Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jevalwaw l-ostakoli li jillimitaw l-aċċess għal professjonijiet regolati

Commission Européenne - IP/13/897   02/10/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta' Ottubru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jevalwaw l-ostakoli li jillimitaw l-aċċess għal professjonijiet regolati

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Komunikazzjoni li tħabbar il-bidu ta’ evalwazzjoni tar-regolamenti nazzjonali dwar l-aċċess għal professjonijiet. Professjonijiet regolati huma professjonijiet li għalihom l-aċċess huwa kundizzjonali fuq il-pussess ta’ kwalifiki speċifiċi jew li għalihom l-użu ta’ titolu speċifiku huwa protett, eż. l-ispiżjara jew il-periti. Hemm ħafna raġunijiet għalfejn dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jeżistu, pereżempju l-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, kundizzjonijiet ristretti wisq għall-aċċess ta' ċerti professjonijiet jistgħu jiskoraġġixxu jew saħansitra jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jidħlu fis-suq tax-xogħol. Ir-reġimi regolatorji differenti jistgħu jagħmluha diffiċli għal professjonisti kwalifikati biex japplikaw għal postijiet battala fi Stati Membri oħra.

It-titjib fl-aċċess għal professjonijiet, partikolarment permezz ta’ ambjent regolatorju aktar proporzjonat u trasparenti fl-Istati Membri, ikun jiffaċilita l-mobilità ta’ professjonisti kwalifikati fis-suq uniku u l-provvista transfruntiera tas-servizzi professjonali. Dan għandu mnejn ikollu wkoll impatt pożittiv fuq il-qagħda tal-impjiegi u jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, speċjalment peress li s-servizzi professjonali waħidhom jammontaw għal madwar 9 % tal-PDG fl-Unjoni Ewropea.

Biex tingħata stampa aktar ċara tal-ostakoli li qed jaffettwaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati u l-eżerċizzju tagħhom, qed jiġi ppubblikat rapport illum dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari li tittratta r-rekwiżiti tal-forma ġuridika u tal-parteċipazzjoni azzjonarja u li qed titmexxa taħt id-Direttiva tas-Servizzi Dawn ir-rekwiżiti, li ħafna drabi jiġu flimkien ma’ restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal professjonijiet, jistgħu jfixklu t-twaqqif ta’ sussidjarji u l-prassi multi-dixxiplinarji.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, stqarr li: “Minkejja l-almu tagħna, il-mobbiltà tal-professjonisti madwar l-Unjoni Ewropea għadha baxxa. Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal ċerti professjonijiet jistgħu jkunu kumplessi, ta' xkiel u ta' sikwit ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Dan jiskoraġġixxi l-ħaddiema milli jfittxu u jsibu impjieg fi Stati Membri oħra. Ninsab konvint li l-eżerċizzju li xi Stati Membri qed jippjanaw dwar liema professjonijiet huma regolati, segwit minn skrining u evalwazzjoni tal-ostakoli għall-aċċess ta' dawn il-professjonijiet, se jkun wieħed utli. Dan ma jikkonċernax id-deregolazzjoni ta' professjonijiet jew li jiġu sanzjonati l-Istati Membri iżda pjuttost l-iżgurar ta’ aċċess aħjar għal servizzi professjonali permezz tar-reviżjoni dwar liema strutturi ta' dħul jippromwovu bl-aqwa mod sistema simplifikata, proporzjonata, sikura u trasparenti.”

L-elementi ewlenin tal-Komunikazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-lum timplimenta r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki Professjonali — waħda mill-prijoritajiet tal-Att I dwar is-Suq Uniku tal-2011. Hija tipprevedi l-ewwel eżerċizzju ta’ trasparenza: kull Stat Membru se jkollu jirrapporta l-lista ta’ professjonijiet li huwa jirregola, inklużi dawk f'livell reġjonali. Il-Kummissjoni mbagħad se tippubblika din il-lista f’forma ta’ mappa Ewropea ta’ professjonijiet regolati li se turi b’mod ċar liema professjonijiet huma regolati u għal liema pajjiżi. Bis-saħħa ta' din il-mappa, professjonist li jixtieq jaħdem fi Stat Membru ieħor ikun jaf liema kondizzjonijiet kull pajjiż jeħtieġ għall-impjieg li hu jew hi jixtieq/tixtieq tapplika għalih.

Il-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-professjonijiet jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE. Ir-raġunijiet wara dawn id-differenzi ta' sikwit mhumiex mifhuma sew. Il-proċess imniedi llum jistieden lill-Istati Membri fit-tieni stadju biex iwettqu, matul is-sentejn li ġejjin, valutazzjoni reċiproka tal-ostakli rispettivi li għandhom fis-seħħ u li qed jillimitaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet. Dan il-proċess jistabbilixxi pjan ta’ ħidma ambizzjuża għall-Kummissjoni u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali li qed jipparteċipaw fl-evalwazzjoni reċiproka. Il-partijiet interessati, b’mod partikolari dawk li qed jirrappreżentaw il-professjonisti, se jkunu involuti bis-sħiħ matul dan l-eżerċizzju. Dan għandu wkoll jippermetti djalogu bejn l-Istati Membri li jużaw approċċi differenti, fejn l-impatt tat-tipi kollha ta’ restrizzjonijiet formali u informali dwar l-aċċess għall-attivitajiet professjonali għandu jiġi eżaminat.

Ir-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali "Is-Suq Intern" (il-ħarġa 398) ippubblikat ukoll illum jagħti indikazzjoni ta’ kif il-konsumaturi jipperċepixxu dawn il-kwistjonijiet. Meta jagħżlu fornitur tas-servizzi, iċ-ċittadini tal-UE jqisu li l-istess bħall-kwalifiki speċifiċi, ir-reputazzjoni u l-esperjenza professjonali huma importanti ħafna.

Sfond

Il-piżijiet sproporzjonati fl-aċċess għal professjonijiet regolati kienu fost il-kwistjonijiet enfasizzati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta’ Marzu 2012, li għamel sejħa għat-tneħħija ta’ ostakli regolatorji mhux ġustifikati fis-Suq Uniku. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, il-Parlament Ewropew talab ukoll lill-Kummissjoni biex “tidentifika oqsma fejn l-Istati Membri qed jinblokkaw sproporzjonalment l-aċċess għal professjonijiet regolati”. Diġà għaddejjin riformi maġġuri fil-Portugall, fil-Polonja, fl-Italja, fis-Slovenja, u fi Spanja biex jiffaċilitaw l-aċċess għal professjonijiet regolati. Il-kwistjoni tqajmet ukoll fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ta’ wħud mill-Istati Membri.

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015” tat-8 ta’ Ġunju 2012 (ara IP/12/587), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-immodernizzar tal-qafas regolatorju għas-servizzi professjonali u ħabbret komunikazzjoni dwar il-professjonijiet regolati.

Il-komunikazzjoni tal-lum se tibda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 59 tad-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki Professjonali — waħda mill-prijoritajiet tal-Att I dwar is-Suq Uniku tal-2011. Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva - li għaliha ntlaħaq ftehim politiku f’Ġunju (ara MEMO/13/552) - tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jwettqu rieżami tar-regolamenti nazzjonali kollha tagħhom li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet u li jwettqu evalwazzjoni reċiproka.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-riżultat ta’ workshop organizzat fis-17 ta’ Ġunju 2013 ma’ ministeri nazzjonali u partijiet interessati li jirrappreżentaw il-professjonijiet.

F’Lulju 2012, il-Kunsill Ewropew approva rakkomandazzjonijiet mingħand il-Kummissjoni lil diversi Stati Membri dwar il-ħtieġa li jiftħu s-servizzi professjonali biex isaħħu l-ekonomiji u l-kompetittività tagħhom. Dawn kienu miżmuma u anki estiżi fl-2013 għal xi Stati Membri.

Ara MEMO/13/839

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/policy_developments/index_en.htm

Ewrobarometru:

2013 Special Eurobarometer 398

2011 Special Eurobarometer 363

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site