Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni ssaffar is-suffara fuq il-prezzijiet minfuħa tat-trasferiment ta’ plejers tal-futbol, u fuq in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi

Commission Européenne - IP/13/95   07/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Frar 2013

Il-Kummissjoni ssaffar is-suffara fuq il-prezzijiet minfuħa tat-trasferiment ta’ plejers tal-futbol, u fuq in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi

Il-klabbs tal-futbol jonfqu madwar EUR 3 biljun fis-sena fuq trasferimenti ta' plejers, iżda ftit wisq minn dawn il-flejjes jasal għand klabbs żgħar jew mhux professjonali, skont studju tal-Kummissjoni ppubblikat illum. L-għadd ta' trasferimenti fil-futbol Ewropew żdied b'aktar minn tliet darbiet tul il-perjodu 1995-2011, filwaqt li l-ammonti minfuqa mill-klabbs fuq prezzijiet ta' trasferimenti żdiedu b'seba' darbiet. Iżda l-biċċa l-kbira mill-infiq kbir huwa kkonċentrat f'għadd żgħir ta' klabbs li għandhom l-ikbar benefiċċji, jew li jgawdu mill-appoġġ ta' investituri sinjuri ħafna. Is-sitwazzjoni qiegħda biss iżżid dejjem aktar l-iżbilanċi bejn min għandu u min m'għandux: inqas minn 2 % mill-prezzijiet tat-trasferimenti jaslu għand il-klabbs iż-żgħar u l-isport mhux professjonali, li huma essenzjali għall-iżvilupp ta' talent ġdid. Il-livell ta' ridistribuzzjoni tal-flus fil-futbol, li għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-ittrejnjar u t-tagħlim ta' plejers żgħażagħ, mhuwiex biżżejjed biex jippermetti lill-klabbs iż-żgħar jiżviluppaw u jisfrundaw il-monopolju li l-klabbs il-kbar baqgħu jżommu fuq il-kompetizzjonijiet ta' dan l-isport.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Isports, qalet: "Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi bis-sħiħ id-dritt tal-awtoritajiet tal-isports li jistipulaw regoli għat-trasferimenti. Madankollu, l-istudju tagħna juri li r-regoli, kif inhuma bħalissa, ma jiżgurawx bilanċ ġust fil-futbol, u lanqas ma jersqu lejn kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjonijiet, ikunux League jew Tazza. Għandna bżonn sistema tat-trasferimenti li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-klabbs kollha, u tal-plejers żgħażagħ."

Ir-regoli tat-trasferimenti jiġu stipulati mill-korpi ta' tmexxija tal-isports - ngħidu aħna, il-FIFA fil-futbol, u l-FIBA fil-basketball. It-Transfer Matching System (TMS) fuq il-websajt tal-FIFA, li tintuża minn 4 600 klabb mad-dinja kollha, żiedet it-trasparenza fl-operati ta' trasferiment internazzjonali, iżda jeħtieġ li jsir aktar fuq il-livell nazzjonali. Ir-rapport sab li s-sistema attwali għadha timla l-bwiet l-iktar lill-klabbs l-aktar sinjuri, lill-plejers li huma l-ikbar ċelebritajiet, u l-aġenti tagħhom.

Ir-rapport jirrakkomanda li r-regoli tal-FIFA u tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol għandhom jiżguraw kontrolli iktar stretti fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u jdaħħlu "imposta tal-fair play" fuq il-prezzijiet tat-trasferimenti, applikata 'l fuq minn ċertu ammont li għandu jiġi miftiehem mill-korpi ta' tmexxija tal-isport u l-klabbs, sabiex titħeġġeġ ridistribuzzjoni aħjar tal-fondi mill-klabbs għanja lill-klabbs inqas sinjuri.

L-istudju jissuġġerixxi wkoll limitu fuq l-għadd ta' plejers f'kull klabb, reviżjoni tal-kwistjoni tas-"sjieda ta' parti terza" (fejn plejer prattikament jiġi mikri lil klabb minn aġent), u l-waqfa tal-prattiki kuntrattwali li jonfħu l-prezzijiet tat-trasferimenti, bħal meta klabb jestendi l-perjodu ta' protezzjoni li matulu l-plejers ma jistgħux jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-klabb. Ir-rapport isejjaħ ukoll għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-Fair Play Finanzjarju, kif ukoll għal "mekkaniżmi ta' solidarjetà" li jsaħħu l-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-ħarsien tal-minuri. L-awturi ta' dan l-istudju jħeġġu lill-korpi tal-isports itejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, bil-għan li jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.

Il-passi li jmiss

Ir-riżultati ta' dan l-istudju se jiġu analizzati mill-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar "Il-Governanza Tajba fl-Isport" fil-laqgħa tiegħu li jmiss (f'April). Dan il-Grupp, li qiegħed jiddiskuti wkoll miżuri li jindirizzaw il-logħob miftiehem jew mixtri, huwa magħmul minn esperti u osservaturi mill-FIFA, il-UEFA, il-Leagues Ewropej tal-Futbol Professjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej, u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers tal-Futbol Professjonali. Il-Grupp mistenni jressaq rapport lill-Ministri tal-Isports tal-UE qabel tmiem is-sena.

Sfond

Is-suq tax-xogħol fil-futbol huwa estremament frammentat, b'"suq primarju" li jikkonsisti f'għadd żgħir ta' plejers li huma "superstars", u suq sekondarju magħmul minn plejers professjonali jew semiprofessjonali li ma jaqilgħux flejjes kbar u ta' sikwit isibuha bi tqila jiżviluppaw il-karrieri tagħhom, speċjalment wara li jkun għadda żmienhom bħala plejers.

Sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni ġusta u bilanċjata permezz ta' ridistribuzzjoni aħjar u akbar bejn il-klabbs, l-istudju jipproponi:

i) li tiġi stabbilita "imposta tal-fair play" fuq il-prezzijiet tat-trasferimenti 'l fuq minn ċertu ammont, sabiex titħeġġeġ ridistribuzzjoni aħjar tal-fondi mill-klabbs il-kbar lill-klabbs inqas sinjuri. L-għan ta' din l-imposta jkun li tirrestitwixxi ċertu bilanċ kompetittiv. L-ammont li minnu għandha tapplika l-imposta, u r-rata u l-ambitu tagħha, għandhom jiġu ddeterminati mill-korpi ta' tmexxija internazzjonali tal-futbol, f'konsultazzjoni mal-klabbs;

ii) li ssir aktar pubbliċità tal-moviment tal-plejers biex jiġi żgurat li l-kumpens ta' solidarjetà rilevanti jitħallas lill-klabbs, u li dawn ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom;

iii) li jiġi stabbilit limitu fuq l-għadd ta' plejers f'kull klabb;

iv) li jiġi rregolat il-mekkaniżmu tat-trasferimenti b'self;

v) li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-"sjieda ta' parti terza" tad-drittijiet tal-plejers, bl-adozzjoni ta' regoli li jħarsu l-integrità u l-libertà tal-plejers, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni fl-isport. Tali regoli ma għandhomx ifixklu b'mod sproporzjonat l-investiment finanzjarju fl-isport, u għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-kapital;

vi) li jkun hemm appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regoli ta' Fair Play Finanzjarju, biex iħeġġeġ lill-klabbs joqogħdu lura milli jonfqu iktar mid-dħul tagħhom;

vii) li tiġi indirizzata l-instabbiltà tat-tims fil-basketball.

Biex jiġu limitati l-prezzijiet minfuħa, l-istudju jirrakkomanda:

i) li jkun ipprojbit li l-klabbs jestendu l-"perjodu ta' protezzjoni" li matulu plejer ikollu bżonn il-kunsens tal-klabb biex ikun jista' jiġi ttrasferit, għax fil-prattika dan itella' l-prezzijiet tat-trasferimenti (il-kuntratti normalment ikunu protetti għal tliet snin sal-età ta' 28, u għal sentejn fil-każ ta’ plejers ta’ età akbar);

ii) li l-klawżoli tal-"buy-out" (akkwiżizzjoni barra mill-kuntratt) fil-kuntratti tal-plejers ikunu proporzjonati.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport", il-Kummissjoni ddikjarat li t-trasferimenti ta' spiss joħorġu fid-dieher tal-pubbliku minħabba tħassib fir-rigward tal-legalità tagħhom, u minħabba nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-flussi finanzjarji involuti. F'Jannar 2012, il-Kummissjoni varat studju dwar it-trasferimenti tal-plejers bil-għan li jipprovdi ħarsa wiesgħa u fid-dettall lejn l-aspetti ekonomiċi u legali tas-sistemi tat-trasferimenti tal-isports tat-tims fl-Ewropa, b'lenti partikulari fuq il-futbol u l-basketball. L-istudju sar minn konsorzju magħmul minn KEA European Affairs (il-Belġju) u ċ-Ċentru għal-Liġi u l-Ekonomija tal-Isport tal-Università ta' Limoges (Franza).

Il-pubblikazzjoni tal-istudju tasal 17-il sena wara s-sentenza ta' Bosman tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li ġabet magħha tibdil profond fil-mod kif inhu organizzat il-futbol professjonali fl-Ewropa u madwar id-dinja, billi neħħiet l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-plejers. L-istudju jasal ukoll 12-il sena wara ftehim informali bejn il-Kummissjoni, il-FIFA u l-UEFA li wassal għal regoli tat-trasferimenti riformati mill-qiegħ għall-futbol professjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet kapitolu dwar l-isport bħala parti minn Erasmus għal Kulħadd, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-baġit propost għall-isport huwa medja ta' EUR 34 miljun fis-sena bejn l-2014 u l-2020. Se jingħata appoġġ lill-proġetti transnazzjonali li għandhom l-għan li jixprunaw l-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba, l-avvenimenti Ewropej mhux kummerċjali tal-isports ta’ importanza kbira, u studji u ħidma statistika li jsaħħu l-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika fl-isports. Il-benefiċjarji ewlenin se jkunu l-korpi pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fl-isports fil-livell lokali. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tagħti appoġġ lil għadd ta' inizjattivi ta' tħejjija fil-qasam tal-isports. Dawn jinkludu ħames proġetti pan-Ewropej immirati li jżidu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-logħob miftiehem jew mixtri.

Għal aktar tagħrif

Rapport finali tal-istudju

Sommarju Eżekuttiv EN

Sommarju Eżekuttiv FR

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Isports (bl-Ingliż)

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou (bl-Ingliż)

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site