Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2013

L-Ewropa koperta kollha bi broadband bażiku – mira
tal-EU li ntlaħqet qabel iż-żmien.
Il-pass li jmiss ikun broadband veloċi għal kulħadd.

Kull dar fl-UE jista' jkollha konnessjoni ta' broadband bażiku, minħabba d-disponibbiltà pan-Ewropea tal-broadband bis-satellita. Issa l-konnessjonijiet bis-satellita jistgħu jinstabu fit-28 pajjiż tal-Unjoni u allura kull Ewropew jista' jkollu abbonament bis-satellita, anki dawk it-tliet miljun persuna li għadhom mhumiex koperti b'netwerks broadband fissi jew mobbli.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, illum laqgħet il-kisba importanti ta' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa:

"Il-motto tiegħi hu Kull Ewropew Ikun Diġitali – issa kull Ewropew tassew għandu din l-opportunità. Għad baqagħlna ferm x'naqdfu biex intejbu n-netweks u nagħtu l-istess opportunità lil kulħadd, iżda l-opportunità diġà qiegħda hemm."

"Bis-saħħa tal-kopertura żejda li jagħti l-broadband bis-satellita, irnexxielna nilħqu l-mira tagħna għall-2013 ta' broadband għal kulħadd. Dan hu riżultat tajjeb ħafna għaċ-ċittadini Ewropej."

Kif inkisbet kopertura sħiħa?

FISSA (ADSL, VDSL, kejbil, fibra, ram)

96.1%

MOBBLI (2G, 3G, 4G)

99.4%

BIS-SATELLITA

100%

Sa tmiem l-2012, 99.4% tad-djar fl-UE kellhom aċċess għal kopertura tal-broadband fissa jew mobbli bażika; fosthom 96.1% tad-djar f’żoni rurali. Iżda l-aħħar 0.6% (jew madwar tliet miljun ċittadin) kienu jinkludu bosta familji u negozji f'żoni rurali jew maqtugħin fejn it-tifrix tal-broadband fiss jew mobbli jkun ferm aktar diffiċli u għali.

Kroes qalet: "L-UE hi teknoloġikament newtrali, iżda għal dawk li jinsabu f'żoni maqtugħin, is-satellita hi alternattiva tajba biex jibqgħu mqabbdin; u x'aktarx is-sitwazzjoni se tibqa' hekk."

Bosta Ewropej ma tiġihomx f'rashom jikkonsidraw l-alternattiva ta' broadband bis-satellita. Din hi r-raġuni għalfejn illum Neelie Kroes nediet broadbandforall.eu, servizz li żviluppatu l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Operaturi tas-Satellita (ESOA) biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jfittxu malajr l-alternattivi tagħhom ta' broadband bis-satellita.

Bħalissa jeżistu 148 satellita li jipprovdu servizzi lill-Ewropej. Il-pakketti bażiċi jibdew minn €10 fix-xahar, pakketti ta' 20Mbps għal €25 fix-xahar, u l-prezz medju ad-dixxijiet tas-satellita hu €350 (u dan jista' jkun irħas f'abbonamenti primjum).

Madankollu, Kroes wissiet li l-broadband bażiku mhux biżżejjed u li neħtieġu broadband aktar veloċi biex jinħoloq Kontinent tassew Konness:

"L-Ewropa teħtieġ konnettività ultraveloċi. Ma rridu nħallu lil ħadd warajna. Issa li ksibna broadband bażiku, jeħtiġilna nħarsu minnufih lejn investiment f'netwerks veloċi ġodda."

"Aċċess għal broadband aktar veloċi ta' 30Mbps u 50Mbps li jkun affidabbli u mhux għali, hu essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa u għall-prodotti u s-servizzi diġitali tal-ġenerazzjoni li jmiss bħat-Televixin Konness, l-eHealth, il-Cloud Computing u l-Karozzi Konnessi."

Il-kuntest

Il-pakkett tal-Kummissjoni għal Kontinent Konness biex jissaħħaħ is-suq uniku tat-telekomunikazzjoni għandu l-għan li jkollna pijunieri Ewropej b'saħħithom f'oqsma oħra tal-ekosistema diġitali. Pereżempju, miżuri bħar-reġim tal-awtorizzazzjoni unika se jiżguraw li d-dritt ta' operat fi Stat Membru wieħed jagħti d-dritt ta' operat f'kull Stat. B'mod partikolari, dan se jagħti spinta lil teknoloġiji transfruntiera bħalma hi s-satellita. B'qafas komuni u governanza kollaborattiva, m'għandux ikun meħtieġ li jiġu indirizzati bosta burokraziji separati.

Satelliti tal-broadband moderni bidirezzjonali u KA-band jistgħu jipprovdu veloċitajiet tad-download sa 20Mbps.

Kumpaniji bħal Eutelsat u Astra huma mexxejja dinjin fejn jidħol il-broadband bis-satellita. Illum, aktar minn 250 satellita jipprovdu aktar minn 20,000 programm televiżiv minn orbita ġeostazzjonarja u madwar 148 minnhom huma Ewropej u jħaddmuhom il-membri tal-ESOA.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffinanzjat żewġ inizjattivi biex tappoġġa t-tifrix tal-broadband bis-satellita fir-reġjuni Ewropej li fihom jieħdu sehem 43 sieħeb minn 16-il Stat Membru. Il-proġetti SABER u BRESAT jgħaqqdu lil awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jaħdmu flimkien ma' rappreżentanti ewlenin mill-Industrija tas-Satellita ħalli jqajmu kuxjenza, jaqsmu l-aqwa prattiki fl-użu tal-fondi, janalizzaw l-ostakli u jsibu soluzzjonijiet.

Il-konnettività hi essenzjali għall-ekosistema diġitali usa' tal-UE tal-manifatturi tat-tagħmir, l-intraprendituri tal-internet, l-oġġetti intelliġenti, is-suq tal-operaturi u s-suq tal-konsumaturi u l-loġistika, il-kontenut kreattiv Ewropew, l-edukazzjoni u s-servizzi pubbliċi diġitali. F'Settembru, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett biex issaħħaħ is-suq uniku tat-telekomunikazzjoni, u b'mod partikolari biex tħajjar l-investiment fi broadband ultraveloċi (ara IP/13/828 u MEMO/13/779).

X'inhu broadband bis-satellita?

Internet-bis-satellita, jew kif inhu magħruf ukoll broadband bis-satellita, hu konnessjoni bidirezzjonali ta' internet veloċi ħafna permezz ta' komunikazzjoni mas-satelliti minflok bil-linji tat-telefown jew b'mezzi terrestri oħrajn. Illum il-broadband bis-satellita sar iħaqqaqha ferm mal-broadband bid-DSL fejn jidħlu l-ispiża u l-prestazzjoni, u l-pakketti bażiċi jistgħu jinxtraw b'€10 fix-xahar. Għalkemm il-fibra u l-kejbil joffru prestazzjoni aħjar fejn tidħol il-veloċità, dawn mhumiex disponibbli għal kulħadd bħalma hi s-satellita. Għalhekk is-satellita hi siewja ferm f'żoni maqtugħin li jaf ma jkollhom ebda kopertura fissa jew mobbli jew din tkun dgħajfa ħafna.

X'appoġġ pubbliku jeżisti għal aktar tifrix tal-broadband f'żoni rurali?

Il-finanzjament pubbliku jibqa' jkollu rwol biex jitwasslu konnessjonijiet broadband fid-djar u fin-negozji tal-UE, l-aktar fiż-żoni rurali. Il-Kummissjoni għandha Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat favorevoli biex lill-Istati Membri tgħinhom iwasslu l-broadband b'mod li jiffavorixxi l-kompetizzjoni.

Appoġġ għall-broadband se jkun jista' jsir bil-Faċilità ta' Ewropa Konnessa, u l-ICT issa sar prijorità tal-fondi struttrali tal-UE, u bil-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-istat għall-broadband (ara IP/12/1424).

X'inhuma l-miri li jmiss tal-Kummissjoni fejn jidħol il-broadband?

Is-servizzi diġitali ta' għada – mit-televixin konness għall-cloud computing u l-eHealth – jiddependu dejjem aktar fuq konnessjonijiet broadband veloċi u effettivi. Dawn il-konnessjonijiet qed isiru kritiċi għall-ekonomija tagħna u hu stmat li jekk il-penetrazzjoni tal-broadband tiżdied b'10%, il-PDG jiżdied b'bejn 1 u 1,5%. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE) timmira li kull Ewropew isir diġitali u li tiżgura l-kompetittività tal-Ewropa fis-seklu 21. Għal dan il-għan hu essenzjali li jkun hemm konnettività veloċi u l-miri tal-broadband tad-DAE:

  • broadband bażiku għal kulħadd sal-2013;

  • Netwerks tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN) (30Mbps jew aktar) għal kulħadd sal-2020;

  • 50% tad-djar ikollhom abbonamenti ta' 100Mbps jew aktar.

Links Utli

broadbandforall.eu

Studji tal-każ dwar kif il-broadband bis-satellita hu siewi f'żoni rurali

Il-broadband, spinta fl-impjiegi u t-tkabbir

Hashtags: #ConnectedContinent

Neelie Kroes Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website