Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-Kummissjoni tipproponi ideat biex tiżdied l-integrazzjoni soċjali

European Commission - IP/13/893   02/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta' Ottubru 2013

Il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-Kummissjoni tipproponi ideat biex tiżdied l-integrazzjoni soċjali

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tinħoloq tabella ġdida ta' valutazzjoni biex jiġu identifikati aħjar u aktar kmieni l-problemi maġġuri soċjali u ta' impjieg fil-qafas tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu ta' kull sena tal-UE dwar it-tfassil tal-politika ekonomika.

Aktar involviment mit-trejdjunjins u minn min iħaddem fil-livelli tal-UE u nazzjonali fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika matul is-Semestru Ewropew, użu aħjar tal-baġits tal-UE u nazzjonali biex tittaffa l-miżerja soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-mobilità professjonali huma wkoll proposti li jinsabu f'Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), adottata mill-Kummissjoni Ewropea llum.

Il-Komunikazzjoni ssegwi l-Pjan tal-Kummissjoni dwar UEM profonda u ġenwina (IP/12/1272), ipubblikat f'Novembru 2012, u se tintuża fid-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-UEM fil-Kunsill Ewropew fl-24-25 ta' Ottubru.

Il-President Barroso qal: "L-UE ħadet passi kbar 'il quddiem fit-termini tal-governanza ekonomika fl-aħħar ħames snin, billi pprovdiet għajnuniet finanzjarji lil bosta Stati Membri vulnerabbli. Mill-bidu tal-kriżi, ħadna azzjoni ffukata biex nittrattaw il-miżerja soċjali li nħolqot f'parti mis-soċjetajiet tagħna. Iżda s-severità tal-kriżi, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, għallmitna li neħtieġu naħdmu ħafna aktar fil-qrib biex indewwu l-ġrieħi soċjali li ħalliet warajha. Din il-Komunikazzjoni hija dwar kif inkomplu nibnu fuq ir-regoli li diġà għandna fid-seħħ taħt is-Semestru Ewropew biex niżguraw li jkun hemm dimensjoni soċjali b'saħħitha fil-mod kif immexxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. Dan nafuh lis-26 miljun persuna bla xogħol u l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà tagħna."

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq tliet oqsma:

  • It-tisħiħ tas-sorveljanza tal-isfidi għall-impjiegi u l-isfidi soċjali u t-tisħiħ tal-koordninazzjoni tal-politika taħt is-Semestru Ewropew;

  • Tisħiħ tas-solidarjetà u t-tisħiħ tal-mobilità professjonali;

  • Tisħiħ tad-djalogu soċjali.

Sorveljanza u koordninazzjoni

Is-Semestru Ewropew jistabbilixxi kalendarju annwali u regoli għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, filwaqt li l-istrateġija Ewropa 2020 tinkludi miri ewlenin soċjali u ta' impjieg għad-deċennju li jmiss għat-28 Stati Membri kollha tal-UE.

Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq kwistjonijiet li huma direttament rilevanti għall-funzjonament tajjeb tal-UEM, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-aġenda soċjali ġenerali għall-UE usa. Fiha, il-Kummissjoni tipproponi li tinħoloq tabella ta' valutazzjoni biex jiġu segwiti l-żviluppi ewlenin soċjali u tal-impjieg biex tiġi analizzata aħjar u jiġu identifikati aktar malajr problemi kbar qabel ma jqumu. L-indikaturi fit-tabella ta' valutazzjoni jkunu jinkludu:

• il-livell tal-qgħad u l-mod kif jevolvi;

• ir-rata NEET (żgħażagħ BARRA mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ) u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

• id-dħul reali disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi;

• ir-rata ta' riskju ta' faqar tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol;

• inugwaljanzi (il-proporzjon S80/S20).

Tipproponi wkoll li jiġi integrat għadd limitat ta' indikatturi addizzjonali tal-impjieg u soċjali fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija annwali (RMT) biex jintużaw għar-rikonoxximent tal-iżbilanċi ekonomiċi.

Id-dejta għandha tiġi introdotta fil-politika – pereżempju, l-analiżi ekonomiċi profondi li saru bħala riżultat tal-eżerċizzju RMT, jew ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ppubblikati kull rebbiegħa mill-Kummissjoni Ewropea.

Solidarjetà u mobilità tax-xogħol

Aktar xogħol jista' jsir biex jiġi allokat b'mod effettiv il-finanzjament disponibbli tal-UE biex tittaffa l-miżerja soċjali fil-pajjiżi li għaddejjin minn riformi ekonomiċi kbar. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jimpenjaw mill-inqas 20% tal-pakketti tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex iħeġġu l-inklużjoni soċjali u jiġġieldu l-faqar.

Il-Programm Ewropew il-ġdid tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn huma wkoll strumenti importanti li jistgħu jgħinu.

Barra minn hekk, għadu jrid isir xogħol biex ikun eħfef biex wieħed jiċċaqlaq madwar l-UE minħabba impjieg. Filwaqt li kważi kwart miż-żgħażagħ attivi b'mod ekonomiku fiż-żona tal-euro huma bla impjieg (24% f'Lulju 2013) u hemm differenzi kbar fil-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn il-pajjiżi (ir-rata hija l-ogħla fil-Greċja bi 62.9% u l-inqas fil-Ġermanja b'7.7%), inqas minn 4% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fiż-żona tal-euro tiġi minn Stat Membru differenti. Għalhekk il-Komunikazzjoni timpenja lill-Kummissjoni biex taħdem biex tnaqqas il-kostijiet u l-ostakli biex wieħed jiċċaqqlaq minħabba impjieg madwar l-UE.

Id-djalogu soċjali

Hemm lok biex issir konsultazzjoni aħjar tal-imsieħba soċjali fil-passi ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet taħt is-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li:

  • tissodisfa l-imsieħba soċjali tal-UE qabel l-adozzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kull ħarifa;

  • torganizza dibattitu wara l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir mal-imsieħba soċjali tal-UE u l-affiljati nazzjonali tagħhom;

  • torganizza laqgħat ta' tħejjija tekniċi qabel is-Summit Soċjali Tripartitiku ta' Marzu u laqgħat oħrajn ta' livell għoli.

  • tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddiskutu r-riformi kollha marbuta mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż mal-imsieħba soċjali nazzjonali.

Kuntest

Il-Komunikazzjoni hija parti minn proċess li għaddej bħalissa biex tittejjeb l-arkitettura tal-governanza ekonomika tal-UE, u tippreżenta l-ideat fil-Pjan tal-Kummissjoni għal UEM profonda u ġenwina.

Din hija b'reazzjoni għat-talba tal-Kunsill Ewropew tat-13/14 ta' Diċembru 2012 biex jiġu ppreżentati miżuri possibbli dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM, inkluż id-djalogu soċjali.

Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2013 fakkar li d-dimensjoni soċjali għandha tissaħħaħ, b'enfażi fuq l-importanza ta' monitoraġġ aħjar tas-sitwazzjoni tas-suq soċjali u tax-xogħol fl-UEM, speċjalment billi jintużaw indikaturi xierqa soċjali u tal-impjieg fis-Semestru Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politiki soċjali u tal-impjieg, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali, u enfasizza r-rwol tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu soċjali, inkluż dak fil-livell nazzjonali.

Links utli

MEMO/13/837 Tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Mistoqsijiet li jsiru frekwentament

Sit elettroniku tal-President Barroso

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/

Sit elettroniku tal-Kummissarju Andor http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website