Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2013

L-Enerġija: Il-Kummissjoni tiżvela lista ta’ 250 proġett tal-infrastruttura li jistgħu jikkwalifikaw għal EUR 5,85 biljun ta’ finanzjament

Infrastruttura moderna b'interkonnetturi adegwati u netwerks affidabbli hija kruċjali għal suq tal-enerġija integrat fejn il-konsumaturi jirċievu l-aħjar valur għal flushom. Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat lista ta’ madwar 250 proġett importanti tal-infrastruttura tal-enerġija. Dawn il-"proġetti ta' interess komuni" (PCI) se jibbenefikaw minn proċeduri ta' liċenzjar aċċellerat u kundizzjonijiet regolatorji mtejba u jistgħu jkollhom aċċess għal appoġġ finanzjarju mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li taħtha ġie allokat baġit ta' EUR 5.85 biljun għal infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea għall-perjodu 2014-20. Dan se jgħin biex jiġu implimentati aktar bil-ħeffa u jagħmilhom aktar attraenti għall-investituri. La darba jitlestew, il-proġetti se jgħinu lill-Istati Membri jintegraw is-swieq tal-enerġija tagħhom, jippermettulhom jiddeversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħhom u jgħinu sabiex itemmu l-isolament enerġetiku ta' ċertu Stati Membri. Se jippermettu wkoll lill-grilja li tadotta ammonti dejjem jiżdiedu ta' enerġija rinnovabbli, u konsegwentement jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet tad-CO2.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "Irridu niżguraw li l-fondi limitati tagħna jintużaw b'mod għaqli u li l-flus tal-UE jmorru fejn jistgħu joħolqu l-aktar benefiċċji għall-konsumaturi Ewropej. Permezz ta' din il-lista ta' proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija u l-benefiċċji li jakkumpanjawhom, aħna qed nittamaw ukoll li nattiraw aktar investituri."

Il-lista tinkludi sa 140 proġett fil-qasam tat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, madwar 100 proġett fil-qasam tat-trażmissjoni tal-gass u l-ħżin tal-gass u l-gass naturali likwifikat, u diversi proġetti taż-żejt u tal-grilja intelliġenti. Dawn il-proġetti se jibbenefikaw minn għadd ta' vantaġġi:

  • ippjanar aċċellerat u proċeduri għall-għoti tal-permessi (limitu taż-żmien vinkolanti ta' tliet snin u nofs);

  • awtorità kompetenti nazzjonali unika se taġixxi bħala punt uniku ta' servizz għall-proċeduri tal-għoti tal-permessi;

  • anqas spejjeż amministrattivi għall-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet minħabba proċedura ta' valutazzjoni ambjentali razzjonalizzata; filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni.

  • aktar trasparenza u titjib fil-parteċipazzjoni pubblika;

  • aktar viżibilità u attrazzjoni għall-investituri għal qafas regolatorju msaħħaħ fejn l-ispejjeż jiġu allokati għall-pajjiżi li l-aktar jibbenefikaw minn proġett lest;

  • possibbiltà li jirċievu appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Dan se jkollu rwol importanti fl-ingranaġġ tal-finanzjament privat u pubbliku neċessarju, u l-finanzjament possibbli jista' jasal minn kmieni 2014.

Sabiex proġett jiġi inkluż fil-lista, kien ikun jeħtieġ benefiċċji sinifikanti għal mill-anqas żewġ Stati Membri; jikkontribwixxi għall integrazzjoni tas-suq u aktar kompetizzjoni; isaħħaħ is-sikurezza tal-provvista, u jnaqqas l-emissjonijiet tad-CO2.

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni u l-miżuri għall-għoti tal-permessi u l-bini tal-proġetti. Fl-aħħar nett, il-lista ta' PCIs se tiġi aġġornata kull sentejn bil-għan li tintegra proġetti li għadhom kemm ġew meħtieġa u oħrajn li ma għadhomx jintużaw.

Sfond

Il-bżonn kbir ta' investiment fl-infrastruttura enerġetika kien wieħed mir-raġunijiet li għalih ġie propost ir-Regolament dwar il-Linji gwida għall-infrastruttura enerġetika trans-Ewropea (Linji gwida TEN-E) fl-2011. Il-Linji gwida TEN-E jipprovdu qafas strateġiku għall-viżjoni ta' infrastruttura tal-enerġija fit-tul tal-Unjoni Ewropea u jintroduċu l-kunċett ta' Proġetti ta' Interess Komuni. Huma jidentifikaw disa' kurituri ta' prijorità tal-infrastruttura strateġiċi fl-oqsma tal-elettriku, il-gass u ż-żejt, u tliet oqsma ta' prijorità tal-infrastruttura mal-UE kollha għall-awtostradi tal-elettriku, il-grilji intelliġenti u n-netwerks tat-trasportazzjoni tad-diossidu tal-karbonju.

L-adozzjoni tal-lista finali mill-Kummissjoni hija riżultat ta' proċess ta' identifikazzjoni u evalwazzjoni ddettaljat. Tnax-il grupp ta' ħidma reġjonali ad-hoc, li kull wieħed minnhom ikopri qasam jew kuritur ta' prijorità strateġiku, ivvalutaw il-proġetti proposti, u stabbilixxew lista reġjonali ta' PCIs sa Lulju 2013. Huma kkonsultaw ukoll lill-pubbliku u l-partijiet interessati, inkluż l-NGOs ambjentali, dwar l-ostakli ewlenin tal-infrastruttura u dwar l-abbozz tal-lista ta' PCIs potenzjali. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni għall-elettriku u l-gass (ENTSO-E u ENTSO-G), l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni nazzjonali u l-promoturi tal-proġetti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) kollha pparteċipaw – bħala membri tal-Gruppi Reġjonali – bi tħejjija għal-lista finali.

Aktar informazzjoni

Lista sħiħa ta' proġetti ta' interess komuni bil-pajjiż:

http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/pci/doc/2013_pci_projects_country.pdf

Memo dwar proġetti ta' interess komuni MEMO/13/880

Kuntatti :

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website