Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, Is-27 ta' Settembru 2013

Iċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati u dawk li jfasslu l-politika jiddibattu l-futur tad-drittijiet soċjali fl-UE

It-Tnejn 30 ta' Settembru ser jimmarka l-ftuħ tat-tieni serje ta' dibattiti interattivi b'xandira diretta onlajn, din id-darba dwar id-drittijiet soċjali - bejn iċ-ċittadini, in-negozji, l-organizzazzjonijiet u dawk li jfasslu l-politika fil-qafas ta' Xahar tas-Suq Uniku (see IP/13/847). Din hija opportunità għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati biex jagħmlu proposti għall-futur tal-UE, u biex jiddibattu dawn il-proposti fuq l-internet, f'ħin reali, ma' ċittadini, partijiet interessati, uffiċjali u mexxejja oħra u esperti minn madwar l-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni reġgħet qiegħda tinqeda bl-internet biex tinvolvi liċ-ċittadini u lil gruppi tas-soċjetà ċivili fl-aġenda politika tagħha. Il-forum onlajn joffri lill-partijiet ikkonċernati linja ta' komunikazzjoni unika u immedjata ma' dawk li jfasslu l-politika fi Brussell. Matul ix-Xahar tas-Suq Uniku, il-forum qiegħed jospita dibattiti suċċessivi fuq erba' temi: L-Impjiegi, id-Drittijiet Soċjali, il-Banek, u l-Kummerċ Elettroniku fl-24 lingwa tal-UE.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "L-ewwel dibattitu onlajn li kellna aktar kmieni din il-ġimgħa dwar l-opportunitajiet ta' xogħol fis-Suq Uniku kien wieħed affaxxinanti. Jiena smajt b'mod ċar il-messaġġ mingħand ħafna żgħażagħ li huma inkwetati li jistgħu jispiċċaw jinġarru f'suċċessjoni ta' apprentistati mhux imħallsa mingħajr ebda prospetti ta' xogħol permanenti u mħallas aktar 'il quddiem. Din hija problema li rridu nindirizzaw. Għandna nipproteġu il-ħaddiema fis-Suq Uniku, u din hija wkoll it-tema għad-diskussjoni għat-tieni ġimgħa tax-Xahar tas-Suq Uniku. Jeżistu ħafna protezzjonijiet bħal dawn, bħal standards minimi ta' saħħa u sigurtà iżda naf li n-nies huma mħassba li r-regoli eżistenti qegħdin jiġu abbużati, u dan iwassal pereżempju għall-perċezzjoni ta' turiżmu soċjali jew dumping soċjali. Jiena dan it-tħassib nieħdu tassew b'serjetà kbira u nħares 'il quddiem biex niddibattih maċ-ċittadini l-ġimgħa d-dieħla."

Id-dibattiti ser isiru mit-Tnejn sal-Erbgħa (30 ta' Settembru - 2 ta' Ottubru) fuq 35 idea madwar 17-il pajjiż tal-UE li jvarjaw mil-libertà li wieħed jirċievi kura tas-saħħa fi kwalunkwe Stat Membru, sa inizjattiva li tiffaċilita l-flussi ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Dan id-dibattitu dwar id-drittijiet soċjali ser iseħħ fi żmien li fih il-limiti bejn is-setturi privati u pubbliċi qegħdin isiru dejjem anqas ċari fejn jidħol il-provvediment ta' servizzi soċjali essenzjali, filwaqt li forza tax-xogħol aktar mobbli tfisser li xi wħud jistgħu jħossuhom konfużi rigward il-pensjonijiet tagħhom, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji meta jaqsmu l-fruntieri fl-UE. Matul il-jiem ta’ dibattitu li ġejjin, in-nies, l-organizzazzjonijiet u n-negozji nfushom se jkollhom l-opportunità li jitfgħu dawl fuq l-ostakli li għad fadal, u jressqu s-suġġerimenti tagħhom biex jittieħdu azzjonijiet fil-livell Ewropew.

Sfond

Ix-Xahar tas-Suq Uniku ser isir onlajn fuq il-http://www.yourideasforeurope.eu/mt matul erba' ġimgħat konsekuttivi, b'tema politika differenti esplorata kull ġimgħa:

  • 23-25 ta' Settembru, dwar l-impjiegi: Kif issib xogħol, twaqqaf negozju, jew kif il-kwalifiki tiegħek jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-Ewropa?

  • 30 ta' Settembru-2 ta’ Ottubru dwar id-drittijiet soċjali: Liema huma d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali fis-Suq Uniku tal-UE, f’termini ta’ pensjonijiet, kura tas-saħħa, servizzi pubbliċi...?

  • 7-9 ta' Ottubru, dwar il-banek: X’jista’ jsir aktar sabiex jitħarsu d-depożiti, tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra, u jiġi żgurat li l-banek jinvestu fl-ekonomija reali sabiex irawmu t-tkabbir ekonomiku?

  • 14-16 ta' Ottubru, dwar il-kummerċ elettroniku: Kemm huwa faċli li tbiegħ prodotti onlajn, jew tixtrihom u twassalhom lil hinn mill-fruntieri bħala klijent? Id-dejta li l-pubbliku jaqsam fuq is-siti tan-netwerking soċjali kemm hi protetta?

Ix-Xahar tas-Suq Uniku jipprovdi opportunità unika għan-netizens (iċ-ċittadini li jużaw l-internet) tal-Ewropa biex jikkummentaw fuq, jisfidaw, u jirfinaw ideat politiċi ġodda proposti onlajn minn nies komuni. Din toffri lill-parteċipanti għadd ta’ modi biex huma jinteraġġixxu ma’ dawk li jfasslu l-politiki. Huma jistgħu:

  • jivvutaw u jikkummentaw dwar is-sottomissjonijiet ta’ politika ta' individwi, organizzazzjonijiet u negozji,

  • jistaqsu u jiddibattu mal-Kummissarji, MPEs, esperti tal-UE u personalitajiet nazzjonali permezz ta’ diskursati ffilmjati f’xandira diretta,

  • Ħames parteċipanti se jiġu mistiedna għal dibattitu finali mal-Kummissarju Michel Barnier fuq Euronews fit-23 ta’ Ottubru fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Sadattant, xorta waħda jistgħu jiġu ppreżentati ideat minn issa fuq il-pjattaforma onlajn. Il-partijiet interessati u individwi diġà ppreżentaw aktar minn 400 idea. Dawn l-ideat infetħu għad-dibattitu fit-23 ta’ Settembru għal ideat dwar l-impjiegi, u ser jiftħu fit-30 ta’ Settembru għal ideat dwar id-drittijiet soċjali, fis-7 ta’ Ottubru għal ideat dwar il-banek, u fl-14 ta’ Ottubru għal ideat dwar il-kummerċ elettroniku.

Moderaturi indipendenti ser jiġbru fil-qosor ir-riżultati ta’ dawn id-dibattiti — l-ideat li l-parteċipanti jkollhom jistgħu ibiddlu l-Ewropa. Huma se jiġu wkoll inklużi f’rapport finali li se jiġi ppubblikat u jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-UE ta’ għada.

Aktar informazzjoni

yourideasforeurope.eu

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site