Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Studju tal-UE juri li jekk iktar nisa jersqu lejn is-settur diġitali tal-UE, il-PDG jingħata spinta ta' € 9 biljun fis-sena

European Commission - IP/13/905   03/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Ottubru 2013

L-Aġenda Diġitali: Studju tal-UE juri li jekk iktar nisa jersqu lejn is-settur diġitali tal-UE, il-PDG jingħata spinta ta' € 9 biljun fis-sena

Jekk iktar bniet jiġu mħajra jaqbdu karriera diġitali u iktar nisa jsibu xogħlijiet diġitali, dan ikun ta' benefiċċju għall-industrija diġitali, għan-nisa nfushom u għall-ekonomija tal-Ewropa. Din hija s-sejba ewlenija tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat illum, dwar nisa attivi fis-settur tal-ICT.

Skont l-istudju, bħalissa hemm ftit wisq nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT:

  1. Għal kull elf mara bil-lawrija jew xi grad akkademiku ieħor primarju, 29 biss għandhom lawrija fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) (meta mqabbla mal-ammont tal-irġiel ta' 95), u 4 biss minn kull elf mara eventwalment jibdew jaħdmu fis-settur tal-ICT.

  2. In-nisa jitilqu s-settur f'nofs il-karriera iktar mill-irġiel u mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet maniġerjali u ta' teħid ta' deċiżjonijiet (saħansitra iktar minn setturi oħra).

  3. 19.2 % biss tal-ħaddiema fis-settur tal-ICT għandhom imgħallmin nisa, meta mqabbel mal-45.2 % tal-ħaddiema f'oqmsa oħra.

Iżda skont l-istudju, jekk it-tendenza tinqaleb u n-nisa jibda jkollhom xogħlijiet diġitali daqs l-irġiel, il-PDG Ewropew jista' jingħata spinta ta' madwar € 9 biljun fis-sena (1.3 darbiet daqs il-PDG ta' Malta). Dan iseħħ peress li l-organizzazzjonijiet li jimpjegaw iktar nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali jiksbu Redditi Azzjonarji ta' aktar minn 35 % u l-azzjonisti tagħhom ikollhom qligħ totali ta' aktar minn 34 % meta dawn jiġu mqabbla ma' organizzazzjonijiet oħra.

L-istudju jissuġġerixxi wkoll li n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT jaqilgħu kważi 9 % iktar min-nisa li jaħdmu f'oqmsa oħra tal-ekonomija, għandhom ukoll flessibbiltà ikbar biex jirranġaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom u għandhom inqas ċans li jiġu qiegħda (sal-2015, se jkun hemm 900,000 post mhux meħud fis-settur tal-ICT fl-UE).

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Nafu, mingħajr ebda dubju, li iktar nisa f'negozju jfisser negozju iktar b'saħħtu. Wasal iż-żmien li s-settur tal-IT jinduna b'dan il-fatt u jħalli lin-nisa jgħinu lis-settur u li l-ekonomija Ewropea tgwadi mill-potenzjal enormi tagħhom".

L-istudju jissuġġerixxi wkoll erba' oqsma ta' prijorità fejn għandha tittieħed azzjoni

  1. - Il-bini ta' immaġni mġedda tas-settur fost in-nisa u s-soċjetà, b'azzjonijiet bħat-tixrid tal-aktar suġġetti interessanti tal-ICT għan-nisa żgħażagħ (eċċitanti, differenti, jħalli l-qligħ, eċċ.);

  2. L-għoti ta' setgħa lin-nisa fis-settur, pereżempju permezz ta' promozzjoni, flimkien mal-industrija, ta' kurrikuli edukattivi Ewropej armonizzati biex jitnisslu mgħodijiet ċari u sempliċi li jwasslu għal karrieri fl-ICT;

  3. Iż-żieda fl-għadd ta' nisa imprendituri fl-industrija tal-ICT, pereżempju permezz ta' titijib fl-aċċess għal programmi ta' kapital inizjali u kapital ta' riskju għan-nisa imprendituri;

  4. Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur, pereżempju billi tiġi enfasizzata l-prestazzjoni mtejba ta' negozji li jħaddmu n-nisa.

Sfond

Uħud mis-sejbiet ewlenin tal-istudju kienu:

  1. Il-fatt li n-nisa jħallu s-settur kmieni wisq: filwaqt li 20 % tan-nisa li jkollhom 30 sena b'lawriji relatati mal-ICT jaħdmu f'dan is-settur, huma biss 9 % tan-nisa li għandhom iktar minn 45 sena li jagħmlu dan;

  2. Il-fatt li n-nisa li mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet maniġerjali u ta' teħid ta' deċiżjonijiet: 19.2 % tal-ħaddiema fis-settur tal-ICT għandhom imgħallmin nisa, meta mqabbel mal-45.2 % tal-ħaddiema f'oqmsa oħra;

  3. Il-fatt li l-għadd ta' imprendituri nisa fl-industriji tal-ICT huwa baxx wisq meta mqabbel ma' setturi oħra: in-nisa jammontaw għal 31.3 % tal-Ewropej li jaħdmu għal rashom u 19.2 % biss tal-imprendituri fl-industrija tal-ICT.

L-istudju jidentifika wkoll il-fatturi li jżommu lin-nisa milli jieħdu sehem b'mod sħiħ fis-settur: (a) tradizzjonijiet u stereotipi kulturali dwar ir-rwol tan-nisa, (b) ostakli interni u fatturi soċjopsikoloġiċi, bħan-nuqqas ta' fiduċja, in-nuqqas ta' ħiliet għan-negozjar, il-biża' mir-riskju u l-attitudnijiet negattivi lejn il-kompetizzjoni u (ċ) ostakli esterni, bħal ambjent iddominat ħafna mill-irġiel, diffikultajiet biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali u nuqqas ta' mudelli ta' eżempju fis-settur.

L-istudju juri varjetà ta' profili ta' nisa li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija diġitali: minn żviluppatriċi ta' logħob diġitali u speċjalista fil-komunikazzjonijiet diġitali sa uffiċjal li tfassal il-politika dwar l-ICT. Ir-rapport jikkonkludi li l-ħolqien ta' profili ta' mudelli ta' eżempju diġitali għall-bniet u l-għoti tal-viżibbiltà lin-nisa fis-settur huwa l-mod ewlieni biex iżjed bniet jitħajru jikkunisdraw karriera fis-settur tal-ICT.

Ħoloq utli

Women active in the ICT sector (Nisa attivi fis-settur tal-ICT) sommarju eżekuttiv

Women active in the ICT sector (Studju dwar in-nisa attivi fis-settur tal-ICT)

Aġenda diġitali: in-nisa fl-ICT

Hashtags: #girlsinict, #girlsdigital, #womendigital

Kulħadd jgħid tiegħu

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti

Posta elettronika: comm-kroes@ec.europa.eu Telefown: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website