Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta' Ottubru 2013

L-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali fl-Unjoni Ewropea: Ir-Reviżjoni Trimestrali turi biċ-ċar l-fraġilità tal-irkupru ekonomiku; id-diverġenza fl-EUM persistenti

Hemm ħjiel ta' bidu ta' rkupru ekonomiku fraġli fl-Unjoni Ewropea, iżda hemm diverġenzi persistenti bejn il-pajjiżi, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, skont l-aħħar Reviżjoni Trimestrali tal-Qagħda Soċjali u tax-Xogħol fl-Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-Reviżjoni tenfasizza wkoll li s-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali jibqgħu kritiċi, u t-tkabbir inklużiv se jeħtieġ aktar investimenti strateġiċi u riformi strutturali.

Il-Kummissjoni indirizzat dawn id-diverġenzi bil-Pakkett dwar l-Impjiegi ta' April 2012, bir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi biex ikunu indirizzati s-swieq tax-xogħol segmentati, iħeġġu riformi fit-taxxa li jaġevolaw l-impjiegi, jiżguraw servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u jaddattaw edukazzjoni u taħriġ biex jirriflettu l-bżonnijiet ta' dawk li jħaddmu, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, it-Timijiet ta' Azzjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jiffukaw mill-ġdid fuq l-infiq tal-fondi strutturali tal-UE fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u miżuri li jħaffu ċ-ċaqliq tal-ħaddiema bħalma hija r-riforma tan-netwerk tat-tfittxija tal-impjiegi tal-EURES. Dawn il-miżuri se jkunu kkumplimentati bl-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) b'monitoraġġ u valutazzjoni aħjar tal-impjiegi potenzjali u l-iżbilanċi soċjali, is-suġġett ta' Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor qal: "Ma hemmx lok għal serħan il-moħħ: hemm wisq nies li qed ibatu mill-konsegwenzi soċjali ħżiena tal-kriżi, u għandna bżonn inżidu l-investiment soċjali u l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi. Irkupru sostenibbli jeħtieġ aktar progress fir-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluż il-bżonn li tingħata attenzjoni akbar mill-qrib lill-impjiegi u l-problemi soċjali u lill-koordinazzjoni tal-politiki soċjali u tal-impjiegi. Għandna bżonn nkunu kapaċi nindividwaw u nindirizzaw l-isfidi soċjali u tal-impjiegi fi stadju bikri, minflok ma nħallu d-disparitajiet ġewwa l-Ewropa jikbru. "

Għalkemm hemm sinjali ta’ rkupru kajman, ir-Reviżjoni Trimestrali turi biċ-ċar li s-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali jibqgħu sfida kbira:

  1. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu livelli ogħla minn qatt qabel –— b’medja ta’ 23 % għall-UE kollha kemm hi, u b'rata ta' 63 % fil-Greċja.

  2. Il-qgħad fit-tul żdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u laħaq l-ogħla livell fl-UE kollha kemm hi. Il-qgħad strutturali u l-ispariġġ bejn il-provvista u d-domanda, kemm tal-kwalità kif ukoll tal-kwantità tax-xogħol ilhom jikbru.

  3. It-telf nett tal-impjiegi ħabat ma' aktar impjiegi prekarji — l-impjiegi part time, speċjalment involontarji, baqgħu jiżdiedu anki jekk is-sehem tal-kuntratti temporanji naqas fl-UE hekk kif assorbew l-effett tat-tnaqqis.

  4. Il-faqar żdied fl-UE mill-2007 ‘l hawn. Id-dħul tal-familji qed jonqos u 24.2 % tal-popolazzjoni tal-UE issa qiegħda fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni. It-tfal qed jintlaqtu b’mod partikulari peress li l-qgħad u l-familji bla xogħol żdiedu, flimkien mal-faqar fost dawk li jaħdmu.

Hemm bżonn ta' aktar investiment u riformi soċjali

Politiki attivi tas-suq tax-xogħol bħalma huma sussidji biex jiġu impjegati l-ħaddiema, tnaqqis fit-taxxi ta’ xogħol b’paga baxxa, sostenn personalizzat fit-tfittxija tal-impjiegi u t-taħriġ huma kruċjali f’dan l-istadju ta’ rkupru emerġenti biex jgħinu lin-nies isibu impjiegi u ma jħallux lil dawk qiegħda fit-tul jew lil dawk li għadhom kif temmu l-edukazzjoni jabbandunaw it-tfittxija għax-xogħol. Aktar ma jkun hemm nies li għandhom xogħol, aktar dawn jikkontribwixxu għal baġits ibbilanċjati u aktar familji jkunu kapaċi jonfqu biex ikun jista' jkompli l-irkupru tal-produzzjoni ekonomika.

Għandhom isiru sforzi partikolari biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġiet addottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE f'April 2013 u approvata mill-Kunsill Ewropew tas-27/28 ta' Ġunju. Għal ħafna pajjiżi, dan se jkun jeħtieġ riformi strutturali bħalma huma t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi tax-xogħol, it-twaqqif ta' sħubiji b’saħħithom bejn l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-impjiegi u l-edukazzjoni, u investiment akbar fit-taħriġ u l-iskemi tal-apprentistat. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom fix-xhur li ġejjin.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikomplu jimmodernizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali tagħhom sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi disponibbli u jinkiseb impatt massimu f’termini tal-inklużjoni soċjali u ekonomika. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persuni f'mumenti kritiċi matul ħajjithom kollha. Il-Kummissjoni tat gwida għal investiment soċjali aħjar fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali tagħha ta' Frar 2013, li inkluda rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu ttrattati l-faqar tat-tfal u l-kundizzjonijiet tal-persuni mingħajr dar (IP/13/125, MEMO/13/117, MEMO/13/118).

Id-diverġenza fiż-żona tal-euro ddgħajjef l-UEM

L-aħħar Reviżjoni Trimestrali turi biċ-ċar id-diverġenzi persistenti bejn il-pajjiżi, speċjalment fiż-żona tal-euro.

  1. Ir-rati tal-qgħad fin-Nofsinhar u fil-periferija taż-żona tal-euro laħqu medja ta’ 17.3 % fl-2012 b'kuntrast mas-7.1 % fit-Tramuntana u fiċ-ċentru taż-żona tal-euro.

  2. Ir-rata medja taż-żgħażagħ li la huma f'impjieg u lanqas fl-edukazzjoni jew fuq taħriġ (NEETs) laħqet it-22.4 % fin-Nofsinhar u l-periferija b'kuntrast mal-11.4 % fit-Tramuntana u fiċ-ċentru.

  3. Il-faqar żdied f’żewġ terzi tal-Istati Membri, iżda mhux fit-terz l-ieħor.

Id-diverġenzi soċjali u ekonomiċi jirrapreżentaw sfidi ewlenin għall-UEM. Prestazzjoni fqira tas-suq soċjali u tax-xogħol, mhux biss tolqot lill-Istati Membri affettwati direttament, iżda tinfirex fil-pajjiżi l-oħra bi prestazzjoni aħjar permezz tat-tnaqqis tad-domanda aggregata, produttività aktar baxxa u rati tal-imgħax ogħla marbuta ma’ instabbiltà politika u tnaqqir fil-kunfidenza fl-euro u l-UE.

L-UEM b'saħħitha b'dimensjoni soċjali għandha bżonn monitoraġġ u valutazzjoni aħjar tal-iżbilanċi potenzjali ewlenin fis-sitwazzjonijiet soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri. Dan jista’ jsir flimkien ma’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki soċjali u tal-impjiegi sabiex jiġi żgurat rispons f’waqtu u effettiv għal dawn l-isfidi, fl-interess tal-UEM kollha kemm hi. Ir-Rakkomandazzjoni dwar it-twaqqif tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-qbil biex titinieda l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b’baġit ta’ EUR 6 biljun huma eżempji ta’ tali azzjoni kollettiva li tiffoka fuq kif tingħeleb l-isfida ewlenija fil-qasam soċjali u tal-impjiegi li taffettwa b’mod sproporzjonat xi partijiet tal-UEM.

Dawn il-kwistjonijiet huma indirizzati fil-Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM adottata fit-2 ta' Ottubru (Ara IP/13/893).

Further information

Reviżjoni Trimestrali tal-Qagħda Soċjali u tax-Xogħol

Pakkett ta' Investiment Soċjali

Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1039&langId=enPakkett dwar l-Impjiegi

Impjiegi u analiżi soċjali

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/Il-websajt ta' László Andor

Segwi @László AndorEU on Twitter

Inkiteb fl-email newsletter dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni b'xejn tal-Kummissjoni Ewropea 

Suġġerimenti ta' hashtags: #EconomicRecovery #eurozone #emu

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website