Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Settembru 2013

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI): studju juri li bejn wieħed u ieħor 35 % tal-impjiegi fl-UE jiddependu fuq l-industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI

Il-Kummissjoni Ewropea llum laqgħet il-pubblikazzjoni ta' studju dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li sar flimkien mal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI). Dan l-istudju, Intellectual Property Rights intensive industries: contribution to economic performance and employment in Europe” (Settembru 2013), jikkunsidra bir-reqqa l-importanza tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-ekonomija tal-UE. Is-sejbiet ewlenin tal-istudju huma li madwar 39 % tal-attività ekonomika totali fl-UE (li tiswa xi EUR 4.7 triljun fis-sena) hija ġġenerata mill-industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI, u madwar 26 % tal-impjiegi kollha fl-UE (56 miljun impjieg) jinħolqu direttament minn dawn l-industriji, filwaqt li 9 % ta' impjiegi oħra fl-UE joriġinaw indirettament mill-industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, qal: "Ninsab konvint li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom rwol importanti biex jixprunaw l-innovazzjoni u l-kreattività, u nilqa' l-pubblikazzjoni ta' dan l-istudju li jikkonferma li l-promozzjoni tad-DPI hija kwistjoni ta' tkabbir u impjiegi. Tkun ta’ għajnuna għalina jekk it-tfassil ta’ politika bbażata fuq il-provi jkompli jissaħħaħ. Dan l-istudju jurina li l-użu tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-ekonomija jinsab kullimkien: minn industriji high-tech għal manifatturi ta’ oġġetti tal-isport, ġugarelli u logħob tal-kompjuter, dawn kollha qed jagħmlu użu b'mod wiesa' ta' mhux dritt wieħed biss, iżda ta' spiss diversi tipi ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

Benoît Battistelli, il-President tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) qal: "Dan ir-rapport juri li l-benefiċċju tal-privattivi u d-DPI oħra mhumiex biss teorija tal-ekonomija. Minħabba li l-assi intanġibbli tal-kumpaniji innovattivi saru essenzjali. Speċjalment għall-SMEs, iżda wkoll għaċ-ċentri ta' riċerka u universitajiet, il-privattivi ta' spiss iwittu t-triq għall-imsieħba kummerċjali u msieħba fil-kapital. Sabiex l-Ewropa tibqa' kompetittiva fl-ekonomija globali, teħtieġ tinkoraġġixxi saħansitra aktar żvilupp u użu ta' teknologija ġdida u innovazzjoni."

António Campinos, il-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) qal: "Dan l-istudju huwa r-riżultat ta' kollaborazzjoni dettaljata bejn esperti minn aġenziji u pajjiżi differenti, permezz tal-użu ta' metodoloġija replikabbli u trasparenti. Dan jindirizza l-mistoqsija fundamentali li turi sa liema punt l-industriji relatati mad-DPI huma marbuta mal-impjiegi, il-PDG u l-kummerċ fl-UE. Issa għandna tweġiba ċara. Dawn huma importanti, anzi importanti ferm."

L-istudju jiffoka fuq l-ekonomija tal-UE u jqis l-industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI jew bħala dawk li jirreġistraw aktar Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali għal kull impjegat minn industriji oħra, jew dawk fejn l-użu tad-DPI huwa karatteristika intrinsika tal-attività tal-industrija. Dawn l-industriji huma magħżula fil-livell tal-UE, jiġifieri bl-użu tal-miżuri kollha tal-UE b'intensità ta' DPI.

Barra minn hekk, l-istudju juri li:

  1. Ir-remunerazzjoni medja fl-industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI hija aktar minn 40 % ogħla milli f’industriji oħra;

  2. Eżempji ta’ industriji bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI jinkludu:

  • il-manifattura ta’ għodod tal-idejn li jaħdmu bl-elettriku (privattivi);

  • il-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi bażiċi (marki kummerċjali);

  • il-manifattura ta’ arloġġi tal-idejn u arloġġi (disinji);

  • il-pubblikazzjoni ta’ kotba (dritt tal-awtur); kif ukoll

  • operazzjoni ta’ mħaleb u manifattura ta’ ġobon (indikazzjonijiet ġeografiċi).

  1. Mijiet ta’ industriji, li huma diversi bħall-attivitajiet ta’ servizzi relatati mas-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni, l-aġenziji tar-riklamar, il-manifattura tal-ġelati, il-manifattura tal-karta tal-ħajt, il-produzzjoni tal-inbid, l-apparat tad-dawl elettriku u domestiku, it-telekomunikazzjoni bis-satellita, u l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass, kollha jagħmlu wkoll użu b'mod wiesa' mid-DPI, u ħafna minnhom jagħmlu użu simultanju ta’ aktar minn dritt wieħed tal-IP.

Lista tal-industriji kollha bbażati b'mod wiesa' fuq id-DPI hija inkluża fl-Appendiċi ta’ dan ir-rapport.

Dan l-istudju huwa bbażat fuq eżerċizzju wiesa’ simili li sar fl-2012 mill-Uffiċċju tal-Privattivi u l-Marki Kummerċjali tal-Istati Uniti flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Ekonomija u l-Istatistika, li wassal għal sejbiet komparabbli għall-ekonomija tal-Istati Uniti kif wettaq l-istudju tal-UASI/UEP għall-ekonomija tal-UE.

L-istudju huwa disponibbli fuq:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI):

http://oami.europa.eu

L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi

http://www.epo.org/

Aktar informazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/intellectual-property/studies/index_en.htm

Twitter: #IPEurope #EUIPstudy

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website