Navigation path

Left navigation

Additional tools

"REFIT - Adattat għat-tkabbir" – il-Kummissjoni tieħu l-passi ambizzjużi li jmiss sabiex tissimplifika l-liġi tal-UE

European Commission - IP/13/891   02/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta' Ottubru 2013

"REFIT - Adattat għat-tkabbir" – il-Kummissjoni tieħu l-passi ambizzjużi li jmiss sabiex tissimplifika l-liġi tal-UE

Filwaqt li r-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE hija essenzjali f’bosta oqsma, din ta' spiss tiġi kkritikata li xxekkel in-negozji, speċjalment l-iżgħar negozji, jew li tinterferixxi wisq fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. 74 % tal-Ewropej jemmnu li l-UE toħloq wisq burokrazija.1 B'reazzjoni għal dan it-tħassib, il-Kummissjoni għamlet sforz koordinat matul l-aħħar ftit snin biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet regolatorji. Il-President Barroso fid-diskors tiegħu dwar il-Qagħda tal-Unjoni tal-2013, fil-11 ta’ Settembru, enfasizza l-importanza ta' regolamentazzjoni intelliġenti u sostna li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tkun “kbira fl-affarijiet il-kbar u iżgħar fl-affarijiet iż-żgħar".

Illum, il-Kummissjoni qed tieħu pass ieħor importanti sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun adattata għall-iskop tagħha. F’Komunikazzjoni l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod konkret, skont kull qasam ta’ politika, fejn se tieħu azzjoni ulterjuri biex tissimplifika jew tirtira ċerti liġijiet tal-UE, ittaffi l-piż fuq in-negozji u tiffaċilita l-implimentazzjoni. Dan huwa r-riżultat ta’ eżami analitiku tal-korp kollu tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni illum ħabbret ukoll l-intenzjoni li tippubblika tabella ta’ valutazzjoni biex jiġi segwit il-progress fil-livell Ewropew u nazzjonali f’dan ir-rigward. Dan l-eżerċizzju qiegħed fil-qalba tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummisjoni.

Il-President Barroso qal: "L-Ewropa qiegħda hemm biex issib soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar li qed niffaċċjaw kollettivament. Madankollu, biex inkunu effettivi, jeħtieġ li nikkonċentraw fuq il-prijoritajiet adatti u jkollna l-ammont adegwat ta' regolamentazzjoni. Mhux dak kollu li huwa xieraq, huwa xieraq f'livell Ewropew. Ejjew naħsbuha darbtejn jekk, meta u fejn jeħtieġ li nintervjenu fuq livell Ewropew. Il-President issokta: "Permezz tar-REFIT, il-Kummissjoni impenjat ruħha fl-aktar eżerċizzju komprensiv sal-lum biex il-liġi tal-UE ssir eħfef u aktar sempliċi. L-applikazzjoni determinata tagħna tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità mhux se tpoġġi l-benefiċċji importanti għaċ-ċittadini u l-kwistjoni tar-regolamentazzjoni f'dubju, partikolarment ir-regoli li jirfdu s-Suq Uniku. Il-pakkett REFIT tal-lum jipprovdi ħarsa pragmatika għall-futur tar-regolamentazzjoni fl-Ewropa ftit xhur qabel l-elezzjonijet Ewropej f’Mejju tal-2014."

Fil-Komunikazzjoni "REFIT" tal-lum dwar ir-riżultati u l-passi li jmiss dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni , il-Kummissjoni

  • tagħti ħarsa lejn dak li nkisebf’dawn l-aħħar snin biex iżżomm il-liġijiet tal-UE adattati għall-iskop tagħhom, billi tissimplifika u tnaqqas l-ispejjeż. Matul l-aħħar 10 snin il-Kummissjoni bdiet riformi maġġuri ta' politika. Dawn jinkludu proposti għat-tnaqqis tal-ispiża tal-implimentazzjoni tal-broadband, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-inizjattiva tal-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Direttiva dwar is-Servizzi, ir-Regolament tal-Privattiva Unitarja, u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Sa mill-2005, il-Kummissjoni approvat660 inizjattiva mmirata lejn is-simplifikazzjoni, il-kodifikazzjoni jew ir-riformulazzjoni. Aktar minn 5.590 att legali tħassru. L-Aqwa Għaxar konsultazzjonijiet tal-SMEs fuq il-liġijiet tal-UE li l-aktar joħolqu piż introduċew il-prijoritajiet tan-negozju fl-aġenda tal-idoneità regolatorja tal-Kummissjoni. Pereżempju qed jiġi introdott titjib konkret għall-SMEs: ir-rekwiżiti għal tagħmir ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (takografu) qed jiġu ssimplifikati u l-ħlasijiet għall-SMEs taħt ir-REACH tnaqqsu b' minn 35 sa 95 %; dikjarazzjoni standard tal-VAT se tiġi proposta f’Ottubru. Bejn l-2007 u l-2012, inkiseb tnaqqis ta’ 26 % tal-piż amministrattiv għan-negozji, ekwivalenti għal madwar EUR 32.3 biljun ta' ffrankar fis-sena b’EUR 5 biljun oħra li għadhom qed jiġu adottati mill-koleġiżlatur. Il-Kummissjoni stess marret lil hinn mill-mira billi tressqu proposti b'potenzjal għat-tnaqqis fil-piż ta' kważi EUR 41 biljun (33 %). Sfortunatament, parti minn dan il-potenzjal, stmat li jammonta għal aktar minn EUR 3 biljun, intilef waqt il-proċess leġiżlattiv hekk kif il-proposti tal-Kummissjoni ġew emendati. Fost il-kisbiet ewlenin tal-programm kien hemm il-promozzjoni tal-fatturar elettroniku fil-qasam tal-VAT kif ukoll eżenzjonijiet jew reġimi speċjali għall-SMEs fl-oqsma tal-kontabilità, l-iskart elettroniku u l-istatistika tal-kummerċ ġewwa l-UE. Fuq kollox, il-mod kif il-Kummissjoni tħejji r-regolamentazzjoni nbidel b'mod sinifikanti: Il-valutazzjonijiet tal-impatt, il-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati (inkluż mal-imsieħba soċjali) u l-evalwazzjonijiet 'ex-post' huma applikati b'mod sistematiku fil-Kummissjoni u se jkomplu jissaħħu.

  • tippreżentainizjattivi leġislattivi importanti għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet li qegħdin quddiem il-koleġiżlatur,pereżempju fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u s-sorveljanza tas-suq, l-akkwist pubbliku, il-bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, il-provi kliniċi għall-prodotti farmaċewtiċi u l-ivvjaġġar b'kollox inkluż.

  • telenka oqsma għal azzjoni ulterjuri għall-2013-14 biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta’ emendi u konsolidazzjoni tal-liġi tal-UE eżistenti (eż. fl-oqsma tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, l-istatistika tan-negozju, il-liġi tal-kumpaniji, l-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni standard tal-VAT, il-miżuri żootekniċi u r-regolamenti dwar il-kummerċ); u billi segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni: riżultat ewlieni tal-eżami analitiku kien l-identifikazzjoni ta’ oqsma li jeħtieġu valutazzjoni biex l-eżenzjoni tal-piż regolatorju jiġi identifikat aħjar sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-politika tal-UE bl-inqas spiża u l-benefiċċji tar-regolamentazzjoni tal-UE jintlaħqu bl-aħjar mod. Sa tmiem l-2014, il-Kummissjoni se tkun wettqet jew nediet 47 evalwazzjoni, Kontrolli tal-Idoneità jew rapporti oħra bl-għan li jitnaqqas il-piż regolatorju. Qed isir sforz partikolari fl-oqsma tal-ambjent, l-intrapriża u l-industrija u l-impjieg. Dan jinkludi Kontrolli tal-Idoneità ġodda fl-oqsma tal-prodotti kimiċi mhux koperti mir-REACH, NATURA 2000, l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, l-iskart, u l-liġi ġenerali dwar l-ikel. Evalwazzjonijiet b’enfasi fuq l-idoneità regolatorja ġew ipprogrammati b'mod partikolari dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-Direttiva dwar il-ħaddiema temporanji, dwar il-valutazzjoni u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, ir-rimedji fl-akkwist pubbliku u l-arranġamenti tad-dazju tas-sisa. Il-Kummissjoni qed tibda wkoll tippjana l-evalwazzjoni tal-koerenza tal-firxa ġdida ta’ regolamentazzjoni tal-UE fis-settur tas-Servizzi Finanzjarji.

  • tidentifika dawk l-oqsma fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li tirtira proposti pendenti u tħassar liġijiet tal-UE eżistenti. B’mod ġenerali, wieħed jista’ jiddistingwi bejn dawn il-każijiet li ġejjin: 1) oqsma fejn il-Kummissjoni tkompli taħdem billi tivvaluta l-kwistjonijiet iżda fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tressaqx proposti: Dan jinkludi leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għall-parrukkiera li għadhom pendenti minħabba evalwazzjonijiet għaddejjin, il-mard muskoloskeletali u l-iskrins u d-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent. 2) leġiżlazzjoni li m’għadhiex aktar meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi, li l-Kummissjoni qed tippjana biex tipproponi t-tħassir tagħhom. 10 proposti biex iħassru ċerta leġiżlazzjoni huma ppjanati, pereżempju leġislazzjoni dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi, il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi, l-istatistika dwar l-azzar. 3) Proposti li staġnaw fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni u fejn hemm ftit opportunità realistika ta' progress. Għaldaqstant il-Kummissjoni se tikkunsidra li tirtira proposti identifikati f’din il-kategorija inkluż id-diretttiva dwar il-ħamrija u d-direttiva biex jiġu ssimplifikati l-obbligi tal-VAT, proposta dwar l-istatut għal kumpanija privata Ewropea2, ir-regolamentazzjoni tal-istatistika dwar l-azzar u r-retrofitting ta’ mirja fuq vetturi tqal tal-merkanzija.

  • tiddeskrivi azzjonijiet orizzontali ġodda biex tagħmel il-liġi tal-UE adattata għall-iskop tagħha. Il-Kummissjoni tista’ pereżempju tidentifika l-obbligi amministrattivi li jirriżultaw mil-liġi tal-UE u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħha u tirrevediha regolarment biex tidentifika xi possibbiltajiet għal tnaqqis. L-iskambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri se jiġi ffaċilitat biex iżomm l-implimentazzjoni nazzjonali tal-liġi tal-UE sempliċi kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll azzjonijiet dedikati biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ obbligi ġodda, partikolarment f’oqsma speċifiċi ta’ tħassib għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tidentifika wkoll l-inizjattivi leġiżlattivi kollha tar-REFIT inkluż l-irtirar, it-tħassir u l-konsolidazzjonijiet fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha. In-negozju, inkluż l-SMEs, u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha se jkunu f’pożizzjoni li jissuġġerixxu oqsma fejn jidhrilhom li hemm potenzjal għal Kontrolli tal-Idoneità.

  • tħabbar il-pubblikazzjoni annwali tat-tabella ta' valutazzjoni tar-REFIT sabiex issegwi l-progress fil-livell Ewropew u nazzjonali, u tiffaċilita d-djalogu dwar l-idonietà regolatorja maċ-ċittadini, mal-Istati Membri, man-negozji u mas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali.

Il-passi li jmiss

Sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirnexxu fl-implimentazzjoni tal-impenn għal regolamentazzjoni intelliġenti, iridu juru livell simili ta’ ambizzjoni biex il-miżuri proposti li jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż regolatorju jistgħu jiġu adottati malajr. Il-Kummissjoni se tagħmel kull sforz mal-istituzzjonijiet l-oħra biex tiżgura li dan isir. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati sabiex tiġbor opinjonijiet u suġġerimenti dwar l-idoneità regolatorja li jistgħu jiġu indirizzati fil-programm REFIT u b'hekk tittejjeb aktar l-effikaċja tiegħu.

Il-kuntest

Il-President Barroso, fid-diskors tiegħu dwar il-Qagħda tal-Unjoni tal-11 ta’ Settembru, qal dan li ġej: "Jien nagħti importanza kbira lis-sussidjarjetà. Għalija, is-sussidjarjetà mhijiex kunċett tekniku. Hija prinċipju demokratiku fundamentali. Unjoni dejjem aktar magħquda fost iċ-ċittadini tal-Ewropa titlob li d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli u viċin il-poplu kemm jista' jkun possibbli. Mhux kollox jeħtieġ soluzzjoni fil-livell Ewropew. L-Ewropa teħtieġ li tiffoka fuq fejn tista' tagħti l-aktar valur. Fejn dan ma jkunx possibbli, m'għandhiex tindaħal. L-UE teħtieġ li tkun kbira fl-affarijiet il-kbar, u iżgħar fl-affarijiet iżgħar - ħaġa li forsi xi drabi ttraskurajna fil-passat. L-UE teħtieġ li turi li għandha l-kapaċità li tistabbilixxi l-prijoritajiet kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Bħall-gvernijiet kollha, jeħtieġ li nagħtu aktar attenzjoni lill-kwalità u l-kwantità tar-regolamentazzjoni tagħna waqt li nkunu konxji mill-fatt li, kif qal Montesquieu, 'les lois inutiles affaiblissent les lois nécessaires”. ["Liġijiet inutli jdgħajfu dawk meħtieġa".] Iżda hemm oqsma ta’ importanza kbira li fihom l-Ewropa trid tkun aktar integrata u magħquda. Setturi li fihom Ewropa b'saħħitha biss tista' tħalli riżultati."

Ir-regolazzjoni fil-livell tal-UE żżid il-valur f’oqsma bħall-kompetizzjoni, il-kummerċ u s-suq intern sabiex jinbena ambjent ekwu li joħloq opportunitajiet għan-negozji u l-konsumaturi. Iħares ukoll is-saħħa, is-sigurtà u d-drittijiet taċ-ċittadini. Il-leġiżlazzjoni tal-UE toħloq qafas komuni billi tissostitwixxi jew tallinja tmienja u għoxrin liġijiet nazzjonali differenti. Dan jippermetti lill-Istati Membri tal-UE li jaħdmu flimkien biex jittrattaw problemi li ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali.

Ir-regolamentazzjoni intelliġenti hija proċess kontinwu, u mhux operazzjoni ta’ darba. L-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun "adattata għall-iskop tagħha" huwa essenzjali biex l-Ewropa terġa' taqbad it-triq lejn aktar tkabbir u impjiegi. Għaldaqstant, f’Diċembru 2012, il-Kummissjoni nediet Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT). Ir-REFIT huwa espressjoni tal-impenn tal-Kummissjoni għal qafas regolatorju prevedibbli sempliċi, ċar u stabbli għan-negozji, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini. Dan se jkun ta' benefiċċju kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji, sakemm l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri l-oħra juru l-istess livell ta' ambizzjoni wkoll.

Aktar informazzjoni

Aktar dettalji u eżempji: MEMO/13/833

Aqra t-test tal-Komunikazzjoni, l-anness tiegħu, l-infografika u aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/refit

Twitter: #EUfit4growth, #EU4citizens, #EU4business

Dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti inġenerali: http://ec.europa.eu/smart-regulation

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

1 :

Ara r-riżultati tal-Ewrobarometru 79 (Mistoqsija QA16.4 f'paġna 59: http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb79/eb79_anx_en.pdf

2 :

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra biex tippreżenta proposta ġdida.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website