Navigation path

Left navigation

Additional tools

Wasal iż-żmien għal azzjoni tal-UE aktar qawwija kontra l-vjolenza bl-armi tan-nar

European Commission - IP/13/980   21/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Ottubru 2013

Wasal iż-żmien għal azzjoni tal-UE aktar qawwija kontra l-vjolenza bl-armi tan-nar

Matul dawn l-aħħar snin assistejna għal attakki traġiċi bl-użu ta' armi tan-nar fl-Ewropa, b'mod notevoli fin-Norveġja, il-Belġju, il-Finlandja, Franza jew l-italja, biex insemmu biss ftit. Kull pajjiż huwa milqut, u fl-UE bħala tali, ikun hemm aktar minn elf vittma ta' omiċidju permezz ta' armi tan-nar kull sena, u hemm nofs miljun arma tan-nar li ġew reġistrati bħala mitlufa jew misruqa u ħadd ma jaf x'sar minnhom.

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta suġġerimenti dwar kif tista' titnaqqas fl-Ewropa l-vjolenza marbuta mal-armi tan-nar. Hija qed tidentifika azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE, permezz ta' leġiżlazzjoni, attivitajiet operattivi, taħriġ u ffinanzjar mill-UE, biex jiġi indirizzat it-theddid ġej mill-użu illegali tal-armi tan-nar.

Fl-istess okkażjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika r-riżultati ta' stħarriġ tal-Eurobarometer li juri li sitta minn kull għaxar Ewropej fil-fatt jemmnu li l-livell ta' kriminalità li jinvolvi l-armi tan-nar x'aktarx li jiżdied tul il-ħames snin li ġejjin; juri wkoll li kollox ma' kollox 55 fil-mija tal-Ewropej jridu regolamentazzjoni aktar qawwija dwar min għandu jitħalla jippossjedi, ibigħ jew jixtri l-armi tan-nar.

"Kull ġimgħa, nisimgħu dwar atti ġodda ta' vjolenza li jsiru permezz ta' armi tan-nar. Madankollu d-dibattitu dwar l-użu u t-traffikar illegali tal-armi tan-nar fl-Ewropa ftit jinstema', u dan iqajjem tħassib. Ħafna drabi aktar jinstema' d-dibattitu dwar il-firxa tal-armi tan-nar fl-Istati Uniti, meta jmissna qed niffokaw fuq dak li qed jiġri f'darna. Għandna ħafna x'nagħmlu hawnhekk fl-Ewropa biex nassiguraw ruħna li r-revolvers, r-rajfils u l-armi tal-assalt ma jispiċċawx f'idejn il-kriminali", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE dwar l-Affarijiet Interni.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tressaq ideat biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, fejn hemm, fil-leġiżlazzjoni tal-UE, tul il-ħajja kollha tal-armi, inkluż il-produzzjoni, il-bejgħ, il-pussess, il-kummerċ, il-ħażna u d-deattivazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati tradizzjonijiet twal ta' użu legali tal-armi tan-nar, bħal fil-każ tal-isparar bħala sport, u tal-kaċċa, pereżempju.

Regoli aktar stretti li jkunu jgħoddu madwar l-UE dwar kif jiġu deattivati l-armi tan-nar jistgħu jassiguraw li ladarba l-armi tan-nar ma jibqgħux jintużaw, dawn jibqgħu inoperabbli.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra approċċ dwar kif l-armi tan-nar jiġu mmarkati b'numri tas-serje meta jiġu manifatturati sabiex dan jgħin biex ikunu rintraċċati meta jintużaw mill-kriminali.

Huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata leġiżlazzjoni tal-UE b'regoli minimi komuni dwar is-sanzjonijiet kriminali biex jiġi żgurat li d-deterrenza taħdem fl-Istati Membri kollha, u li ma jkunx hemm toqob legali li jistgħu jiġu sfruttati mit-traffikanti. Tali regoli jistgħu jistipulaw liema reati bl-armi tan-nar għandhom ikunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali (manifattura illeċta, traffikar, tbagħbis fil-marki, pussess illegali ta' arma tan-nar u l-intenzjoni li tiġi pprovduta arma tan-nar), kif ukoll jispeċifikaw il-livell ta' sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti mill-Istati Membri.

It-tnaqqis tal-vjolenza bl-armi tan-nar tista' wkoll issir billi tiġi ssikkata d-Direttiva tas-suq intern tal-UE dwar il-pussess tal-armi fl-Istati Membri, billi pereżempju jitnaqqas l-aċċess għall-użu ċivili fil-każ ta' mudelli ta' armi li jkunu ta' periklu partikolari. Il-proċeduri għal-liċenzjar tal-armi sejjer ukoll jiġi investigat biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti.

Il-kontrolli fuq il-bejgħ u l-manifattura illegali tal-armi tan-nar għandhom jiġu infurzati kif imiss. Il-Kummissjoni sejra wkoll tfittex aktar informazzjoni dwar l-isfidi teknoloġiċi l-ġodda, bħall-bejgħ tal-armi fuq l-internet, l-istampar bit-3D ta' partijiet tal-armi, iżda wkoll dwar kif jitnaqqas ir-riskju tat-twassil illegali tal-armi tan-nar permezz tas-servizzi postali.

Il-Kummissjoni sejra wkoll tara kif jista' jitnaqqas il-periklu ta' diverżjoni minn pajjiżi terzi permezz ta' assistenza teknika, inkluż it-tisħiħ tas-sistemi tagħhom tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-għeluq tar-rotot ta' kuntrabandu u l-ġestjoni aħjar tal-ħażniet ta' armamenti militari.

Dawn is-suġġerimenti issa se jiġu diskussi mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u ma' dawk involuti biex jiġu eżaminati l-opzjonjiet differenti, inkluża l-azzjoni leġiżlattiva.

Dawn il-prijoritajiet jibbażaw ruħhom fuq diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-opinjonijiet tal-vittmi ta' vjolenza bl-armi tan-nar, l-NGOs u l-manifatturi awtorizzati, il-bejjiegħa u l-utenti kif ukoll ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Eurobarometer u r-risposti f'konsultazzjoni pubblika.

Links Utli

Link to Communication

MEMO/13/916

Cecilia Malmström: il-websajt tagħha

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Id-DĠ dwar l-Affarijiet Interni: il-websajt

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website