Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-fażi finali: Jumejn oħra u l-liġi tal-UE dwar id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ssir realtà

European Commission - IP/13/995   25/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 25 ta' Ottubru 2013

Il-fażi finali: Jumejn oħra u l-liġi tal-UE dwar id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ssir realtà

Fadal biss jumejn biex isir pass konkret sabiex ikollna żona Ewropea tal-Ġustizzja. Is-27 ta’ Ottubru hija d-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jimplimentaw l-ewwel liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati fi proċeduri kriminali. Il-liġi tal-UE tiggarantixxi liċ-ċittadini li huma arrestati jew akkużati b'reat id-dritt li jiksbu servizzi ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti kriminali, inkluż meta jirċievu pariri legali, bil-lingwa tagħhom, fil-qrati kollha tal-UE. Il-liġi ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010 (IP/10/249) u adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri fi żmien rekord ta’ disa’ xhur biss (IP/10/1305).

"Dan jista' jkun mument storiku għall-ġustizzja fl-Ewropa: l-ewwel liġi dwar drittijiet ġusti waqt il-proċess għaċ-ċittadini se ssir realtà konkreta – jekk l-Istati Membri jżommu mal-obbligi legali tagħhom," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Din hija l-ewwel liġi li se tidħol fis-seħħ minn tliet proposti li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu ggarantiti drittijiet għal proċess ġust għall-persuni fl-UE kollha, kemm jekk ikunu f’pajjiżhom kif ukoll jekk ikunu barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni qiegħda twettaq il-wegħdiet tagħha li ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini fl-Ewropa kollha. Neżiġi li anki l-Istati Membri jwettqu dan. Il-Kummissjoni Ewropea dalwaqt se tirrapporta dwar min għamel xogħlu sew. Aħna mhux se noqogħdu lura milli nikxfu lil min jonqos, – għax wara kollox, din il-liġi tinsab fil-qalba tad-drittijiet taċ-ċittadini.”

Sfond

Kull sena jkun hemm aktar minn 8 miljun proċediment kriminali fl-Unjoni Ewropea. Fid-9 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-ewwel pass f’sensiela ta’ miżuri biex tistabbilixxi standards komuni tal-UE fi proċedimenti kriminali. Il-Kummissjoni pproponiet regoli li jobbligaw lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni kompluti lis-suspettati (IP/10/249, MEMO/10/70). Il-proposta malajr ġie miftiehma minnufih mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri fil-Kunsill (IP/10/1305). L-Istati Membri tal-UE kellhom tliet snin biex jadottaw dawn ir-regoli, aktar milli ssoltu sentejn, biex l-awtoritajiet jkollhom żmien biżżejjed iqiegħdu għad-dispożizzjoni l-informazzjoni tradotta.

Id- Direttiva dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali tiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini li jsirulhom mistoqsijiet, li jieħdu sehem f'seduti ta' smigħ u li jirċievu pariri legali bil-lingwa tagħhom stess fi kwalunwke parti ta' proċediment kriminali, fil-qrati kollha tal-UE. Il-Kummissjoni insistiet fuq drittijiet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti kriminali biex ikun hemm konformità sħiħa mal-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti ta’ Strasburgu, kif ukoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

L-ispejjeż tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni jkunu jridu jintrefgħu mill-Istat Membru, mhux mis-suspettat. Mingħajr standards minimi komuni bħala garanzija ta' proċeduri ġusti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jevitaw li jibagħtu lil xi ħadd biex jgħaddi ġuri f'pajjiż ieħor. B'riżultat ta' dan, il-miżuri tal-UE biex tiġi miġġielda l-kriminalità – bħal ma hu l-Mandat Ewropew tal-Arrest – jista' ma jkunux applikati bi sħiħ.

Id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni kien l-ewwel wieħed f'sensiela ta' miżuri dwar proċess ġuridiku ġust biex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali. Il-liġi ġiet segwita bit-tieni Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, adottata fl-2012 (ara IP/12/575), u d-dritt għal aċċess għal avukat, adottata fl-2013 (IP/13/921). Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bil-pjan direzzjonali tagħha f’dan il-qasam tal-ġustizzja bi proposti għal sett ieħor ta’ drittijiet għal proċess ġuridiku ġust għaċ-ċittadini mistennija qabel tmiem l-2013.

Aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – id-drittijiet għal proċess ġust:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-rights/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website