Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta' Ottubru 2013

Il-prestazzjoni tal-2012 tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE

L-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE hija element fundamentali tat-Trattati tal-UE u hija fil-qalba tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-Kummissjoni (REFIT). It-30 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE juri kif sejrin l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Kien hemm inqas proċeduri ta' ksur miftuħa fi tmiem l-2012 minn snin preċedenti. In-numru ta’ każijiet fil-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi bħal “EU Pilot” żdiedu. Dan juri r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-Istati Membri biex jissolvew il-problemi u titjieb il-konformità.

Fl-aħħar tal-2012, in-numru ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa reġa’ naqas, b’ 25  % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Parti minn dan hija relatata mal użu aktar frekwenti tal-EU Pilot1 u mekkaniżmi oħrajn għas-soluzzjoni tal-problemi (bħal SOLVIT2) li għandhom l-għan li jsolvu l-problemi u jippromwovu l-konformità: L-ambjent, it-trasport, it-tassazzjoni u s-suq intern u s-servizzi kienu l-aktar erba’ oqsma suxxettibbli għal ksur, li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 60% tal-każijiet kollha.

L-akbar ammont ta' proċeduri ta’ ksur infetħu kontra l-Italja (99), il-Belġju (92) u Spanja (91). Bħal fl-2011, il-Latvja kellha l-aħjar prestazzjoni b’20 każ biss, segwita mil-Litwanja u l-Estonja (bi 22 u 24 proċedura rispettivament). Il-klassifikazzjoni tal-UE-27 hija kif ġej:

It-traspożizzjoni tard tad-direttivi: inqas każijiet, iżjed penali proposti

Rapporti Annwali preċedenti indikaw id-dewmien fit-traspożizzjonijiet tad-direttivi mill-Istati Membri. Il-prestazzjoni fqira tas-sena l-oħra tjiebet b’mod sinifikanti. Sa tmiem l-2012, kienu nfetħu 45 % inqas proċeduri ta' ksur minħabba dewmien fit-traspożizzjoni minn 12-il xahar qabel. Matul l-aħħar sena, il-biċċa l-kbira tal-proċeduri ta' ksur minħabba dewmien fit-traspożizzjoni nfetħu kontra l-Italja (36), il-Portugall (34) u l-Ungerija (26), filwaqt li l-Estonja (5), il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja (6 kull pajjiż) kellhom l-aħjar prestazzjoni f’dak ir-rigward.

Sabiex tiskoraġġixxi d-dewmien fit-traspożizzjoni, il-Kummissjoni kompliet tagħmel użu sħiħ tas-sistema ta’ sanzjonijiet introdotta skont it-Trattat ta’ Lisbona. Hija ressqet 35 każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) b’talba għal sanzjonijiet finanzjarji (kontra l-Polonja (10), is-Slovenja (5), il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja (4 t-tnejn li huma), Ċipru, il-Belġju (3 t-tnejn li huma), il-Ġermanja, il-Bulgarija, is-Slovakkja, il-Lussemburgu, il-Portugall u l-Ungerija (1 kull pajjiż)). Il-Kummissjoni għaddiet biss 9 deċiżjonijiet ta' riferiment bħal dawn matul l-2011.

Ilmenti: rispons ewlieni mill-pubbliku

Bi 3141 ilment irreġistrati fl-2012, iċ-ċittadini, in-negozji u l-partijiet interessati taw kontribut importanti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tagħha tal-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-UE. L-ilmenti taċ-ċittadini kienu l-aktar spiss dwar l-ambjent, il-ġustizzja u s-suq intern u s-servizzi (588, 491 u 462 ilment rispettivament) u kontra l-Italja (438), Spanja (306) u Franza (242).

Il-profili ta’ ksur: L-Istati Membri u l-politiki tal-UE

L-annessi għar-Rapport iħarsu lejn il-prestazzjoni ta’ kull Stat Membru u l-prestazzjoni f’oqsma speċifiċi ta’ politika. Huma jipprovdu każijiet illustrattivi u jenfasizzaw kwistjonijiet ewlenin fl-applikazzjoni tal-liġi.

Mit-23 ta’ Ottubru, ir-Rapport Annwali sħiħ se jkun disponibbli fuq il-link li ġej:
http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_annual_report_en.htm

Sfond

Wara talba mill-Parlament Ewropew il-Kummissjoni tippreżenta, kull sena, mill-1984, rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja waqt is-sena preċedenti.

Il-Parlament Ewropew jaddotta, kull sena, rapport fuq ir-rapport tal-Kummissjoni u jispjega l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjonijiet prinċipali.

Kuntatti :

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

1 :

L-EU Pilot huwa bażi ta' dejta u għodda ta’ komunikazzjoni. Dan ġie mfassal biex jitjiebu l-komunikazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE jew dwar il-konformità tal-liġi ta’ Stat Membru mal-liġi tal-UE fi stadju bikri qabel jingħata bidu għall-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE.

2 :

Is-SOLVIT huwa netwerk onlajn li jsolvi l-problemi li fih l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien biex isolvu, mingħajr proċeduri legali, problemi maħluqa mill-applikazzjoni ħażina tal-liġi dwar is-Suq Intern minn awtoritajiet pubbliċi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website