Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Göteborg/Brussell, is-26 ta’ Settembru 2013

Ir-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2013 imħabbra fil-Fiera tal-Kotba ta’ Göteborg

Illum, fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-fiera tal-kotba ta’ Göteborg fl-Iżvezja, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, ħabbret ir-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2013, li jirrikonoxxi l-aqwa kittieba ġodda fl-Ewropa. Ir-rebbieħa ta’ din is-sena huma: Isabelle Wéry (il-Belġju), Faruk Šehić (il-Bożnja Ħerzegovina), Emilios Solomou (Ċipru), Kristian Bang Foss (id-Danimarka), Meelis Friedenthal (l-Estonja), Lidija Dimkovska (dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), Katri Lipson (il-Finlandja), Marica Bodrožić (il-Ġermanja), Tullio Forgiarini (il-Lussemburgu), Ioana Pârvulescu (ir-Rumanija), Gabriela Babnik (is-Slovenja) u Cristian Crusat (Spanja). Ara taħt għal aktar dettalji dwar l-awturi rebbieħa u l-kotba tagħhom.

“Nifraħ mill-qalb lir-rebbieħa kollha ta’ din is-sena. Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura jiġbed attenzjoni internazzjonali lejn kittieba ġodda eċċellenti li, kieku, ma kinux jiksbu r-rikonoxximent mistħoqq barra minn pajjiżhom. Minbarra li ngħinu lil dawn il-kittieba jilħqu udjenzi ġodda, l-għan tagħna huwa wkoll li lill-qarrejja nlaqqgħuhom ma' letteratura Ewropea ġdida mill-aqwa u nagħtuhom aktar għażla. Maż-żmien, dan jista' jgħin ukoll biex jinħoloq suq ta' qarrejja ġenwinament Ewropew, bi kważi nofs biljun qarrej potenzjali. Il-programm ta’ finanzjament ġdid tagħna - Ewropa Kreattiva - se jgħinna nagħtu kontribut akbar għall-ispejjeż tat-traduzzjonijiet tal-kotba kif ukoll inkabbru d-diversità kulturali, " qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Kull rebbieħ jirċievi EUR 5,000. Iżda aktar importanti minn hekk, il-pubblikaturi tagħhom huma mħeġġa japplikaw għall-fondi tal-UE biex il-kotba rebbieħa jiġu tradotti f’lingwi Ewropej oħra. Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (EUPL) huwa miftuħ għal 37 pajjiż li huma parti mill-Programm tal-Kultura tal-UE (it-28 Stat Membru tal-UE kif ukoll l-Albanija, il-Bożnja Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija). Kull sena, ġuriji nazzjonali minn terz tal-pajjiżi jinnominaw l-awturi rebbieħa, sabiex, fuq perjodu ta’ tliet snin, ikunu rappreżentati l-pajjiżi kollha.

Lir-rebbieħa ta’ din is-sena l-premji se jingħatawlhom waqt ċerimonja fi Brussell fis-26 ta’ Novembru, fil-preżenza tal-Kummissarju Vassiliou u rappreżentanti ewlenin tal-oqsma tal-letteratura, il-kultura u l-politika. L-EUPL huwa organizzat mill-Kummissjoni Ewropea mal-Federazzjoni Ewropea tal-Bejjiegħa tal-Kotba (EIBF), il-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (EWC) u l-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP).

John McNamee, il-President tal-EIBF, qal: "Għal darb'oħra, jiena tassew kuntent li skoprejna talenti ġodda u nixtieq nifraħ mill-qalb lir-rebbieħa kollha ta' din is-sena. Il-bejjiegħa tal-kotba huma verament kuntenti li l-Premju EUPL jgħin lil-lettaratura taqsam il-fruntieri u huma ħerqanin li joffru iktar għażla, iktar kotba, u iktar letteratura Ewropea."

Pirjo Hiidenmaa, il-President tal-EWC, qal: "L-Ewropa teħtieġ l-istejjer u r-rakkontaturi tal-istejjer, u hemm domanda bla qies għall-kotba dwar varjetà eterna ta' suġġetti. Il-kittieba jkebbsu kemm l-imħuħ, kif ukoll il-lingwi, u l-bidla biss iżżomm il-kulturi ħajjin; għalhekk, dejjem huwa pjaċir li niċċelebraw vuċijiet letterarji ġodda li jiżguraw li l-kultura tagħna se tibqa' tikber u tinbidel."

"Jiena kuntent ħafna li l-organizzazzjoni tagħna tieħu parti daqstant attiva fil-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Bis-saħħa ta' dan il-Premju, niskopru dinjiet ġodda, kulturi ġodda, permezz tax-xogħlijiet tal-awturi rebbieħa b'talenti kbar. Nispera li r-rebbieħa tal-2013 jikbsu t-traduzzjonijiet kollha li ħaqqhom - dan huwa mod fantastiku kif niċċelebraw id-diversità tal-Ewropa, valur li għandna ngħożżu f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi," żied Piotr Marciszuk, il-President tal-FEP.

Fil-Fiera tal-Kotba ta' Göteborg ta' din is-sena se tingħata attenzjoni speċjali lir-Rumanija. Dalgħodu, il-Kummissarju Vassiliou ħadet sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ ma' Mircea Cărtărescu, il-poeta, rumanzier u saġġista Rumen.

L-Ewropa Tħobb Taqra

Wara konferenza stampa (12,15), il-Kummissarju Vassiliou se tieħu sehem ukoll f'avveniment marbut mal-kampanja tagħha favur il-litteriżmu, "L-Ewropa Tħobb Taqra". Se tiltaqa' ma' studenti żgħar mill-iskola internazzjonali f'Göteborg (Internationella Engelska Skolan) li se jaqraw mill-kotba favoriti tagħhom. Fl-Unjoni Ewropea, wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta' ħmistax-il sena, kif ukoll ħafna adulti, ma jafux jaqraw sew. L-għan tal-kampanja huwa li tqajjem kuxjenza dwar il-kriżi tal-litteriżmu fl-Ewropa u li tippromwovi l-qari għall-gost. Il-Kummissarju Vassiliou tattendi regolarment is-sessjonijiet tal-qari fejn jieħdu sehem tfal, adolexxenti u adulti. L-avvenimenti mat-tfal spiss ikollhom dimensjoni multilingwa biex tħeġġiġhom jaqraw b'lingwi differenti u tenfasizza l-importanza tad-diversità lingwistika.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea tinvesti EUR 3 miljun fis-sena fit-traduzzjoni letterarja u aktar minn EUR 2.4 miljuni fi proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu s-settur tal-kotba. L-industrija tikkontribwixxi EUR 23 biljun lill-PGD tal-UE u timpjega 135 000 persuna full-time. Il-kotba huma t-tieni l-aktar oġġett kulturali esportat fl-UE, wara l-opri tal-arti u l-antikitajiet.

Minn mindu tnieda l-Premju Ewropew għal-Letteratura fl-2009, il-Programm tal-Kultura tal-UE pprovda l-finanzjament għat-traduzzjoni tal-kotba ta' 43 rebbieħ tal-EUPL, f’20 lingwa differenti, li jkopru ammont totali ta’ 149 traduzzjoni. Ir-rebbieħa jgawdu wkoll minn aktar viżibilità fil-fieri tal-kotba ewlenin tal-Ewropa, inkluż dawk ta' Frankfurt, Londra, Göteborg u l-Passaporta Festival fi Brussell.

Il-pubblikazzjoni tal-kotba hija parti sinifikanti mis-setturi tal-kultura u tal-kreattività, li jirrappreżentaw sa 4.5 % tal-PDG tal-UE u aktar minn 8 miljun impjieg. Għalkemm fil-kriżi dawn is-setturi wrew li huma relattivament reżiljenti, qed jiffaċċaw ukoll sfidi kbar li jirriżultaw mill-qalba għall-mezzi diġitali, il-globalizzazzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq tul linji kulturali u lingwistiċi.

F’Jannar 2014, il-Kummissjoni ser tniedi l-programm ġdid - Ewropa Kreattiva - bil-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tas-setturi tal-kultura u tal-kreattività, u jippromwovi d-diversità kulturali. Huwa mistenni li l-programm il-ġdid se jkollu baġit totali ta’ EUR 1.3 biljuni bejn l-2014 u l-2020, li jirrappreżenta żieda ta’ 9 % meta mqabbel mal-livelli ta’ finanzjament attwali. Il-programm se jipprovdi finanzjament għat-traduzzjoni ta’ aktar minn 4 500 ktieb; se jippermetti wkoll lil 300 000 artist u professjonist kulturali u x-xogħlijiet tagħhom jaqsmu l-fruntieri u jiksbu esperjenza internazzjonali.

Għal aktar tagħrif:

Is-sit tal-premju: http://www.euprizeliterature.eu/

Portal tal-kultura tal-Unjoni Ewropea http://ec.europa.eu/culture

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Anness: il-kittieba rebbieħa u l-kotba tagħhom

Isabelle Wéry

Il-Belġju

Marilyn Désossée / Marilyn Dissussata, Éditions Maelström, 2013

Minbarra li kittieba, Isabelle Wery, imwielda Liège, hija wkoll attriċi u direttur tat-teatru. Ġiet innominata għall-Prix de la Critique de Théâtre Belge tliet darbiet, u rebħet il-premju fl-2008 għad-dramm tagħha La tranche de Jean-Daniel Magnin.

Ix-xogħlijiet preċedenti tagħha jinkludu wkoll ir-rumanz Monsieur René, bijografija immaġinarja tal-attur Belġjan René Hainaux u Saisons culottes amis (Il-Poeżiji ta' Yvette). Fl-2013, in-novella tagħha Skaï ġiet ippubblikata f’Feuillton, antoloġija ta' awturi Belġjani.

Marilyn Dissussata huwa "road-movie" fl-għamla ta' rumanz. Il-karattru ċentrali huwa Marilyn Turkey, li minn dejjem kienet affaxxinata bl-inkontri romantiċi u intimi. X’inhi dik il-ħaġa irrazzjonali li tgħaqqad żewġ ħajjiet flimkien? L-esplorazzjoni ta' Marilyn ma taf ebda limitu, u tfittex li tilħaq ġo kull rokna tal-eżistenza.

Faruk Šehić

Il-Bożnja Ħerzegovina

Knjiga o Uni / Il-Ktieb ta' Una, Buybook d.o.o., 2011

Faruk Šehić twieled fl-1970 f'Bihac. Trabba f'Bosanska Krupa, li dak iż-żmien kienet parti mill-Jugoslavja. Šehić kien qed jistudja l-mediċina veterinarja f’Żagreb meta faqqgħet il-gwerra fl-1992. Kellu 22 sena. Iddeċieda volontarjament li jidħol fl-armata tal-Bożnja Ħerzegovina, fejn kien imexxi unità ta' 130 suldat. Wara l-gwerra studja l-letteratura u, mill-1998, beda joħloq ix-xogħlijiet tiegħu. Il-kritiċi jqisuh bħala wieħed mill-iktar kittieba żgħażagħ ta’ talent fir-reġjun - dawl jiddi tal-hekk imsejħa “knocked-over generation”.

Il-Ktieb ta' Una huwa dwar raġel li qed jipprova jegħleb it-trawma personali li rriżultat mill-gwerra fil-Bożnja Ħerzegovina bejn l-1992 u l-1995. Il-ktieb ikopri tliet perjodi: it-tfulija tiegħu bla ebda nkwiet mgħoddija fejn xmara sabiħa f'belt żgħira tal-Bożnja, iż-żmien tal-gwerra u, fl-aħħar nett, l-isforzi tiegħu biex jgħix ħajja normali f’belt u pajjiż meqrudin. Il-ktieb iddedikat lil dawk li jemmnu fis-setgħa u s-sbuħija tal-ħajja meta jħabbtu wiċċhom mal-mewt u l-qerda tal-massa. B’mod parallel mal-istorja ewlenija, is-siltiet mill-ktieb li jiddeskrivu x-xmara Una jieħdu aspett mitiku u tal-ħolm.

Ċipru

Emilios Solomou

Hμερολóγιο μιας απιστίας / Id-Djarju ta' Infedeltà, Psichogios Publications SA, 2012

Emilios Solomou twieled fl-1971 f’Nikosija u kiber fir-raħal ta’ Potami. Studja l-istorja u l-arkeoloġija fl-Università ta’ Ateni. Studja wkoll il-ġurnaliżmu f’Ċipru u ħadem għal diversi snin f'gazzetta ta' kuljum. Issa jgħallem il-Grieg u l-istorja fi skola sekondarja tal-gvern.

Wieħed mir-rumanzi preċedenti tiegħu, Mannara f’Idejk, rebaħ il-Premju Statali għal-Letteratura ta' Ċipru. Kiteb ukoll ħafna stejjer qosra, li ġew ippubblikati f’rivisti letterarji.

Id-Djarju ta’ Infedeltà huwa rumanz dwar il-ħin, il-qerda, il-memorja u l-imħabba. Yiorgos Doukarelis huwa arkeologu u professur li jmur lura fi gżira 20 sena wara t-tħaffir li jkun għamlu magħruf — is-sejba ta’ mara żagħżugħa tqila li nqatlet 5 000 sena ilu. Meta kien għamel dan il-vjaġġ, ikun qiegħed ikollu x'jaqsam ma’ waħda mill-istudenti tiegħu, Antigoni, li mbagħad jiżżewwiġha wara li jiddivorzja lil martu. Yiorgos jerġa' lura lejn il-gżira sitt xhur wara li Antigoni tisparixxi f'ċirkostanzi misterjużi. Huwa jsib ruħu qed jesplora r-rabtiet sigrieti li jorbtuh mat-tliet nisa f’ħajtu, mill-preżent sal-imgħoddi.

Id-Danimarka

Kristian Bang Foss

Døden kører audi / Il-Mewt Issuq Audi, Gyldendal, 2012

Imwieled fl-1977, Kristian Bang Foss l-ewwel studja l-matematika u l-fiżika fl-università. Iggradwa mill-Akkademja tal-Kittieba Daniżi fl-2003.

L-ewwel rumanz tiegħu Fiskens Vindue (It-Tieqa tal-Ħuta) ġie ppubblikat fl-2004 u impressjona l-kritiċi tiegħu bl-istil u r-rappreżentazzjoni ta’ azzjonijiet u attivitajiet, li mal-ewwel daqqa t'għajn, jidhru mondani. Dan kien segwit minn Stormen i 99, (Il-Maltempata tad-99), storja li sseħħ f'ambjent ta' post tax-xogħol ordinarju li, b’umoriżmu iswed mill-isbaħ, isir l-epiċentru ta' difamazzjoni, logħob ta' poter u varjetà ta’ avvenimenti assurdi.

Døden kører audi / Il-Mewt Issuq Audi huwa bbażat fl-2008.

Asger jgħix mat-tfajla tiegħu u bintha f’Kopenħagen u jaħdem ma' aġenzija tar-reklamar. Il-kriżi tal-kreditu għadha kif bdiet tolqot u, wara li mexxa kampanja b'riżultati katastrofiċi, Asger jitkeċċa. Beda jqatta’ jiemu mimdud fuq is-sufan, jinfexx fl-ikel u l-alkoħol. It-tfajla tiegħu titilqu u jmur jgħix f’appartament f’Sydhavn, fejn jitlef il-kuntatt minn ma’ kulħadd. Sitt xhur wara, isib xogħol jieħu ħsieb il-persuni b’diżabbiltà, u jibda jieħu ħsieb raġel marid jismu Waldemar, li jixtieq jara saħħar fil-Marokk. Asger ikun xettiku, iżda jgħinu jiġbor il-flus għall-vjaġġ. Eventwalment, jibdew vjaġġ bil-karozza mill-Ewropa — u jsibu ruħhom qed jiġu segwiti minn Audi sewda. Hekk kif jaslu dejjem iktar viċin tal-Marokk, il-vjaġġ jinbidel f’tellieqa mal-mewt.

Marica Bodrožić

Il-Ġermanja

Kirschholz und alte Gefühle / Mejda tal-Injam taċ-Ċirasa, Luchterhand Literaturverlag, 2012

Marica Bodrožić twieldet fl-1973 fi Svib, il-Kroazja, dak iż-żmien parti mill-Jugoslavja. Marret tgħix il-Ġermanja meta kellha għaxar snin. Apparti li tikteb is-saġġi, ir-rumanzi u l-poeżiji, Bodrožić hija traduttur letterjarju, tgħallem il-kitba kreattiva, u għamlet ukoll dokumentarju.

Fir-rumanz Mejda tal-Injam taċ-Ċirasa, Arjeta Filipo hija mara żagħżugħa li kellha titlaq minn pajjiżha wara l-gwerra ċivili f’dik li kienet il-Jugoslavja. Hija u tispakkja ssib xi ritratti antiki li jgħinuha tifhem partijiet minn ħajjitha li kienu ilhom midfunin. Arjeta tista' tiddisassoċja ruħha minn ħafna affarijiet, iżda mhux mill-mejda ta' nannitha. Fl-appartament il-ġdid tagħha f’Berlin, bil-qiegħda ma' din il-mejda li wirtet mingħand nannitha, Arjeta tiċċassa lejn ir-ritratti, u l-memorji jibdew telgħin fil-wiċċ: daqslikieku l-mejda tal-injam taċ-ċirasa qed tirrakkonta l-istejjer kollha li rat matul is-snin.

Meelis Friedenthal

Estonja

Mesilased / In-Naħal, AS Varrak, 2012

Meelis Friedenthal, li wkoll twieled fl-1973, huwa l-awtur ta’ teżi għad-dottorat dwar trattat filosofiku teoloġiku tas-seklu tlettax dwar il-ħars u l-viżjoni. Bħalissa huwa riċerkatur anzjan fil-Librerija tal-Università ta' Tartu, fejn ta wkoll lekċers fil-fakultà tat-teoloġija u l-istorja. L-ewwel rumanz ta' Friedenthal, Golden Age, rebaħ it-tielet post f’kompetizzjoni nazzjonali fl-2004. Is-sena ta’ wara, Nerissa rebaħ premju tal-fantaxjenza Estonjan. Huwa wkoll membru tal-bord editorjali tal-webzine Algernon, li jippubblika fantaxjenza, aħbarijiet u artikli.

Mesilased jirrakkonta l-avventuri ta’ Laurentius Hylas, student li jivvjaġġa mill-Università ta’ Leiden lejn l-Akkademja Gustavo-Carolina f’Tartu, il-Livonja.

Tartu għandha reputazzjoni bħala l-belt tal-muża, iżda Laurentius jista’ jara biss nies imutu bil-ġuħ u djar kollhom umdità. Il-melankolija tiegħu tmur għall-agħar u jibża’ li għal darb’oħra se jara l-fatati li ilhom jiġru warajh minn tfulitu. Laurentius jisma’ professur jitkellem dwar it-teoriji mediċinali ta’ Boyle u jieħu l-parir tiegħu ta' fsada moderata biex iħossu aħjar. Sfortunatament, din ma taħdimx u Laurentius iħossu ħażin bit-telf ta’ demm. Fiċ-ċpar tad-dgħufija jara tifla li għandha “għajnejn bħad-deheb, bħall-għasel ismar, nifisha donnu jżanżan”. Din tibda tidher billejl, toffrilu l-ikel u, aktar tard, Laurentius jibda jiskopri li madwaru kienu qed iseħħu affarijiet strambi.

Lidija Dimkovska

L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)

РЕЗЕРВЕН ЖИВОТ / Ħajja ta' Riżerva, Ili-Ili, 2012

Lidija Dimkovska twieldet fl-1971 fi Skopje. Hija poeta, rumanziera, saġġista u wkoll traduttur. Studjat il-letteratura komparattiva fl-Università ta’ Skopje u għandha dottorat fil-letteratura Rumena mill-Università ta’ Bukarest. Għallmet dwar il-lingwa u l-letteratura nattiva tagħha f’Bukarest, u dwar il-letteratura dinjija fl-Università ta’ Nova Gorica, is-Slovenja. Fl-2001 bdiet tgħix f'Ljubljana, is-Slovenja, fejn taħdem bħala kittieba freelance u tradduttur tal-letteratura Rumena u Slovena għall-Maċedon. Dimkovska teditja l-poeżiji għal Blesok, rivista letterarja onlajn, bil-Maċedon u l-Ingliż.

Ħajja ta’ Riżerva huwa dwar żewġ tewmin Sjamiżi, Srebra u Zlata, u l-ġlieda tagħhom għall-individwalità, il-privatezza u ħajja għalihom infushom. L-istorja tirrakkontaha Zlata u tibda fl-1984, f'waranofsinhar suburban f'Ġunju fi Skopje; u tintemm fit-18 ta’ Awwissu 2012, fl-istess post eżatt. Il-karattri jilagħbu logħba tat-tbassir tal-futur sabiex jiddeċiedu min se jiżżewweġ lil min, f’liema età eċċ. Aktar tard fir-rumanz, il-profeziji jseħħu, iżda b’mod traġiku. Fil-bidu, Srebra u Zlata jilagħbu l-logħba; fl-aħħar, din tkun tat-tfal bniet ta' Zlata, Marta u Marija, li wkoll huma tewmin. Iċ-ċirku huwa komplut — 28 snin ta' ħajja, tkabbir, tbatija, imħabba u mibegħda. Id-dlam marbut mas-separazzjoni tat-tewmin sjamiżi japplika wkoll għax-xoljiment tar-Repubbliki Jugożlavi.

Katri Lipson

Il-Finlandja

Jäätelökauppias / Ir-Raġel li Jbiegħ il-Ġelat, Tammi Publishers, 2012

Katri Lipson twieldet f’Ħelsinki fl-1965. Wara l-iskola sekondarja, studjat il-mediċina fl-Iżvezja u ggradwat mill-Iskola Medika tal-Università ta' Uppsala fl-1993. Minn dakinhar, ħadmet bħala tabib fl-Iżvezja, l-Afrika u l-Finlandja. Minn dejjem kienet tikteb, fosthom stejjer tas-sħarijiet, novelli, poeżiji, drammi u rumanzi. L-ewwel rumanz tagħha, Kosmonawta (Kosmonautti), ġie nominat għall-Premju Finlandia fl-2008 u rebaħ il-Premju Helsingin Sanomat Debut Book of the Year. It-tieni wieħed, Jäätelökauppias (Ir-Raġel li Jbiegħ il-Ġelat), ġie ppubblikat fl-2012. Hija tgħix mal-familja tagħha f'Vantaa, il-Finlandja.

Jäätelökauppias hija storja ħelwa u affaxxinanti, l-aktar ibbażata fiċ-Ċekoslovakkja tal-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet, iżda tasal ukoll sal-ġurnata tal-lum. Ekwipaġġ tal-films qed jaħdem film ġdid. Id-direttur irid jaħdem mingħajr skript. Il-film isir f’ordni kronoloġika sabiex l-atturi ma jkunux jistgħu jaqtgħu d-destin tal-karattri tagħhom. Ikunu qed jirrappreżentaw u jgħixu l-ħajja tal-karattri tagħhom fl-istess ħin — iżda l-ħajja ta’ dawn il-karattri fittizji tista’ ssir iktar reali mir-realtà nnifisha? U x’inhi, wara kollox, id-differenza bejn l-esperjenzi reali u dawk ivvintati jew fittizji? F’dan ir-rumanz, il-ħajja tidher bħala ġabra ta' dettalji u stejjer, u l-istorja tagħmel djalogu affaxxinati mal-preżent.

Tullio Forgiarini

Lussemburgu

Amok – Eng Lëtzebuerger Liebeschronik / Amok – Storja tal-Imħabba tal-Lussemburgu, Éditions Guy Binsfeld, 2011

Tullio Forgiarini twieled fl-1966 f’Neudorf, il-Lussemburgu, minn missier Taljan u omm Lussemburgiża. Studja l-istorja fil-Lussemburgu u Strasburgu. Mill-1989, beda jgħallem l-istorja, il-Latin u l-ġeografija fil-Lycée du Nord f’Wiltz, il-Lussemburgu. Involut ħafna wkoll mat-tfal li ġejjin minn sfondi soċjali diffiċli. Forgiarini jikteb stejjer oskuri, l-aktar bil-Franċiż u ispirati mir-rumanzi u l-films noir. Ix-xogħol tiegħu ġie ppubblikat fil-gazzetti, ir-rivisti u l-antoloġiji u huwa l-awtur ta’ diversi rumanzi. Miżżewweġ u jgħix il-Lussemburgu.

Fi 17-il kapitlu qasir, Amok jirrakkonta l-istorja ta' adoloxxenti, huwa u jfittex l-imħabba, ir-rikonoxximent, il-ferħ u postu fis-soċjetà tal-lum. Frekwentement bl-użu ta’ lingwaġġ baxx, il-ktieb jirrifletti b’mod konvinċenti l-iżolament soċjali, it-traskuraġni, in-nuqqas ta’ perspettiva, id-disordnijiet fl-imġiba u l-vjolenza bla sens li jeżistu llum. Jesplora r-realtajiet ta’ kuljum li ħafna drabi jkunu assenti mill-midja u d-diskors pubbliku. Il-qarrej jiddeffes fid-dinjiet tal-ħolm immaġinarji u mfasslin b'mod inġenjuż tal-protagonist li jirrappreżentaw it-tentattivi tiegħu biex jaħrab ir-realtà li ma tistax tiġi kkontrollata.

Ioana Pârvulescu

Ir-Rumanija

Viaţa începe vineri / Il-Ħajja Tibda nhar ta' Ġimgħa, Humanitas Publishing, 2009

Imwielda f’Braşov fl-1960, Ioana Pârvulescu ggradwat mill-Fakultà tal-Ittri fl-Università ta’ Bukarest fl-1983. Mill-1996 'l hawn, għallmet il-letteratura moderna fl-istess fakultà, u fl-1999 ħadet id-dottorat bit-teżi Preġudizzji Letterarji: Għażliet Komdi fl-Interpretazzjoni tal-Letteratura Rumena. Ikkoordinat is-sensiela Cartea de pe noptieră (Il-Ktieb ta' Ħdejn is-Sodda) fil-Humanitas Publishing House u ħadmet bħala editur tal-ġurnal letterarju România literară. Hija membru tal-Unjoni tal-Kittieba Rumeni u membru fundatur tal-Għaqda tal-Letteratura Komparattiva fir-Rumanija.

Il-Ħajja Tibda nhar ta' Ġimgħa huwa vjaġġ uniku u affaxxinanti fiż-żminijiet mgħoddija. Żagħżugħ jinstab mitluf minn sensih fil-periferija ta’ Bukarest. Ħadd ma jaf min hu u kulħadd għandu teorija differenti dwar kif spiċċa hemmhekk. L-istejjer tal-karattri differenti jiżviluppaw, kull waħda minsuġa ma' li jmiss, u jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ dak li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta l-aktar karattru importanti: il-belt ta’ Bukarest innifisha. Fil-fatt, nistgħu ngħidu li aħna ngħixu fil-futur tagħhom. U hekk jagħmel ukoll Dan Creţu, alias Dan Kretzu, ġurnalista tal-lum li b'xi mod spiċċa mar lura fiż-żmien bi proċess misterjuż għal biżżejjed ħin eżatt biex jippermettielna ħarsa sabiħa f’dinja remota, kważi minsija, iżda li xorta waħda għadha ħajja ferm fi qlubna.

Is-Slovenja

Gabriela Babnik

Sušna doba / L-Istaġun tan-Nixfa, Študenstska Založba, 2012

Gabriela Babnik twieldet fl-1979 f’Göppingen, il-Ġermanja. Wara l-istudji tagħha fl-Università ta' Ljubljana, qattgħet xi żmien in-Niġerja u għamlet Masters dwar ir-rumanz modern Niġerjan . Mill-2002 l'hawn, ikkontribwiet regolarment artikoli lil pubblikazzjonijiet kbar kwotidjani u ta’ kull ġimgħa fis-Slovenja. Fl-2005, Babnik iggradwat fil-letteratura komparattiva u t-teorija letterarja fl-Università ta’ Ljubljana.

L-ewwel rumanz tagħha Koža iz bombaža (Ġilda tal-Qoton), ippubblikat fl-2007, ingħata l-Premju tal-Aħjar l-Ewwel Rumanz mill-Unjoni tal-Pubblikaturi Sloveni. It-tieni rumanz tagħha V visoki travi (Fil-Ħaxix Twil) ġie magħżul għall-Premju Kresnik fl-2010.

L-Istaġun tan-Nixfa huwa storja dwar imħabba mhux tas-soltu. Anna hija disinjatur ta' 62 sena mill-Ewropa Ċentrali u Ismael huwa Afrikan ta' 27 sena li trabba' fit-triq, fejn spiss kien il-vittma ta’ abbuż. Dak li jgħaqqadhom huwa s-solitudni tagħhom, it-tfulija traġika li kellhom u l-istaġun tan-nixfa jew il-Harmattan, li matulu la n-natura u lanqas l-imħabba ma tista' tiffjorixxi. Anna malajr tirrealizza li l-vojt bejniethom mhux verament ir-riżultat tal-kulur tal-ġilda tagħhom jew tad-differenza fl-età, iżda prinċipalment minħabba li hi ġejja mill-kultura tal-Punent fejn tilfet jew abbandunat ir-rwoli predeterminati ta' bint, mara u omm. Is-sess ma jneħħix is-solitudni u s-sigrieti midfunin tal-passat jitfaċċaw f'dinja li għaliha hija iktar kattiva u, fl-istess ħin, iktar innoċenti, minn tagħha.

Cristian Crusat

Spanja

Breve teoría del viaje y el desierto / Teorija Qasira tal-Ivvjaġġar u d-Deżert, Editoriales

Pre-Textos, 2011

Cristian Crusat, li twieled fl-1983 huwa l-awtur ta' Estatuas (2006), Tranquilos en tiempo de guerra (2010) u Breve teoría del viaje y el desierto (2011). Fl-2010, ingħata l-Premju Internazzjonali Manuel Llano. Is-saġġi, it-traduzzjonijiet u l-artikli tiegħu dwar il-letteratura komparattiva ġew ippubblikati f'firxa wiesa' ta' ġurnali ta' Spanja u l-Amerika Latina. Fl-2012, Crusat kien l-editur u t-traduttur ta' El deseo de lo único. Teoría de la ficción, il-komponimenti kritiċi tal-kittieb Franċiż Marcel Schwob. Crusat jgħallem l-Ispanjol u l-letteratura barra l-pajjiż.

Is-sitt stejjer ta’ Breve teoría del vjaġġar y el desierto jikkontemplaw il-firxa sħiħa tal-esperjenza umana. Dawn jeħduna fuq vjaġġ madwar id-dinja, mill-pajsaġġi nexfin tal-kosta Mediterranja għax-xogħol tal-kittieb brillanti Serb, Milorad Pavić. Il-karattri kollha qed jistennew, qed ifittxu, jew qed jesploraw il-possibbiltà ta’ revelazzjoni li qatt ma titfaċċa fil-preżent imtarrax tagħhom. U madankollu, paradossalment, dawn jidhru li mhumiex kapaċi jieħdu xi tip ta’ azzjoni effettiva, bl-eċċezzjoni possibbli ta’ Lena, li tikteb mid-dinja surreali tal-ħolm. Madankollu, id-destin jew sempliċiment il-fortuna (inċident irrilevanti, xi ħadd iħossu ħażin fuq bajja tan-nudisti, ħabta ta' ajruplan li qatt ma ġrat tabilħaqq) jistgħu f'sekonda jiżvelaw in-natura vera tal-iżolament ta' karattru.

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site