Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ewro permezz tal-liġi kriminali

European Commission - IP/13/88   05/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-KUMMISSJONI EWROPEA

Stqarrija tal-Istampa

Strasburgu, il-5 ta' Frar 2013

Il-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ewro permezz tal-liġi kriminali

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li trażżan il-kriminali li jiffalsifikaw il-karti u l-muniti tal-ewro. L-iffalsifikar tal-ewro huwa stmat li sewa tal-inqas €500 miljun minn mindu ġiet introdotta l-munita fl-2002. Il-proposta timmira biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ewro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz ta’ miżuri tal-liġi kriminali. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-investigazzjonijiet transkonfinali u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet minimi, inklużi l-priġunerija, għall-aktar reati serji ta' falsifikar. Il-proposta se tippermetti wkoll l-analiżi tat-teħid tal-falsifikazzjonijiet matul il-proċedimenti ġudizzjarji sabiex jiġu individwati aktar falsifikazzjonijiet tal-ewro fiċ-ċirkulazzjoni.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, qalet: "Iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej għandhom fiduċja fl-awtentiċità tal-karti tal-flus u l-muniti. Iżda din m'hijiex awtomatika. L-ewro hija t-tieni l-aktar munita importanti fid-dinja u aħna se nieħdu l-passi kollha meħtieġa biex titwaqqaf milli tkun immirata mill-kriminali. Bil-proposta tal-lum, aħna qegħdin insaħħu l-ġlieda kontra l-muniti falsifikati bis-sanzjonijiet kriminali dissważivi u iktar miżuri investigattivi effiċjenti. Il-falsifikazzjoni ta’ flus minn kriminali organizzati tfixkel il-fiduċja pubblika fil-munita u jkollha impatt kbir fuq il-gvernijiet, in-negozji u l-individwi lkoll. Dawk responsabbli għandhom jiġu kkastigati – wasal iż-żmien fejn għandna ngħalqu t-toqob regolatorji sabiex jitwaqqaf l-iffalsifikar madwar l-Unjoni Ewropea."

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal:L-ewro hija waħda mill-aqwa assi ta’ valur tal-UE. Iżda jekk ma nkunux aħna li niġġieldu kollettivament biex inħarsuha, ħadd m'hu se jagħmilha. Munita li tintuża minn 17-il pajjiż u 330 miljun persuna hija mira attraenti għall-kriminali. Għalhekk għandna niżguraw li l-kriminalità ma tiswa’ għalxejn. Approċċ aktar armonizzat għas-sanzjonijiet u kooperazzjoni transkonfinali aħjar se jgħinna biex jitnaqqas sew il-falsifikar tal-flus."

Id-Direttiva, li hija inizjattiva konġunta tal-Viċi President Reding, li-Viċi President Rehn, il-Kummissarju Šemeta , se tobbliga lill-Istati Membri biex jagħmlu għodod investigattivi effettivi disponibbli għad-detezzjoni ta’ każijiet ta’ iffalsifikar ta’ flus, ekwivalenti għal dawk li jintużaw biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiġi introdotta penali minima ta mill-inqas sitt xhur priġunerija għal każijiet serji ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' flus foloz. U piena massima ta' mill-inqas tmien snin tkun introdotta għar-reat ta’ distribuzzjoni (kif diġà tapplika llum għar-reat tal-produzzjoni skont id-Deccizzjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 200/383/JHA). Din se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ewro minn reati li jnaffru aħjar madwar l-Unjoni u titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, biex jgħinu biex jinqabdu dawk li jwettqu l-frodi.

Finalment, id-Direttiva se tkun teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ċ-Ċentri għall-Analiżi Nazzjonali u ċ-Ċentri għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali huma wkoll kapaċi jeżaminaw il-falsifikazzjoni tal-ewro waqt proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin biex jippermettu li jinstabu aktar falsifikazzjonijiet ta' ewro fiċ-ċirkolazzjoni.

Kuntest

B'kollox, hemm madwar EUR 913 biljun ta’ karti tal-ewro fiċ-ċirkolazzjoni madwar id-dinja u 16-il biljun ewro f’muniti.

L-ewro u muniti oħrajn jibqgħu mmirati minn gruppi ta' kriminalità organizzata attivi fil-falsifikazzjoni tal-flus. Sa mill-introduzzjoni tagħha fl-2002, l-iffalsifikar tal-euro wassal għal ħsara finanzjarja li tammonta għal mill-inqas EUR 500 miljun. Dan huwa muri permezz tal-qbid ta' ammonti kbar ta' iffalsifikar tal-karti u muniti tal-ewro u ż-żarmar kontinwu ta’ print-shops illegali u stampar ġdid kull sena ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea. Dawn l-iżviluppi juru li l-miżuri attwali kontra l-iffalsifikar huma insuffiċjenti u, għalhekk, huwa meħtieġ it-titjib fil-ħarsien tal-ewro fuq livell Ewropew. Ġew irtirati 280 000 karti tal-flus tal-ewro foloz miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni semestru tal-2012.

Skont l-aħħar figuri mill-Bank Centrali Ewropew, il-karti tal-flus ta’ valur ta’ EUR 20 u EUR 50 huma l-aktar iffalsifikati. Il-maġġoranza (97.5%) ta’ flus falsifikati rkuprati fit-tieni nofs tal-2012 nstabu fil-pajjiżi taż-żona tal-ewro, b’madwar 2% biss li nstabu fl-Istati Membri tal-UE barra ż-żona tal-ewro, u 0.5% li nsabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-iffalsifikar tal-ewro hija ta' tħassib partikolari għaliex hija l-munita unika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u tintuża minn 330 miljun persuna li jgħixu fi 17-il Stat Membru taż-żona tal-euro.

Id-Direttiva proposta tibni fuq u tieħu post id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2000/383/JHA dwar li tiżdied il-protezzjoni, permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar marbutin mad-dħul tal-ewro. Id-Direttiva żżomm ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Qafas (partikolarment il-preservazzjoni tad-definizzjonijiet tar-reati stabbiliti) filwaqt li tqis l-innovazzjonijiet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li rrinforzaw il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled kontra l-frodi billi tagħtiha l-kompetenza li tilleġiżla fil-qasam tal-liġi kriminali. Skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-iffalsifikar tal-munita tal-1929 (il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra), għandha tapplika wkoll il-protezzjoni msaħħa tal-ewro għal muniti oħrajn. Id-Direttiva tikkomplementa d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u tiffaċilita l-applikazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea.

Fl-10 ta’ Jannar 2013 il-Bank Ċentrali Ewropew ippreżenta l-karta tal-flus tal-EUR 5 il-ġdida. Il-karta tal-flus tal-EUR 5 tkun l-ewwel waħda fis-serje Europa biex tiġi introdotta u se tinħareġ fit-2 ta’ Mejju 2013 madwar iż-żona tal-ewro. Il-karti tal-flus u l-muniti tal-ewro saru, sa minn meta daħlu fiċ-ċirkolazzjoni fl-2002 is-simbolu viżibbli tal-integrazzjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju Algirdas Šemeta:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – politika dwar il-liġi kriminali:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy/index_en.htm

Memo/13/63

Għat-testi leġiżlattivi ara:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/euro-protection/legislation/index_en.htm

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website