Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Ottubru 2013

Proposta tal-Kummissjoni biex jiġi ggarantit li d-drittijiet taċ-ċittadini ta' aċċess għal avukat isiru liġi

Illum, wara approvazzjoni mill-Kunsill tal-Ministri, ġiet adottata formalment proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ggarantit id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jkollhom konsulenza minn avukat meta jaffaċċjaw proċedimenti kriminali. Dan isegwi vot li ttieħed fl-10 ta' Settembru fil-Parlament Ewropew biex jawtorizza d-Direttiva(MEMO/13/772). Fil-prattika, dan ifisser li s-suspettati kollha – irrelevanti fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea – fil-ġejjieni se jiġu garantiti d-dritt li jkollhom konsulenza minn avukat mill-istadji bikrin tal-proċedimenti sal-konklużjoni tagħhom. Meta persuna suspettata tiġi arrestata, ir-regoli l-ġodda jiżguraw li din ikollha l-opportunità li tikkomunika mal-familja tagħha. Jekk iċ-ċittadini jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, dawn jkollhom id-dritt li jikkuntattjaw il-konsolat ta' pajjiżhom.

"Din il-liġi hija rebħa għall-ġustizzja u rebħa għad-drittijiet taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea," qalet il-Viċi Presdient Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Din hija t-tielet proposta mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ggarantit dritt ta' proċess ġust għan-nies madwar l-UE kollha, sew jekk ikunu ġewwa jew barra pajjiżhom. Aħna qed nonoraw il-wegħdiet tagħna biex insaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha. U b'"aħna", jiena nfisser il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Ministri nazzjonali. B'mod partikolari nixtieq nirringrazja r-Relatur is-Sinjura Oana Antonescu u l-Ministru Alan Shatter għall-impenn u għall-ħidma rapida tagħhom fuq din il-proposta importanti. Il-ballun issa qiegħed f'idejn il-qorti tal-Istati Membri biex ma jitilfux ħin imma jimplimentaw din il-liġi fis-sistemi nazzjonali tagħhom illum qabel għada, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna."

Wara l-adozzjoni tal-lum, il-liġi se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fi ftit ġimgħat, u wara dan l-Istati Membri se jkollhom tliet snin biex jimplimentawha fil-liġi nazzjonali. Ladarba tkun fis-seħħ, il-liġi l-ġdida tapplika għal madwar 8 miljun proċediment kriminali kull sena madwar it-28 Stat Membru tal-UE.

Kuntest

Id-dritt ta' aċċess għal avukat (IP/11/689) huwa t-tielet Direttiva f'sensiela ta' proposti – fejn kollha kemm huma issa ġew adottati – biex jiġu ggarantiti drittijiet minimi għal proċess ġust madwar l-Unjoni Ewropea kollha. L-oħrajn huma d-dritt ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni adottat fl-2010 (ara IP/10/1305) u d-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ara IP/12/575). Il-Kummissjoni hija deċiża li tkompli fuq dan il-pjan direzzjonali b'sett ieħor ta' drittijiet għal proċess ġust għaċ-ċittadini mistenni f'din il-ħarifa.

Id-drittijiet dwar l-aċċess għal avukat huma essenzjali biex tinbena l-fiduċja fiż-żona unika tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod speċjali meta l-persuni suspettati jiġu arrestati minħabba Mandat ta' Arrest Ewropew (IP/11/454). Il-Kummissjoni qed taħdem biex tikseb standards minimi komuni għad-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali, biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati huma maħrsa biżżejjed madwar l-UE.

Iseħħu aktar minn 8 miljun proċediment kriminali fl-Unjoni Ewropea kull sena. Id-dritt ta' difiża għal kull min ikun suspettat li wettaq reat huwa ġeneralment rikonoxxut bħala element bażiku ta' proċess ġust. Iżda l-kundizzjonijiet biex il-persuni suspettati jkunu jistgħu jikkonsultaw avukat ivarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. Pereżempju, persuna suspettata li wettqet reat kriminali ma jkunx jista' jkollha avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija. Jista' jkun li l-kunfidenzjalità tal-kuntatti tagħhom mal-avukat tagħhom ma tiġix rispettata. U l-persuni li jkunu suġġetti għal Mandat ta' Arrest Ewropew bħalissa jista' ma jibbenefikawx minn avukat fil-pajjiż fejn ikun inħareġ il-mandat sakemm ma jkunux ġew ikkonsenjati lil dak il-pajjiż.

Hemm differenzi simili rigward id-dritt tal-persuni suspettati li jinfurmaw lil qarib, min iħaddimhom u l-konsolat tagħhom li jkunu ġew arrestati. Jista' jiġri li l-individwi ma jiġux offruti dan id-dritt b'mod sistematiku, jistgħu biss jingħataw dan id-dritt fi stadju li jkun tard fil-proċess jew jistgħu ma jiġux infurmati ladarba l-familja tagħhom tkun ġiet ikkuntattjata.

Id-Direttiva tiggarantixxi dawn id-drittijiet fil-prattika, billi:

  • tipprovdi d-dritt għal aċċess ta' avukat mill-ewwel stadju tal-interrogazzjoni mill-pulizija u matul il-proċedimenti kriminali;

  • tippermetti li l-persuna suspettata jkollha laqgħat adegwati u kunfidenzjali mal-avukat sabiex tkun tista' tuża d-drittijiet tagħha għal difiża b'mod effettiv;

  • tippermetti lill-avukat li jkollu rwol importanti matul l-interogazzjoni;

  • tiżgura li, fil-każ li suspettat jiġi arrestat, xi ħadd, pereżempju membru tal-familja, jista' jiġi infurmat dwar dan l-arrest u li jkun hemm l-opportunità għas-suspettat li jikkomunika mal-familja tiegħu;

  • jippermetti lis-suspettati barra mill-pajjiż biex jagħmlu kuntatt mal-konsolat ta' pajjiżhom u jirċievu żjarat;

  • toffri lill-persuna soġġetta ta' Mandat ta' Arrest Ewropew il-possibbiltà ta' parir legali kemm fil-pajjiż fejn iseħħ l-arrest u f'dak fejn inħareġ il-mandat.

Id-dritt għal smigħ ġust u d-dritt għad-difiża huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali; u jinstabu wkoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Id-dritt għal komunikazzjoni ma' terza persuna huwa wieħed mis-salvagwardji importanti kontra t-trattament ħażin ipprojbit permezz tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

Aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – drittijiet għal proċess ġust

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-rights/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website