Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2013

Trasport: Politika tal-infrastruttura ġdida tal-UE

Fl-aktar bidla radikali tal-politika tal-infrastruttura tal-UE mindu din twaqqfet fit-tmeninijiet, il-Kummissjoni llum ippubblikat mapep ġodda li juru d-disa' passaġġi ewlenin li se jagħmluha ta' sinsla għat-trasportazzjoni fis-Suq Uniku Ewropew u li se jirrivoluzzjonaw il-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent. Biex jintlaħaq dan il-livell ta’ ambizzjoni, il-finanzjament tal-UE għall-infrastruttura tat-trasport ser jittripla għall-perjodu 2014-2020 għal EUR 26 biljun.

Il-politika tal-infrastruttura tal-UE, meħuda kollha f'daqqa, se tittrasforma s-sistema frammentata eżistenti tat-toroq, il-ferroviji, l-ajruporti u l-kanali Ewropej f'netwerk magħqud Ewropew tat-trasport (TEN-T).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, li huwa responsabbli għat-trasport, qal: "It-trasport huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea. Mingħajr konnessjonijiet tajbin, l-Ewropa la tista' tikber u lanqas tistagħna. Din il-politika tal-infrastruttura ġdida tal-UE se tistabbilixxi netwerk ta’ trasport Ewropew b’saħħtu madwar 28 Stat Membru biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività. Din se tgħaqqad il-Lvant mal-Punent u se tibdel is-sistema frammentata tat-trasport li għandna llum il-ġurnata b’netwerk li jkun ġenwinament Ewropew."

Il-politika tal-infrastruttura l-ġdida tal-UE

Il-politika l-ġdida tistabbilixxi, għall-ewwel darba, netwerk ewlieni tat-trasport mibni fuq disa' passaġġi ewlenin: żewġ passaġġi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, tliet passaġġi bejn il-Lvant u l-Punent; u erba' passaġġi djagonali. In-netwerk ewlieni se jittrasforma l-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent, ineħħi l-konġestjonijiet, jaġġorna l-infrastruttura u jissemplifika l-operazzjonijiet tat-trasport transfruntiera għall-passiġġieri u għan-negozji madwar l-UE kollha. Se jtejjeb il-konnessjonijiet bejn il-mezzi differenti tat-trasport, filwaqt li jikkontribwixxi għall-miri tal-UE fir-rigward tat-tibdil fil-klima. In-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030. Id-disponibbiltà tal-finanzjament se tiddependi fuq il-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati dwar l-MFF 2014-2020 ġenerali.

Il-finanzjament tal-UE għall-infrastruttura tat-trasport se jittripla għall-perjodu 2014-2020 għal EUR 26 biljun. Dan il-finanzjament tal-UE se jiffoka strettament fuq in-netwerk ewlieni tat-trasport fejn hemm l-aktar valur miżjud tal-UE. Biex tingħata prijorità lill-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent, kważi nofs it-total tal-finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport tal-KE (EUR 11.3 biljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew CEF) se jitwarrab għall-pajjiżi ta’ koeżjoni biss.

In-netwerk ewlieni tat-trasport il-ġdid tat-TEN-T se jissejjes fuq netwerk komprensiv ta’ rotot reġjonali u nazzjonali, kollha mqabbdin man-netwerk ewlieni. In-netwerk komprensiv se jiżgura l-kopertura sħiħa tal-UE u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha. L-għan huwa li jiġi żgurat li, b’mod progressiv u sal-2050, il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej ikunu jinsabu inqas minn nofs siegħa ’l bogħod minn dan in-netwerk komprensiv.

Meta jitqies kollu kemm hu, in-netwerk il-ġdid tat-trasport se jwassal:

  1. għal ivvjaġġar iktar sikur u b’inqas konġestjoni tat-traffiku

  2. għal vjaġġi li jieħdu inqas ħin u li jsiru b’inqas intoppi.

Is-26 biljun (prezzijiet attwali) allokati għat-trasport skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) se jservu, effettivament, bħala "kapital tal-bidu" (seed capital) biex jixprunaw iktar investiment mill-Istati Membri, bil-għan li jitlestew il-konnessjonijiet transfruntiera diffiċli li għadhom, u li mingħajr dan il-finanzjament x'aktarx ma jsirux. Huwa stmat li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-ewwel fażi ta' finanzjament għan-netwerk ewlieni għall-perjodu 2014-2020 (ara l-lista ta' proġetti mehmuża) se jkunu ta' 250 biljun. In-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030.

In-netwerk ewlieni l-ġdid – iċ-ċifri

In-netwerk ewlieni se jgħaqqad:

  1. 94 port ewlieni Ewropew ma' konnessjonijiet bil-ferrovija u bit-triq

  2. 38 ajruport ewlieni ma' konnessjonijiet bil-ferrovija għall-ibliet ewlenin

  3. 15,000 km ta' ferroviji mtejba għall-veloċità għolja

  4. 35 proġett transfruntiera ewlieni biex titnaqqas il-konġestjoni

Dan kollu se jisqi l-ekonomija tas-suq uniku u se jippermetti tabilħaqq iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-passiġġieri u tal-merkanzija fl-UE.

Mappa tat-TEN-T ewlieni (Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport) u d-disa' passaġġi ewlenin hija mehmuża hawn taħt. Għal aktar tagħrif ara MEMO/13/897 jew http://ec.europa.eu/transport/index_en.htm

Aktar informazzjoni

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website