Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Forum Sportiv tal-UE: Rebbieħ tad-deheb fil-Logħob Olimpiku jitfa' l-attenzjoni fuq “karrieri doppji”

European Commission - IP/13/888   30/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Vilnjus, it-30 ta’ Settembru 2013

Il-Forum Sportiv tal-UE: Rebbieħ tad-deheb fil-Logħob Olimpiku jitfa' l-attenzjoni fuq “karrieri doppji”

Huwa faċli li wieħed jimmaġina li s-suċċess fl-isport iwassal għal qligħ enormi u ħajja sħiħa ta’ lussu. Dan jista’ jkun veru għall-aħjar ftit, iżda għal ħafna sportivi r-realtà hija ferm differenti. Meta l-karriera tagħhom fl-isports tintemm, dawn ikollhom isibu xogħol "normali". Dan ma jkunx faċli għal xi wħud billi jkunu kkonċentraw l-enerġija kollha tagħhom fuq l-isport u telqu l-edukazzjoni kmieni. Il-"karrieri doppji" għall-isportivi, li għandhom l-għan li jikkombinaw it-taħriġ sportiv mal-edukazzjoni, se tkun waħda mit-temi ewlenin indirizzati fil-Forum Sportiv tal-UE tal-2013, li se jseħħ f’Vilnjus bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru. Fit-tieni jum tal-Forum, il-leġġenda tal-basketball u rebbieħ tal-medalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku Šarūnas Marčiulioniss, se jingħaqad mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-isport Androulla Vassiliou, f’dibattitu ta’ livell għoli dwar il-karrieri doppji.

Suġġetti oħra diskussi se jinkludu l-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, il-miżati tat-trasferimenti fil-qasam tal-futbol, u l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni l-'HEPA' li għandha l-għan li tħajjar lin-nies jagħmlu aktar eżerċizzju u jgawdu l-benefiċċji tal-attività fiżika favur is-saħħa. Għall-ewwel darba, fil-Forum se jkun hemm “wall” tat-Twitter (hashtag:#EUsportforum), li se jippermetti lill-parteċipanti tal-Forum u l-entużjasti sportivi iwasslu l-feedback u l-kummenti tagħhom fil-pront.

Il-Forum se jikkoinċidi ma’ laqgħa informali tal-Ministri tal-Isport, li l-Kummissarju Vassiliou se tattendi wkoll. Il-fokus prinċipali tal-laqgħa informali huwa l-ippjanar u l-wirt ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, u l-kontribut tal-isport fl-ekonomija.

Il-Kummissarju Vassiliou qalet: "Ninsab kuntenta ħafna li l-Forum Sportiv tal-UE se jqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta' "karrieri doppji" għall-isportivi. Għal kull "alla" sportiv bħal Cristiano Ronaldo, Rafael Nadal jew Usain Bolt, hemm eluf ta’ atleti li jiffaċċjaw żmien ħażin meta jiġu biex jadattaw irwieħhom wara li tintemm il-karriera sportiva tagħhom sakemm dawn ma jkunux tħarrġu wkoll għal ħajja lil hinn mill-kamp sportiv. Jien entużjasta wkoll biex nenfasizza l-programm il-ġdid tagħna Erasmus+, li għall-ewwel darba se jinkludi baġit iddedikat għall-isports fil-livell bażiku, kif ukoll se jipprovdi finanzjament għal kampanji transnazzjonali li għandhom l-għan li jiġġieldu l-vjolenza relatata mal-isports, l-intolleranza u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri.”

Huwa maħsub li Erasmus+ se jalloka EUR 33 miljun fis-sena għall-isports fil-livell bażiku bejn l-2014 u l-2020. Se jsostni proġetti transnazzjonali li għandhom l-għan li jsaħħu l-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba, avvenimenti sportivi speċjali Ewropej li mhumiex kummerċjali kif ukoll isaħħu l-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika sportiva. Il-benefiċjarji ewlenin se jkunu korpi pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fil-qasam sportiv fil-livell bażiku. Mill-2007 lil hawn, il-Kummissjoni pprovdiet aktar minn EUR 22 miljun f'sostenn ta' proġetti sportivi.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistennija jadottaw l-Erasmus + fil-ġimgħat li ġejjin. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Attività Fiżika favur is-Saħħa proposta mill-Kummissjoni tista' tiġi adottata mill-Kunsill qabel tmiem din is-sena.

Kuntest

Ir-rappreżentanti tal-moviment sportiv Ewropew u l-Istati Membri jiltaqgħu fil-Forum Sportiv tal-UE. Il-Forum, li jsir kull sena, huwa opportunità għall-Kummissjoni biex tinforma lill-partijiet sportivi interessati dwar l-inizjattivi tal-politika tagħha u biex tisma’ l-opinjonijiet tagħhom. Il-Forum jiġbor flimkien 250 delegat, inklużi rappreżentanti importanti mill-Kumitati Olimpiċi Ewropej u internazzjonali, il-federazzjonijiet Ewropej, l-organizzazzjonijiet tal-isport għal kulħadd, u l-organizzazzjonijiet tal-ligs, tal-klabbs u tal-atleti.

Il-Forum Sportiv iservi wkoll ta' vetrina tal-proġetti ffinanzjati mill-UE implimentati matul l-aħħar sentejn, bil-għan li jsostnu l-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza fl-isport, l-inklużjoni soċjali tal-immigranti, il-promozzjoni ta’ governanza tajba fl-isport, il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, il-promozzjoni tal-attività fiżika favur it-tixjiħ attiv, iż-żieda fl-għarfien dwar modi effettivi ta’ kif wieħed jista’ jippromwovi l-isports fil-livell muniċipali u l-kompetizzjonijiet konġunti transkonfinali ta' sports fil-livell bażiku f’reġjuni ġirien u Stati Membri.

L-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej. Permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009, l-UE kisbet kapaċità fil-qasam sportiv. L-Artikolu 165 tat-TFUE jgħid li l-UE għandha ssostni, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-politika sportiva tal-Istati Membri tal-UE. Jistieden ukoll lill-UE biex tikkontribwixxi fil-promozzjoni ta' kwistjonijiet Ewropej relatati mal-isports, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu abbażi tal-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu, u biex tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea fl-isport.

Għal aktar tagħrif:

Il-Forum Sportiv tal-UE 2013

Il-Kummissjoni Ewropea: il-websajt dwar l-isport

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Il-Presidenza Litwana tal-UE

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website