Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu, is-6 ta' Frar 2013

Il-Kummissjoni tilqa’ vot meħud mill-Parlament Ewropew li jappoġġa l-proposta tagħha għal Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-vot li ttieħed illum mill-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ġdida. B’dan il-vot il-Parlament qed iħejji t-triq għal negozjati mal-Kunsill bil-ħsieb li jikkonkludi ftehim dwar il-politika l-ġdida.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki ddikjarat: “Il-Parlament Ewropew appoġġa b’maġġoranza kbira riforma ambizzjuża tal-PKS billi approva l-approċċ imressaq mill-Kummissjoni. Jien nilqa' l-vot u ninsab kuntent b’mod speċjali bl-appoġġ tal-Parlament għal politika bbażata fuq l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd b'mod sostenibbli (skont prinċipju ta’ Rendiment Massimu Sostenibbli mill-2015), politika li tintroduċi projbizzjoni fuq ir-rimi lura b’dati ċari biex ittemm prattiki ta' ħela li ma għadniex naffordjaw. Nixtieq nawgura lill-Parlament għas-suċċess tiegħu u ninsab ħerqana għall-ħidma li se jagħtu bidu għaliha l-Kunsill u l-Parlament biex jiżguraw l-adozzjoni tar-riforma tal-PKS. "

Il-proposta tal-2011 għar-riforma tal-PKS għandha l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet għall-flotot tas-sajd tal-UE biex dawn ikunu ekonomikament vijabbli u li tippromwovi l-akkwakultura tal-UE, għall-benefiċċju tal-komunitajiet li jiddependu fuq dawn l-attivitajiet kif ukoll għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tar-regoli bażiċi tal-Politika Komuni tas-Sajd hija bbażata fuq is-sostenibbiltà. Il-ġestjoni tas-sajd għandha tippermetti l-istokkijiet kollha jerġgħu jilħqu livelli b’saħħithom, u b’hekk jimmassimizzaw il-qabdiet għas-sajjieda. Il-prattika ta’ ħela li jintrema ħut perfettament tajjeb għall-ikel għandha titwaqqaf gradwalment b'obbligi u skadenzi ċari, li jagħtu lis-sajjieda żmien biżżejjed biex jilħqu jadattaw. Id-deċiżjonijiet rigward il-ġestjoni tas-sajd iridu jittieħdu bl-involviment tas-sajjieda u tal-partijiet interessati, u jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-baċiri tal-baħar.

Ara wkoll: Memo/13/72

Aktar tagħrif dwar il-Politika Komuni tas-Sajd:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/proposals/index_mt.htm

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website