Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2013

Nisa fuq il-Bordijiet: Is-Sehem tan-Nisa jiżdied għal 16.6% hekk kif il-Kumitati tal-Parlament Ewropew jappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni

Il-Kumitati tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Legali (JURI) u għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) illum ivvutaw biex jappoġġjaw proposta mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jindirizzaw l-iżbilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji fl-Ewropa. B' dan il-vot, il-Parlament Ewropew (li jiddeċiedi mal-Kunsill tal-Ministri fuq l-istess livell dwar din il-proposta), iwitti t-triq għal aktar progress tal-abbozz ta' liġi fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Il-vot jikkoinċidi ma' rapport ġdid dwar in-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi ċifri dwar nisa fuq il-bordijiet fl-akbar kumpaniji elenkati pubblikament fl-UE L-aħħar figuri (minn April 2013) juru li s-sehem tan-nisa fil-bordijiet żdied għal 16.6 % (minn 15,8 % f’Ottubru 2012). Iċ-ċifri juru wkoll il-livelli differenti ta’ rappreżentanza fost diretturi mhux eżekuttivi (17.6 % nisa minn 16.7 % f’Ottubru 2012) u eżekuttivi għoljin (11 % minn 10.2 %).

"Il-pressjoni regolatorja twassal għar-riżultati. Fis-saqaf tal-ħġieġ bdew jidhru x-xquq. Aktar u aktar kumpaniji jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom biex jattiraw l-aħjar talent femminili. Huma jafu li jekk iridu jibqgħu kompetittivi f’ekonomija globalizzata ma jistgħux jippermettu lil infushom li jinjoraw il-ħiliet u t-talent tan-nisa, "qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “L-eżempju ġie stabbilit minn pajjiżi bħal Franza u l-Italja, li adottaw leġiżlazzjoni u beda jidher progress sinifikanti. Nixtieq ukoll nirringrazzja lir-relaturi Kratsa-Tsagaropoulou u Evelyn Regner għall-isforzi u l-appoġġ bla waqfien tagħhom dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Aħna nedejna dan il-kunċett. Jien se nkompli naħdem mal-Parlament u mal-Kunsill biex isir progress mgħaġġel dwar l-abbozz ta’ liġi li jitfa’ il-kwalifika u l-mertu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

Dawn huma l-punti ewlenin mir-rapport li llum ivvutaw dwaru l-Kumitati tal-JURI u tal-FEMM:

  1. Jikkonferma l-approċċ tal-Kummissjoni biex tiffoka fuq proċedura ta’ għażla ġusta u trasparenti (imsejħa il-kwota proċedurali) aktar milli l-introduzzjoni ta’ kwota kwantitattiva fissa

  2. Intrapriżi żgħar u medji jibqgħu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva iżda l-Istati Membri huma mistiedna biex jappoġġawhom u jinċentivawhom sabiex itejbu b’mod sinifikattiv il-bilanċ bejn is-sessi f'kull livell tal-amministrazzjoni u fuq il-bordijiet.

  3. Mhux ser ikun hemm l-ebda possibbiltà għall-Istati Membri biex jeżentaw il-kumpaniji mid-Direttiva fejn il-membri tas-sess l-inqas rappreżentat ikunu jammontaw għal anqas minn 10 % tal-forza tax-xogħol.

  4. Huwa jsaħħaħ id-dispożizzjoni dwar sanzjonijiet billi jżid għadd ta’ sanzjonijiet li għandhom ikunu obbligatorji, aktar milli indikattivi, kif ipproponiet il-Kummissjoni. Sanzjonijiet għal nuqqas ta’ rispett lejn id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw proċeduri ta’ għażla tal-membri tal-bord għandhom jinkludu l-esklużjoni mill-akkwist pubbliku u l-esklużjoni parzjali mill-għoti ta’ finanzjament mill-Fondi Strutturali Ewropej, jgħidu ż-żewġ Kumitati.

Il-Passi li Jmiss: Sabiex issir liġi, il-proposta tal-Kummissjoni issa trid tiġi adottata b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill (li jivvota b'maġġoranza kwalifikata). Il-vot deċiżiv tal-lum isegwi opinjonijiet pożittivi dwar l-inizjattiva minn tliet kumitati oħra tal-Parlament: Il-Kumitati dwar l-Impjiegi (EMPL), is-Suq Intern (IMCO) u l-Affarijiet Ekonomiċi (ECON) (MEMO/13/672). Il-kumitati tal-JURI u l-FEMM, li huma responsabbli b’mod konġunt sabiex jikkontrollaw il-proposta permezz tal-Parlament, issa adottaw ir-rapport tagħhom. Dan ser jgħaddi għand is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew għal vot mistenni f’Novembru.

Il-Kunsill, li dwar din il-proposta jiddeċiedi fuq l-istess livell mal-Parlament Ewropew, evalwa l-progress miksub taħt il-Presidenza Irlandiża fil-laqgħa tal-ministri tax-xogħol u l-affarijiet soċjali (Kunsill EPSCO) fl-20 ta' Ġunju 2013 (MEMO/13/584). Il-Presidenza Litwana qiegħda tkompli d-diskussjonijiet ulterjorment.

Rapport ġdid dwar in-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li ħareġ illum:

Fis-sitt xhur koperti mir-rapport tal-lum dwar in-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija (Ottubru 2012-April 2013), żieda fis-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji kienet irreġistrat f’ 20 Stat Membru. L-akbar żidiet seħħew fis-Slovakkja, l-Ungerija u l-Bulgarija. Is-sehem tan-nisa fil-bordijiet naqas fir-Rumanija, il-Litwanja, il-Polonja, Malta, il-Greċja, il-Portugall u r-Renju Unit (ara l-Anness 2).

L-aħħar figura ta’ 16.6 % madwar l-UE tirrappreżenta żieda ta' 0.9 punti perċentwali (pp) matul is-sitt xhur minn Ottubru 2012 jew ta’ rata annwali ekwivalenti ta’ 1.7 pp, ‘l isfel mir-rata ta’ 2.2 pp bejn l-2011 u l-2012.

Fil-fatt, mill-2010 l'hawn, meta l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) u qajmet għall-ewwel darba l-prospett ta’ inizjattivi mmirati biex jindirizzaw is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni, is-sehem tan-nisa fil-bordijiet żdied minn 4.8 pp b’rata medja ta’ 1.9 pp/sena, kważi erba’ darbiet ir-rata ta’ progress mill-2003 sal-2010 (0.5 pp/sena). Din l-aċċellerazzjoni (ara l-Anness 3) kompliet tiġi xprunata mill-proposta dwar in-nisa fuq il-bordijiet, adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Novembru 2012 (IP/12/1205uMEMO/12/860), li fasslet mira ta’ 40 % għal nisa fuq il-bordijiet abbażi tal-kwalifikazzjoni. XI żviluppi reċenti jirriflettu wkoll l-impatt ta’ diskussjonijiet mal-UE kollha dwar il-ħtieġa għal intervent immirat biex jitkabbar in-numru ta’ nisa fuq il-bordijiet.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-aktar żviluppi sinifikanti mill-2010, fil-biċċa l-kbira, seħħew f’pajjiżi fejn diġà ġiet adottata leġiżlazzjoni vinkolanti, bħal Franza (+ 14.4 pp biex intlaħaq is-26.8 %), il-Pajjiżi l-Baxxi (+ 8.7 pp biex intlaħaq it-23.6 %) u l-Italja (+ 8.4 pp biex intlaħaq it-12.9 %). Dan jenfasizza wkoll l-importanza tal-pressjoni regolatorja biex jinkisbu r-riżultati.

Ir-rapport tal-lum jippreżenta wkoll ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali u t-tendenzi għar-rappreżentanza tan-nisa u l-irġiel fil-politika, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura (ara MEMO/13/882). Għalkemm ir-rappreżentanza tan-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni f’dawn l-oqsma hija iktar ibbilanċjata minn f’setturi tan-negozju u tal-finanzi, għad hemm opportunitajiet sostanzjali għal progress f’għadd ta’ Stati Membri.

Iċ-ċifri ta’ nofs it-terminu li ħarġu llum inġabru f’April 2013 u qed jitqabblu mal-ġabra tad-dejta minn Ottubru 2012. Id-dejta sħiħa hija aċċessibbli onlajn.

Reviżjoni ta' nofs it-terminu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Kummissjoni rrilaxxat ukoll reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija usa’ tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi S (2010-2015) li stabbilixxiet 24 azzjoni ewlenija taħt ħames intestaturi: l-indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel; il-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali; l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; id-dinjità, l-integrità u t-tmiem tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi; kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi lil hinn mill-UE (ara MEMO/13/882).

Ir-rapport sab li, f’nofs triq tal-perjodu kopert mill-istrateġija, il-Kummissjoni qed twettaq l-impenji tagħha. Hija ħadet passi fil-maġġoranza taż-żoni koperti, b’mod partikolari fit-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-promozzjoni ta’ pagi indaqs u tal-promozzjoni tal-ugwaljanza fi ħdan l-istrateġija ekonomika ġenerali tal-UE.

Sfond

Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva li tistabbilixxi objettiv minimu ta’ 40% tas-sess l-inqas rappreżentat fil-postijiet ta’ membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet f’kumpaniji elenkati fl-Ewropa sal-2020, jew sal-2018 għall-impriżi pubbliċi elenkati (ara IP/12/1205 and MEMO/12/860).

L-elementi ewlenin tal-abbozz tal-liġi:

  1. Jekk kumpanija elenkata pubblikament fl-Ewropa ma jkollhiex 40% ta’ nisa fost il-membri mhux eżekuttivi fuq il-bord tagħha, il-liġi titlobha li tintroduċi proċedura ta’ għażla ġdida għall-membri tal-bord li tagħti prijorità lill-kandidati nisa kkwalifikati.

  2. Il-liġi tagħmel enfasi b’mod qawwi fuq il-kwalifiki. L-ebda persuna mhi se tikseb impjieg fuq il-bord biss għaliex tkun mara. Iżda lanqas mhu se jiġri li xi mara titlef l-opportunità ta’ impjieg minħabba s-sess tagħha.

  3. Il-liġi tapplika biss għall-bordijiet superviżorji jew għad-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati pubblikament, minħabba l-importanza ekonomika u l-viżibbiltà għolja tagħhom. L-impriżi ta’ daqs żgħir u medju huma esklużi.

  4. L-Istati Membri individwali tal-UE se jkunu meħtieġa li jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa u dissważivi għall-kumpaniji li jiksru d-Direttiva.

  5. Il-liġi hija miżura temporanja. Din tiskadi awtomatikament fl-2028.

  6. Il-liġi tinkludi wkoll, bħala miżura komplementari, “kwota flexi”: obbligu għall-kumpaniji elenkati fil-Borża li jistabbilixxu miri individwali, awtoregolatorji għalihom rigward ir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jinkisbu sal-2020 (jew l-2018 fil-każ ta’ impriżi pubbliċi). Il-kumpaniji se jkollhom jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar.

Għal aktar tagħrif:

“In-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fl-Unjoni Ewropea, 2013, reviżjoni tas-sitwazzjoni u l-progress riċenti”:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/index_en.htm

Il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm Noti:

Il-pakkett għall-ġurnalisti – Nisa fil-bordijiet:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/news/121114_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter

@VivianeRedingEU

Contacts :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness 1 - Rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet ta' kumpaniji kbar elenkati pubblikament, April 2013

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi ta' dejta fuq in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

Anness 2 — Bidla fis-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet skont il-pajjiż, Ottubru 2012 — April 2013

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi ta' dejta fuq in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

Anness 3 - Is-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet ta' kumpaniji kbar elenkati pubblikament, UE-27, 2010-2013: Progress Kontinwu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site