Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-titjib tal-protezzjoni transfruntiera tal-konsumaturi: Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkun taf il-fehmiet tiegħek

Commission Européenne - IP/13/936   11/10/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Ottubru 2013

It-titjib tal-protezzjoni transfruntiera tal-konsumaturi: Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkun taf il-fehmiet tiegħek

Il-500 miljun ċittadin tal-Ewropa għandhom jieħdu l-istess benefiċċji mid-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi meta jixtru f'pajjiżhom, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jew onlajn fl-Ewropa. Illum il-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjoni mal-konsumaturi, mal-organizzazzjonijiet li jħarsu lill-konsumaturi u man-negozji biex tara kif tista' ssaħħaħ il-protezzjoni transfruntiera tal-konsumaturi bl-aħjar mod.

Neven Mimica, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Konsumatur qal, "Waħda mill-prijoritajiet tiegħi hi li ntejjeb l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-konsumatur. Illum l-Ewropa kollha hi t-triq il-kbira ta' kulħadd. Nixtieq nisma' mingħand il-konsumaturi, is-sidien tal-ħwienet, in-negozji, dwar kif nistgħu nsaħħu l-protezzjoni, l-aktar bejn il-fruntieri, mingħajr ma tiżdied il-burokrazija."

L-analiżi se tgħin f'ħidmet il-Kummissjoni, li għaddejja bħalissa u li mhix se tintemm, biex jitjieb in-network pan-Ewropew tal-korpi għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur. Dan in-netwerk jaqdi rwol vitali biex ikun żgurat li n-nies fl-UE jgawdu drittijiet indaqs irrispettivament minn fejn jew mingħand min isir ix-xiri. Il-konsultazzjoni tibqa' miftuħa sal-31 ta' Jannar 2014 u tista' tinstab fuq l-internet.

Il-mistoqsijiet speċifiċi fil-konsultazzjoni pubblika

Il-konsultazzjoni tistieden reazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal:

  • X'mezzi ta' investigazzjoni u intervent għandhom bżonn l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali biex jikkooperaw aħjar meta jindirizzaw ksur tal-liġijiet tal-konsumaturi li jikkonċernaw bosta pajjiżi?

  • X'sanzjonijiet hemm bżonn li jgerrxu aktar il-prattiċi tal-ksur?

  • Kif jistgħu l-awtoritajiet tal-infurzar jaġixxu b'aktar effiċjenza u jipprovdu rispons aktar b’saħħtu ta' infurzar biex jiġġieldu l-prattiċi ħżiena li jseħħu ħafna fl-UE jew li jagħmilhom l-istess kummerċjant li jopera f'għadd ta' Stati Membri?

Minħabba l-limitazzjonijiet attwali fil-finanzjament pubbliku, kwistjoni ewlenija f'din il-konsultazzjoni hi jekk – u kif – approċċ possibbli fil-livell tal-UE li jkun aktar koordinat jistax jgħin biex jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert u jinkisbu risposti konġunti ta’ infurzar effettiv għall-ġlieda kontra prattiċi tal-ksur li jagħmlu ħsara lill-konsumaturi u lin-negozji fl-UE. Fuq livell prattiku, l-analiżi għandha tgħin biex jiġu żviluppati indikaturi aħjar, jiġu identifikati opportunitajiet għall-qsim tad-dejta u jinħolqu metodoloġiji aħjar għall-infurzar.

Il-kuntest

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC)1 jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Dan in-netwerk jindirizza l-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE. Eżempju konkret hu kummerċjant li jbigħ mill-bogħod minn pajjiż li javviċina lil klijenti f'pajjiżi oħra bi prattiċi kummerċjali aggressivi u illegali. Peress li r-Regolament tas-CPC daħal fis-seħħ, fl-2007, awtorità nazzjonali fil-pajjiż tal-UE fejn jintlaqtu l-interessi tal-konsumatur tista' ssejjaħ lill-kontroparti tagħha fl-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant u titlob għal azzjoni biex jieqaf il-ksur. L-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu wkoll iwissu lil xulxin bi prattiċi ħżiena li jkunu sabu u li jistgħu jinfirxu lejn pajjiżi oħra.

Kulma jmur, l-operaturi li jikkompetu fl-istess settur qed jadottaw tekniki simili ta' kummerċjalizzazzjoni, u għalhekk il-prattiċi ħżiena assoċjati qed jinfirxu sew mal-UE. Barra minn hekk, b’kanali ġodda tal-bejgħ li qed jiżviluppaw online jew fuq il-mowbajl, il-prattiċi ħażina potenzjali jaf ukoll jinfirxu aktar malajr u jolqtu għadd kbir ta' konsumaturi fl-UE (aktar minn 50% tal-konsumaturi jgħidu li huma probabbli li jiltaqgħu ma' prattiċi kummerċjali illegali fuq l-internet2).

Għal iżjed informazzjoni:

http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/dgs_consultations/ca_current_consultations_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Mimica:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/mimica/index_en.htm

Segwina fuq Twitter:
@MimicaEU, @EU_Consumer

Kuntatti:

David Hudson (+32 2 296 83 35)

Madalina Chiriac (+32 2 297 44 13)

1 :

Ir-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site