Navigation path

Left navigation

Additional tools

Pjan tal-UE għaċ-Ċibersigurtà biex nipproteġu l-internet miftuħ, il-libertà u l-opportunitajiet fuq l-internet

European Commission - IP/13/94   07/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Frar 2013

Pjan tal-UE għaċ-Ċibersigurtà biex nipproteġu l-internet miftuħ, il-libertà u l-opportunitajiet fuq l-internet

Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, ippubblikaw strateġija taċ-ċibersigurtà, flimkien ma' proposta ta’ Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (NIS – Network and Information Security).

L-istrateġija taċ-ċibersigurtà – “Ċiberspazju Miftuħ u Sikur” - tirrappreżenta l-viżjoni komprensiva tal-UE dwar kif l-aħjar jiġu evitati u indirizzati ċ-ċiberdisturbi u ċ-ċiberattakki. Dan sabiex jitkomplew il-valuri Ewropej tal-libertà u d-demokrazija u jkun żgurat li l-ekonomija diġitali tista’ tikber b’mod sikur. Azzjonijiet speċifiċi huma mmirati lejn it-titjib taċ-ċiberreżiljenza ta’ sistemi tal-informazzjoni, it-tnaqqis taċ-ċiberkriminalità u t-tisħiħ tal-politika internazzjonali tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża.

L-Istrateġija tartikula l-viżjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà f'termini ta' ħames prijoritajiet:

  • Il-kisba ta' ċiberreżiljenza

  • It-tnaqqis drastiku taċ-ċiberkriminalità

  • L-iżvilupp ta' politika taċ-ċiberdifiża u l-kapaċitajiet relatati mal-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża (CSDP – Common Security and Defence Policy)

  • L-iżvilupp tar-riżorsi industrijali u teknoloġiċi għaċ-ċibersigurtà

  • L-istabbilment ta’ politika internazzjonali koerenti dwar iċ-ċiberspazju għall-Unjoni Ewropea u l-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-UE

Il-politika internazzjonali tal-UE dwar iċ-ċiberspazju tippromwovi r-rispett tal-valuri ewlenin tal-UE, tiddefinixxi n-normi għal imġiba responsabbli, tħeġġeġ l-applikazzjoni ta' liġijiet internazzjonali eżistenti fiċ-ċiberspazju, filwaqt li tassisti pajjiżi barra mill-UE permezz ta’ bini tal-kapaċità taċ-ċibersigurtà, u tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fil-kwistjonijiet ċibernetiċi.

L-UE għamlet avvanzi ewlenin biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini mill-kriminalità fuq l-internet, inkluż l-istabbilment ta’ Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (IP/13/13), proposti għal leġiżlazzjoni dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (IP/10/1239) u t-tnedija ta’ Allejanza Globali biex niġġieldu kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet (IP/12/1308). L-istrateġija timmira wkoll li tiżviluppa u tiffinanzja netwerk ta’ Ċentri tal-Eċċellenza kontra ċ-Ċiberkriminalità nazzjonali biex tiffaċilita t-taħriġ u l-bini tal-kapaċita.

Id-Direttiva proposta dwar in-NIS hija l-komponent ewlieni tal-istrateġija globali u se tkun teħtieġ l-Istati Membri kollha, l-instigaturi ewlenin tal-internet u l-operaturi tal-infrastruttura kritika bħalma huma l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku u n-netwerks soċjali u l-operaturi fl-enerġija, it-trasport, il-qasam bankarju u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, biex tiżgura ambjent diġitali sikur u affidabbli fl-UE kollha. Id-Direttiva proposta tistabbilixxi miżuri li jinkludu:

(a) L-Istati Membri jridu jadottaw strateġija tan-NIS u jinnominaw awtorità kompetenti nazzjonali tan-NIS li għandha riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni, l-amministrazzjoni u r-rispons għar-riskji u l-inċidenti tan-NIS;

(b) Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkondividu twissijiet bikrin dwar ir-riskji u l-inċidenti permezz ta’ infrastruttura sikura, u jikkooperaw u jorganizzaw reviżjonijiet regolari ta’ bejn il-pari;

(c) L-operaturi tal-infrastrutturi f’ċerti setturi (sevizzi finanzjarji, trasport, enerġija, saħħa), instigaturi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (notevolment: app stores, pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, pagamenti fuq l-internet, cloud computing, magni tat-tiftix, netwerks soċjali) u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, ilkoll għandhom jadottaw prattiċi ta’ ġestjoni tar-riskju u jirrapportaw l-inċidenti tas-sigurtà maġġuri li jseħħu fuq is-servizzi ewlenin tagħhom.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet:

“Iktar ma n-nies jiddependu fuq l-internet, iktar jippretendu li jkun sikur. Internet sikur jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet tagħna u l-kapaċità tagħna li nagħmlu l-kummerċ. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni koordinata - l-ispiża għan-nuqqas ta’ azzjoni, hija ħafna ogħla mill-ispiża ta’ azzjoni. "

Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni qalet:

"Biex iċ-ċiberspazju jibqà miftuħ u liberu, l-istess normi, prinċipji u valuri li l-UE tiddefendi lil hinn mill-internet, għandhom japplikaw fuq l-internet ukoll. Id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-liġijiet jeħtieġ li jiġu protetti fiċ-ċiberspazju. L-UE taħdem mal-imsieħba internazzjonali tagħha kif ukoll mas-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jippromwovu dawn id-drittijiet globalment."

Cecilia Malmström, il-Kummissjarju tal-UE għall-Affarijiet Interni qalet:

"L-istrateġija taċċenna l-azzjonijiet konkreti tagħna biex iċ-ċiberkriminalità tonqos drastikament. Ħafna pajjiżi tal-UE ma għandhomx l-għodod neċessarji biex jintraċċaw u jiġġieldu l-kriminalità organizzata fuq l-internet. L-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu unitajiet nazzjonali effettivi kontra ċ-ċiberkriminalità li jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien espert u l-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità EC3."

Sfond

L-inċidenti taċ-ċibersigurtà qed jiżdiedu fil-frekwenza u d-daqs, fejn qegħdin isiru aktar kumplessi u ma jafux fruntieri. Dawn l-inċidenti jistgħu jikkawżaw ħsara maġġuri fis-sikurezza u l-ekonomija. L-isforzi ta’ prevenzjoni, kooperazzjoni u aġir aktar trasparenti dwar l-inċidenti ċibernetiċi jeħtieġ li jitiebu.

L-isforzi preċedenti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri individwali kienu wisq frammentati biex jindirizzaw din l-isfida li qed tikber.

Fatti dwar iċ-ċibersigurtà llum

  • Huwa stmat li hemm madwar 150,000 virus tal-kompjuter fiċ-ċirkulazzjoni kuljum u 148,000 kompjuter jiġu affettwati kuljum.

  • Skont il-Forum Ekonomiku Dinji, huwa stmat li fl-għaxar snin li ġejjin se jkun hemm probabbiltà ta’ 10 % ta’ tkissir maġġuri tal-infrastruttura kritika tal-informazzjoni, li jistà jikkawża ħsarat ta' USD 250 biljun.

  • Iċ-ċiberkriminalità tikkawża ħafna mill-inċidenti taċ-ċibersigurtà, Symantec jistma li l-vittmi taċ-ċiberkriminalità fid-dinja kollha jitilfu madwar EUR 290 biljun kull sena, filwaqt li studju tal-McAfee jpoġġi l-profitti taċ-ċiberkriminalità għal EUR 750 biljun fis-sena.

  • L-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar iċ-ċibersigurtà tal-2012 sab li 38 % tal-utenti tal-internet fl-UE biddlu l-imġiba tagħhom minħabba dan it-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà: 18 % huma anqas probabbli li jixtru oġġetti minn fuq l-internet u 15 % huma inqas probabbli li jużaw s-servizzi bankarji minn fuq l-internet. Juri wkoll li 74 % ta’ dawk li wieġbu qablu li r-riskju li jisfaw vittmi żdied, 12 % diġà esperjenzaw frodi fuq l-internet u 89 % jevitaw li jiżvelaw l-informazzjoni personali tagħhom.

  • Skont il-konsultazzjoni pubblika dwar n-NIS, 56.8 % ta’ dawk li wieġbu, matul l-aħħar sena kienu esperjenzaw inċidenti tan-NIS, b’impatt serju fuq l-attivitajiet tagħhom.

  • Fil-frattemp, iċ-ċifri tal-Eurostat juru li, sa Jannar 2012, 26 % biss tal-intrapriżi fl-UE kellhom politika tas-sigurtà tal-ICT iddefinita formalment.

Ħoloq utli

MEMO/13/71 Mistoqsijiet Frekwenti

L-istrateġija taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju miftuħ u sikur.

Proposta għal Direttiva dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni fl-Unjoni

Għid tiegħek

Hash Tag: #ċibersigurtà

Neelie Kroes

Segwi lil Kummissarju Kroes fuq Twitter

Is-sit tal-internet tal-EEAS

EEAS fuq Twitter

Cecilia Malmström

Segwi lil Kummissarju Malmström fuq Twitter

Is-sit tal-internet tal-EC3 tal-Europol

Allejanza Globali kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website