontropartijiet tagħhom li baqgħu f'pajjiżhom: 1 minn kull 10 bdew il-kumpanija tagħhom stess u aktar minn 3 minn kull 4 qed jippjanaw li jagħmlu dan inkella jimmaġinaw lilhom infushom jagħmlu hekk. Huma jistgħu jistennew ukoll avvanz aktar mgħaġġel fil-karriera tagħhom; skont 64% ta' dawk li jimpjegaw, l-istaff b'esperjenza internazzjonali jingħataw responsabbiltà professjonali akbar.

Erasmus mhux biss itejjeb il-prospetti tal-karriera, iżda wkoll joffri lill-istudenti orizzonti u rabtiet soċjali aktar mifruxa. 40 % tal-istudenti tal-Erasmus jibdlu l-pajjiż tar-residenza tagħhom jew jaħdmu mill-anqas darba minn meta jkunu ggradwaw, li huwa kważi d-doppju ta’ dawk li ma kinux mobbli waqt l-istudji tagħhom. Filwaqt li 93 % tal-istudenti b’esperjenza internazzjonali jistgħu jimmaġinawhom jgħixu barra minn pajjiżhom fil-futur, dan huwa l-każ għal 73 % biss ta’ dawk li jibqgħu fl-istess pajjiż matul l-istudji tagħhom.

Dawk li kienu studenti tal-Erasmus huma aktar probabbli li jkollhom relazzjonijiet tranżnazzjonali: 33% minn fost dawk li kienu studenti tal-Erasmus għandhom sieħeb/sieħba ta' nazzjonalità differenti, meta mqabbla ma' 13% minn dawk li jibqgħu f'pajjiżhom waqt il-perjodu tal-istudju tagħhom; 27% tal-istudenti tal-Erasmus jiltaqgħu mas-sieħeb/mas-sieħba tagħhom waqt l-Erasmus. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tistma li sa mill-1987, mingħand koppji li ltaqgħu fuq l-Erasmus x’aktarx li twieldu madwar miljun tarbija.

Il-programm Erasmus+ il-ġdid se jipprovdi opportunitajiet lil 4 miljun persuna, inklużi 2 miljun student tal-edukazzjoni għolja u 300,000 membru tal-istaff tal-edukazzjoni għolja matul is-seba’ snin li ġejjin (2014-2020). Barra minn hekk, il-programm se jiffinanzja 135 000 skambju tal-istudenti u tal-istaff li jinvolvu pajjiżi msieħba mhux Ewropej. Erasmus+ se jkun saħansitra aktar aċċessibbli bis-saħħa ta' aktar appoġġ lingwistiku, ta' regoli aktar flessibbli u ta' appoġġ addizzjonali għal persuni bi bżonnijiet speċjali, li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati jew minn żoni remoti.

Il-kuntest

Il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (IP/11/1043), enfasizzat il-ħtieġa li l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex jiksbu l-ħiliet permezz ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom. Il-mira tal-UE għall-mobbiltà komprensiva tal-istudenti hija ta' tal-anqas 20% sa tmiem id-deċennju. Bħalissa, madwar 10% tal-istudenti tal-UE jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom bl-appoġġ ta' mezzi pubbliċi u privati. Madwar 5% minnhom jingħataw għotja mill-Erasmus. (Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-aħħar dejta disponibbli mill-Eurostat għall-2011-12, li turi li l-għadd ta’ gradwati kien aktar minn 5.35 miljun fil-pajjiżi parteċipanti tal-Erasmus u l-għadd ta’ studenti tal-Erasmus kien kważi 253 000).

L-istudju jikkombina kemm ir-riċerka kwantitattiva kif ukoll dik kwalitattiva. L-istħarriġ onlajn kopra 34 pajjiż (l-Istati Membri tal-UE, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera, it-Turkija) u analizza tweġibiet minn aktar minn 75 000 student u alunni universitarji, inkluż aktar minn 55 000 li studjaw jew tħarrġu barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, 5,000 staff, 1,000 istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla u 650 kumpaniji li jimpjegaw (li minnhom 55 % kienu SMEs) ħadu sehem fl-istħarriġ onlajn. L-istudju kwalitattiv jiffoka fuq tmien pajjiżi, li jvarjaw f’termini ta’ daqs u ta' pożizzjoni ġeografika: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. Dan kien jinkludi żjarat fuq il-post, intervisti, gruppi fil-mira u workshops istituzzjonali.

L-istudju dwar l-impatt tal-Erasmus kien twettaq minn konsorzju indipendenti ta’ esperti mmexxi mill-ispeċjalisti CHE Consult ibbażat f'Berlin flimkien mas-Servizzi tal-Edukazzjoni ta’ Brussell, il-grupp Compostela ta’ universitajiet u n-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus.

Erasmus +, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport ġie mniedi f’Jannar 2014, b’baġit totali ta’ kważi EUR 15 biljun għas-seba’ snin li ġejjin - 40 % aktar mil-livell preċedenti.

Għal aktar tagħrif

MEMO/14/534

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-programm Erasmus+

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Rapport finali: L-istudju dwar l-impatt tal-Erasmus

Alumni magħrufa tal-Erasmus – karrieri interessanti

http://ec.europa.eu/education/library/statistics/ay-12-13/annex-5_en.pdf

L-għadd ta' studenti tal-Erasmus għal kull pajjiż li siefru u li fl-2012-2013 kienu qed jistudjaw jew jagħmlu l-apprendistat tagħhom barra pajjiżhom

Erasmus+ film

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar