Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu pass ieħor biex tagħti spinta lill-cloud computing

Commission Européenne - IP/13/990   28/10/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu pass ieħor biex tagħti spinta lill-cloud computing

Illum, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta’ esperti biex jaħdmu fuq kundizzjonijiet sikuri u ġusti għal kuntratti ta’ cloud computing, fuq il-bażi ta’ strument fakultattiv. L-objettiv huwa li jiġu identifikati l-aħjar prattiki biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar, li ħafna drabi ma jkollhomx ħajra jixtru servizzi tal-cloud computing minħabba li l-kuntratti ma jkunux ċari. Il-Grupp ta’ esperti huwa parti mill-kampanja tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi tal-cloud computing u tiżviluppa l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir tal-produttività ekonomika fl-Ewropa. Hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin taħt l-Istrateġija tal-Cloud Computing tal-Kummissjoni, li ġiet adottata s-sena li għaddiet (IP/12/1025, MEMO/12/713) u għandha l-għan li tindirizza kwistjonijiet relatati mal-cloud li jmorru lil hinn mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li bħalissa qed tiġi nnegozjata (MEMO/13/792).

“Fil-Kunsill Ewropew il-ġimgħa l-oħra, il-mexxejja tal-UE sejħu għal azzjoni biex jgħinu biex jinħoloq suq uniku għall-cloud computing. Il-Kummissjoni qiegħda tagħmel il-parti tagħha. L-użu sħiħ tal-opportunitajiet ippreżentati permezz tal-cloud computing jista’ joħloq 2.5 miljun impjieg ġdid fl-Ewropa u jżid madwar 1 % fis-sena mal-Prodott Domestiku Gross tal-UE sal-2020,” qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Aħna qegħdin nitolbu lill-esperti biex jipprovdu sett bilanċjat ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali għall-konsumaturi u l-impriżi żgħar u medji biex jużaw is-servizzi tal-cloud computing b’aktar fiduċja. Il-fiduċja hija bankabbli – iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jafdaw li s-servizzi li jużaw huma ġusti u affidabbli."

Il-Grupp ta’ esperti dwar il-cloud computing jinkludi rappreżentanti ta’ fornituri tas-servizzi tal-cloud, il-konsumaturi u l-SMEs, l-akkademiċi u l-professjonisti legali (ara l-Anness). L-ewwel laqgħa hija skedata għad-19-20 ta’ Novembru 2013 u l-grupp huwa mistenni li jirrapporta lura fir-rebbiegħa tal-2014. Il-kontribut se jżid ma' dokument ta' politika li jniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar kif nistgħu nimxu ‘l quddiem fuq il-kuntratti tal-cloud computing għall-konsumaturi u l-SMEs.

Sfond

Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija għall-“Isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa” (IP/12/1025, MEMO/12/713). L-istrateġija hija mfassla biex iżżid l-użu tal-cloud computing mal-ekonomija kollha kemm hi. Il-Grupp ta’ Esperti jagħmel parti ewlenija minn din l-istrateġija u mill-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tkompli tingħata spinta lis-Suq Uniku Diġitali. Dan jibni fuq inizjattivi leġiżlattivi oħrajn li diġà tressqu bħar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE (MEMO/13/923) u l-Liġi Ewropea Fakultattiva dwar il-Bejgħ proposta (MEMO/13/792).

Il-Grupp ta’ esperti għandu l-kompitu li jgħin lill-Kummissjoni tesplora modi kif ittejjeb il-qafas legali għall-kuntratti tal-cloud computing għall-konsumaturi u l-SMEs (IP/13/590), sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u l-SMEs fl-użu tal-kuntratti tal-cloud computing.

'Cloud computing' jirreferi għall-ħżin tad-dejta (bħal fajls testwali, stampi u vidjows) u softwer fuq kompjuters remoti, li l-utenti jaċċessaw onlajn permezz tal-apparat tal-għażla tagħhom. Dan huwa aktar veloċi, orħos, aktar flessibbli u potenzjalment aktar sigur minn soluzzjonijiet tal-IT fuq il-post. Bosta servizzi popolari bħal Facebook, Spotify u posta elettronika bbażata fuq l-internet jużaw teknoloġiji ta' cloud computing iżda l-vantaġġi ekonomiċi reali jirriżultaw mill-użu mifrux ta' soluzzjonijiet cloud min-negozji u s-settur pubbliku.

L-istratreġija tal-Kummissjoni fuq il-Cloud Computing tinkludi tliet azzjonijiet ewlenin, li waħda minnhom għandha l-għan li tidentifika kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti għall-kuntratti tal-cloud computing. Mudelli ta' kundizzjonijiet ta’ kuntratti jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar. Dawn jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta sa fejn dawn huma rilevanti għall-kuntratti tal-cloud computing.

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta, li kienu appoġġati l-ġimgħa li għaddiet b’maġġoranza kbira fil-Parlament Ewropew (MEMO/13/923), se jistabbilixxu wkoll qafas li se jgħin biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud computing. L-adozzjoni mgħaġġla tar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tappoġġja l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u tgħin billi tiżgura li l-konsumaturi u l-SMEs jibbenefikaw bis-sħiħ mit-tkabbir fis-servizzi diġitali u fil-cloud computing.

Permezz tal-proposta għal Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-Kummissjoni diġà bdiet ittejjeb il-qafas legali għall-kuntratti tal-cloud computing (MEMO/13/792). Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se twaqqaf liġi dwar il-bejgħ fakultattiva fl-UE, li tinkludi regoli ġusti u bbilanċjati, li l-konsumaturi u l-SMEs se jkunu jistgħu jużaw meta jixtru prodotti diġitali bħal mużika jew softwer billi jniżżluhom mill-cloud. Il-Grupp ta’ esperti se jagħmel xogħol speċifiku komplementari għal dawk il-kwistjonijiet li jinsabu barra mill-ambitu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex jiżguraw li kwistjonijiet kuntrattwali oħra rilevanti għas-servizzi tal-cloud computing jistgħu jkunu koperti wkoll, permezz ta’ strument fakultattiv simili.

Aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-Liġi kuntrattwali:

http://ec.europa.eu/justice/contract/index_mt.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-Protezzjoni tad-Dejta:

http://ec.europa.eu/justice/data-protection/index_mt.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-Cloud computing:

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/telecoms-and-internet/cloud-computing

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Members of the expert group on safe and fair terms for cloud computing contracts:

http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2922

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site