Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Ottubru 2013

Denunzja tal-VAT standard: Ħajja aktar faċli għan-negozji u konformità aħjar fil-ħlas tat-taxxa

Il-Kummissjoni llum ressqet proposta biex ikun hemm denunzja ġdida standard tal-VAT, li tista' twassal biex in-negozji jiffrankaw sa EUR 15-il biljun fis-sena. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li titnaqqas il-burokrazija għan-negozji, titħaffef il-konformità fil-ħlas tat-taxxa u biex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa madwar l-Unjoni isiru aktar effiċjenti. Bħala tali, hija tirrifletti bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni intelliġenti u hija waħda mill-inizjattivi mfissra fir-REFIT reċenti għas-simplifikazzjoni tar-regoli u għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għan-negozji (IP/13/891). Il-proposta tal-lum tipprevedi sett uniformi ta’ rekwiżiti għan-negozji meta ikunu qed jimlew id-denunzji tagħhom tal-VAT, ikun xi jkun l-Istat Membru li fih jagħmlu dan. Id-denunzja standard tal-VAT — li se tissostitwixxi d-denunzji nazzjonali tal-VAT — se tiżgura li n-negozji jintalbu l-istess informazzjoni bażika, fi ħdan l-istess skadenzi, madwar l-UE. Minħabba li proċeduri aktar sempliċi huma aktar faċli biex wieħed ikun konformi magħhom u eħfef biex jiġu infurzati, il-proposta tal-lum għandha wkoll tgħin biex ittejjeb il-konformità mal-VAT u biex jiżdied id-dħul pubbliku.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, qal: “ld-denunzja standard tal-VAT tippreżenta sitwazzjoni fejn jiggwadanja kulħadd. In-negozji se jibbenefikaw minn proċeduri iktar sempliċi, inqas spejjeż u anqas burokrazija. Il-gvernijiet se jkollhom għodda ġdida biex jiffaċilitaw il-konformità mal-VAT, li għandha żżid l-introjti li jiġbru. Il-proposta tal-lum għalhekk tappoġġja kemm l-impenn tagħna dwar Suq Uniku li jiffavorixxi n-negozju kif ukoll l-isforzi tagħna biex titjieb il-konformità fil-ħlas tat-taxxa fl-UE.

Kull sena jiġu ppreżentati 150 miljun denunzja tal-VAT minn kontribwenti fl-UE lil amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa. Bħalissa, l-informazzjoni mitluba, il-format tal-formoli nazzjonali u l-iskadenza tar-rappurtar ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor. B'hekk id-denunzji tal-VAT fil-każ ta' negozji transkonfinali jirrappreżentaw proċess kumpless, għali u kkumplikat. In-negozji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed ilmentaw ukoll li huwa diffiċli li jibqgħu konformi mal-VAT, minħabba l-kumplikazzjonijiet tal-proċess.

Id-denunzja standard tal-VAT li qed tiġi proposta llum tissimplifika l-informazzjoni li n-negozji jkollhom jipprovdu lill-awtoritajiet tat-taxxa. Id-denunzja se jkollha biss ħames kaxex obbligatorji li jkollhom jimlew il-kontribwenti. L-Istati Membri jkollhom il-flessibiltà li jirrikjedu xi elementi addizzjonali standardizzati, sa massimu ta' 26 kaxxa bl-informazzjoni. Dan huwa titjib konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni attwali, fejn xi Stati Membri jirrikjedu li jimtlew sa 100 kaxxa bl-informazzjoni.

In-negozji se jippreżentaw id-denunzja standard tal-VAT kull xahar, filwaqt li l-mikroimpriżi se jkun obbligati jagħmlu dan biss darba kull tliet xhur. L-obbligu li tiġi ppreżetnata denunzja rikapitulattiva tal-VAT kull sena, li xi Stati Membri bħalissa jitolbu, jiġi abolit. Il-proposta tħeġġeġ ukoll il-preżentazzjoni elettronika, peress li se jkun permissibbli li d-denunzja standard tal-VAT tiġi ppreżentata b'mod elettroniku madwar l-Unjoni. Din is-simplifikazzjoni ewlenija tal-proċess għad-denunzji tal-VAT tappoġġja l-impenji usa’ tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u ostakli għall-kummerċ fi ħdan is-suq uniku.

Il-proposta tal-lum hija wkoll kontribut importanti għall-ħolqien ta’ sistema tal-VAT aktar effiċjenti u aktar reżistenti għall-frodi, kif stabbilit fl-istrateġija tal-Kummissjoni għar-riforma tal-VAT (ara IP/11/1508). Il-VAT tirrappreżenta madwar 21% tal-introjti tal-Istati Membri, madankollu fl-2011 madwar EUR 193 biljun baqgħu ma nġabrux (ara IP/13/844). Bil-ħolqen ta' sistema eħfef li biha jkunu jistgħu jaħdmu kemm il-kontribwenti kif ukoll l-amministrazzjonijiet, id-denunzja standard tal-VAT tista’ ttejjeb il-konformità mal-ħlas tat-taxxa u tnaqqas id-distakk tal-VAT. Bħala tali, il-proposta tal-lum tista’ tkun ta' kontribut importanti għall-konsolidazzjoni fiskali mal-UE kollha billi jiżdied l-introjtu għall-fondi pubbliċi.

Sfond

F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT (ara IP/11/1508). Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-karatteristiċi fundamentali li jridu jkunu fil-bażi tar-reġim il-ġdid tal-VAT — partikolarment sabiex isir aktar sempliċi, aktar effiċjenti u aktar reżistenti kontra l-frodi, u li jkun aktar jixraq lis-Suq Uniku.

L-idea ta’ denunzja standard tal-VAT ġiet immexxija 'l quddiem mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi. Saret konsultazzjoni pubblika u ġie kkonfermat li jeżisti interess kbir u appoġġ min-negozji għal inizjattiva bħal din.

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti (IP/10/1296) enfasizzat ukoll id-Direttiva tal-VAT, u b'mod partikolari d-denunzja tal-VAT, bħala t-tieni att leġiżlattiv tal-UE li l-aktar huwa ta’ piż. Bil-proposta tal-lum, dan qed jiġi indirizzat.

Links Utli

Il-proposta tista' tiġi kkonsultata hawn:
http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/legislation_proposed/index_en.htm

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Segwi lill-Kummissarju Algirdas Šemeta fuq Twitter

+ MEMO/13/926

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Franck Arrii (+32 2 297 22 21)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website