Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Ottubru 2013

It-tkabbir tal-UE: prijoritajiet għall-2014

F’sett ta’ rapporti annwali adottati llum, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-Albanija tingħata status ta’ kandidat tal-UE u, għall-ħames darba konsekuttiva, li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-progress li sar f'din l-aħħar sena lejn l-adeżjoni mal-UE fi bnadi oħra tal-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Minħabba d-deċiżjoni tal-gvern Islandiż li jissospendi n-negozjati dwar l-adeżjoni, rapport simplifikat dwar l-Islanda jagħti rendikont tal-qagħda attwali tal-allinjament tagħha mal-UE.

Meta kien qed jippreżenta l-Pakkett annwali tat-Tkabbir, il-Kummissarju Štefan Füle qal: "It-tkabbir huwa proċess li għadu għaddej u minkejja l-kriżi ekonomika huwa politika tajba - dan jikkostitwixxi parti mis-soluzzjoni. It-tkabbir għadu wieħed mill-aktar politiki effettivi tal-UE. Billi jindirizza l-ewwel ‘il-prinċipji fundamentali’ - bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, governanza ekonomika soda, il-libertà tal-espressjoni u l-midja, id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoranzi - isaħħaħ l-istabilità politika u ekonomika fil-pajjiżi aspiranti u l-UE kollha kemm hi.”

L-istrateġija tat-tkabbir adottata llum tikkonferma r-rilevanza kontinwa tal-prinċipji fundamentali tal-kriterji ta' sħubija ta’ Kopenħagen miftiehma mill-UE 20 sena ilu. Dawn jinkludu l-istat tad-dritt, li jibqa’ ankrat b’mod sod fil-qalba tal-proċess ta’ tkabbir. Jeħtieġ li l-pajjiżi kkonċernati jittrattaw kwistjonijiet bħal perżempju r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni kmieni fin-negozjati ta’ adeżjoni, biex juru rekord b'saħħtu ta’ riżultati sostenibbli.

Il-kriżi ekonomika globali enfasizzat il-ħtieġa għall-pajjiżi kollha biex isaħħu l-governanza ekonomika tagħhom u jtejbu l-kompetittività. Il-Kummissjoni fasslet għadd ta’ proposti biex tappoġġa dan l-għan, inkluża l-introduzzjoni ta’ strateġiji ta’ riforma ekonomika nazzjonali u pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġestjoni finanzjarja pubblika.

L-avvenimenti reċenti f’għadd ta’ pajjiżi tat-tkabbir enfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u li l-proċessi demokratiċi jsiru aktar inklużivi. Il-pajjiżi kollha fil-Balkani tal-Punent kif ukoll it-Turkija jridu jwettqu aktar riformi biex jiżguraw li l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi, inklużi r-Roma jiġu osservati fil-prattika. Huma meħtieġa miżuri aktar b'saħħithom biex jiġu mħarsa gruppi vulnerabbli oħra mid-diskriminazzjoni, b’mod partikolari fuq bażi ta’ orjentament sesswali. Il-Kummissjoni se żżid il-prijorità marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet fil-proċess ta’ adeżjoni, inkluż permezz ta’ finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni mmirat aħjar u żieda fl-assistenza biex tiġi appoġġata l-inklużjoni tar-Roma permezz ta’ “faċilità” tar-Roma.

Għal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara l-Memos:

Il-Montenegro: MEMO/13/893

Is-Serbja: MEMO/13/894

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: MEMO/13/890

L-Albanija: MEMO/13/888

Il-Bosnja-Ħerzegovina: MEMO/13/889

Il-Kosovo*: MEMO/13/892

It-Turkija: MEMO/13/895

L-Islanda: MEMO/13/891

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

Kuntest

TABELLA TAL-PAJJIŻI

IL-MONTENEGRO: pajjiż kandidat - applika fl-2008. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu f’Ġunju 2012. Żewġ kapitoli tan-negozjati nfetħu u ingħalqu b’mod proviżorju. Il-laqgħat ta' ‘analiżi’ tlestew. F’Ġunju, il-Montenegro adotta pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-kapitoli tan-negozjati 23 (il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali) u 24 (il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà). Wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, l-UE talbet lill-Montenegro f’Settembru biex jippreżenta l-pożizzjonijiet tan-negozjar tiegħu fuq dawn il-kapitoli. Il-Montenegro ppreżenta il-pożizzjonijiet ta' negozjar tiegħu fil-bidu ta' Ottubru.

IS-SERBJA: pajjiż kandidat - applika fl-2009, kiseb l-istatus ta’ pajjiż kandidat f'Marzu 2012. Id-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Belgrad u Pristina tnieda f’Marzu 2011. L-ewwel ftehim ta’ prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet intlaħaq mal-Kosovo f’April 2013. Il-momentum tar-riformi ingħata spinta wkoll fis-Serbja. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda f’Ġunju 2013 li jiftaħ in-negozjati dwar l-adeżjoni. L-ewwel Konferenza Intergovernattiva dwar in-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja se ssir sal-aktar tard f’Jannar 2014, wara li l-Kunsill jadotta l-qafas tan-negozjar, li kien propost mill-Kummissjoni f’Lulju 2013. Sadanittant, l-‘analiżi’ bdiet f’Settembru 2013. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru.

DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA: pajjiż kandidat - applika fl-2004. Il-pajjiż qed ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Il-kriżi politika minn tard is-sena li għaddiet turi l-ħtieġa għal politiki aktar inklużivi u kostruttivi. Id-Djalogu dwar l-Adeżjoni ta’ Livell Għoli wassal għal konċentrazzjoni aktar preċiża dwar, u t-twassil ta’, riformi relatati mal-UE. Trid tingħata attenzjoni akbar fuq l-implimentazzjoni effettiva, filwaqt li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u jitjiebu l-indipendenza u l-kompetenza tal-qrati. Il-Kummissjoni rrakkomandat għal ħames snin konsekuttivi li jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni. Il-Kunsill għadu ma ħax deċiżjoni dwar dan. Il-Kummissjoni temmen li deċiżjoni li jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni se tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-isem u għat-titjib ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat.

L-ALBANIJA: kandidat potenzjali - applika fl-2009. L-elezzjonijiet parlamentari f’Ġunju saru kollox ma' kollox b’mod ordnat. L-Albanija adottat għadd ta’ strumenti legali importanti, inklużi rekwiżiti ewlenin għall-għoti ta’ status ta’ pajjiż kandidat, u kompliet taħdem fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni [tirrakkomanda li jingħata l-istatus ta’ kandidat bil-fehim li l-Albanija tkompli tieħu azzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni]. Qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni l-Albanija se jkollha bżonn tintensifika r-riformi f’oqsma prijoritarji ewlenin, l-aktar rigward l-istat tad-dritt.

IL-BOSNJA U ĦERZEGOVINA: kandidat potenzjali - għandu perspettiva Ewropea bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent. It-tnedija tad-djalogu ta’ livell għoli mal-Bosnja u Ħerzegovina s-sena l-oħra kienet pożittiva iżda r-riżultati li nkisbu sa issa mill-mexxeja tal-Bosnja u Ħerzegovina għadhom inqas milli kien mistenni. Ir-relazzjonijiet mal-UE huma weqfin, u jinħtieġu sforzi sostanzjali biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li jippermettu d-dħul fis-seħħ ta’ FSA u għal applikazzjoni kredibbli ta’ sħubija.

IL-KOSOVO: kandidat potenzjali - għandu perspettiva Ewropea bħall-bqija tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Id-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Pristina u Belgrad tnieda f’Marzu 2011. L-ewwel ftehim ta’ prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet intlaħaq mas-Serbja f’April 2013. F’Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo. In-negozjati se jibdew dalwaqt.

IT-TURKIJA: pajjiż kandidat - applika fl-1987. In-negozjati għall-adeżjoni bdew f'Ottubru 2005; 13-il kapitolu huma miftuħa li minnhom wieħed ingħalaq b'mod proviżorju. F’Ġunju 2013 il-Kunsill qabel li jiftaħ il-kapitolu ta’ negozjar 22 dwar il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali, filwaqt li l-pożizzjoni komuni tkun soġġetta għal konferma mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali wara l-preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li UE żżid l-impenn tagħha mat-Turkija, sabiex tibqa’ l-punt ta' riferiment għar-riformi fil-pajjiż.

L-ISLANDA: pajjiż kandidat - applika għas-sħubija fl-2009. In-negozjati dwar l-adeżjoni bdew f’Ġunju 2010 u ġew sospiżi mill-Islanda f’Mejju 2013, b’ 27 kapitolu miftuħa li minnhom 11 ingħalqu b'mod proviżorju. Minħabba li l-Islanda hija membru taż-ŻEE u taż-żona ta' Schengen, parti kbira mil-leġiżlazzjoni tagħha hija diġà allinjata ma' dik tal-UE.

Aktar informazzjoni

Id-dokumenti jistgħu jinstabu hawnhekk:

http://ec.europa.eu/enlargement/countries/strategy-and-progress-report/index_en.htm

Kuntatti:

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website