Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-5 ta' Frar 2013

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur 2013: "Uża l-Internet b'Rispett"

Fil-5 ta' Frar, fil-Jum għal Internet Aktar Sikur 2013, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-ħidma konġunta bejn il-kumpaniji tal-midja, tat-teknoloġija, tat-telekomunikazzjoni u dawk online li ilha għaddejja minn meta f'Diċembru 2011 impenjaw ruħhom li l-internet jagħmluh ambjent aħjar għat-tfal u aktar sikur għalihom (ara l-IP/11/1485).

Id-29 kumpanija ewlenija li qed jieħdu sehem f'dan l-eżerċizzju awtoregolatorju ħabbru kif flimkien se jkunu qed joħolqu punt ta' riferiment għall-ħarsien tat-tfal online. Minħabba li impenjaw ruħhom, it-tagħmir kollu (inklużi l-ismartphones, it-tablets, il-kompjuters u l-konsols tal-logħob) jista' jkun mgħammar b'għodod għall-kontroll mill-ġenituri u bi skrin li jkun fih għodod sempliċi biex l-utenti jkunu jistgħu jirrappurtaw kontenut jew kuntatti dannużi. L-industrija qed taħdem biex tiżgura li l-ġenituri jkunu konxji minn dawn l-għodod u jużawhom. Barra minn hekk, instabu l-aqwa prattiċi fejn jidħlu l-konfigurazzjonijiet tal-privatezza li jkunu addattati skont l-età u t-tneħħija effettiva ta' matarjal li juri abbuż fuq it-tfal. L-impenji li ngħataw għal għodod teknoloġiċi li jippromwovu użu usa' tal-klassifikazzjoni tal-kontenut huma wkoll promettenti ħafna. L-impenji se jitwettqu matul l-2013.

L-età medja tat-tfal fl-Ewropa li jużaw l-internet għall-ewwel darba hija seba' snin. Il-Jum għal Internet Aktar Sikur 2013 huwa dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet online, sabiex iħeġġeġ lin-nies online ta' kull età "Jużaw l-Internet b'Rispett". Qed jiġu organizzati avvenimenti fl-UE u mad-dinja kollha, u mill-2014 l-UE u l-Istati Uniti se jfakkru l-Jum għal Internet Aktar Sikur fl-istess ġurnata.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet "Jien tassew kuntenta li dawn il-kumpaniji ewlenin wieġbu għas-sejħa u ħadmu id f'id fis-setturi kollha biex jagħtu riżultati konkreti. Il-ħarsien tat-tfal għandu jingħata l-attenzjoni fil-livell ta' Bord. Hemm bżonn isir aktar. Jien ħerqana għat-twettiq matul l-2013 u biex nara li jinstab punt ta' riferiment ġdid fl-industrija online: il-ħarsien tat-tfal b'mod awtomatiku".

Id-dikjarazzjonijiet tal-kumpaniji li ġew ippubblikati llum fuq is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali juru li l-koalizzjoni ħadmet għal titjib kontret għat-tfal:

Bil-mod il-mod, l-għodod li jirrappurtaw l-abbuż u l-ibbulijar online qed isiru universali. Uħud mill-kumpaniji qed imorru lil hinn u qed jikkoperaw mal-hotlines, ngħidu aħna ma' Telefónica, Vodafone, Meldknop tal-KPN jew applikazzjonijiet bħal SecondFriend li hemm fuq Google. Il-Facebook żviluppa l-Pannell tal-Appoġġ li bih il-persunal ikun jista' jsegwi aħjar ir-rapporti dwar abbuż jew kontenut li jikser l-istandards tal-komunità tal-Facebook, filwaqt li l-utenti jkunu jistgħu jaraw x'azzjoni qed tittieħed bħala tweġiba.

L-għodod għall-kontroll mill-ġenituri issa jistgħu jinstabu f'aktar prodotti (kompjuters, tablets, smartphones, tagħmir tal-logħob, kif ukoll settijiet tat-televixin imqabbdin flimkien) u servizzi, u se joħorġu aktar matul l-2013. Pereżempju France Telecom qed tiżviluppa għodda għat-tablets u l-ismartphones, u l-kontroll mill-ġenituri se jkun fit-tagħmir mobbli kollu tal-LG minn April ta' din is-sena. Studju tal-Kummissjoni jikkonferma din id-disponibbiltà usa' iżda jinnota li, għalkemm l-għodod huma siewja biex jitwaqqaf il-materjal pornografu, il-progress li sar biex jitwaqqaf il-kontenut vjolenti, il-kontenut razzista jew kontenut ieħor dannuż huwa limitat. Xi kumpaniji diġà qed jagħtu informazzjoni dwar l-għodod tagħhom jew qed jimplimentawhom b'għażla attiva jew b'mod awtomatiku (il-Microsoft jew in-Nintendo). Kumpaniji bħal France Telecom, il-Mediaset, TeliaSonera, Tuenti u Telecom Italia qed jippjanaw ukoll kampanji ta' informazzjoni għall-ġenituri.

Il-klassifikazzjonijiet tal-kontenut għall-apps, il-vidjows u l-films online issa qed jintużaw ħafna u dawn jissejsu fuq is-sistemi tal-klassifikazzjoni tal-kumpaniji stess, jew fuq dawk tal-korpi nazzjonali u internazzjonali. Matul l-2013 se tkun qed titħaddem taskforce teknika li tkun tinvolvi kumpaniji (inklużi d-Deutsche Telekom, il-Mediaset, in-Nokia, Opera, Orange, RIM, Telefónica, Vodafone), aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kontenut u esperti tekniċi ħalli tallinja s-sistemi tal-kontenut u tiżgura li t-tagħmir ikun jista' jagħraf il-klassifikazzjoni tal-materjal skont l-età.

Il-koalizzjoni ddefinixxiet u kkondiviet l-aqwa prattiċi għall-konfigurazzjonijiet tal-privatezza skont l-età. Il-kumpaniji kollha qed jagħtu tagħrif aġġornat dwar il-konfigurazzjonijiet tal-privatezza tagħhom li dalwaqt li se nkunu nistgħu nfittxuhom, ħalli l-ġenituri, l-għalliema u t-tfal ikunu jistgħu jiddeċiedu aħjar dwar il-privatezza tagħhom online. Il-kumpaniji ntrabtu wkoll li jagħmlu disponibbli l-konfigurazzjonijiet tal-privatezza skont l-età u li jagħtu informazzjoni ċara u li tista' tinftiehem b'lingwaġġ li huwa xieraq għat-tfal u ż-żgħażagħ.

L-industrija hija ċara dwar x'tagħmel biex tneħħi l-materjal li juri abbuż sesswali fuq it-tfal qabel ma dan jiġi rrappurtat, u biex tneħħi materjal offensiv. Din hija impenjata li ttejjeb id-djalogu u r-rabtiet mal-hotlines tal-abbuż fuq it-tfal u mal-korpi tal-infurzar tal-liġi. Fl-2012 il-hotlines biex ikun rappurtat materjal dwar l-abbuż sesswali saru aktar effiċjenti fil-monitoraġġ tan-notifika u tal-proċess tat-tneħħija. Il-korpi tal-infurzar tal-liġi wieġbu aktar malajr f'pajjiżi ospitanti maġġuri.

Fl-2013, il-Kummissjoni se taħdem aktar biex tappoġġa l-koalizzjoni u l-membri individwali tagħha billi

  • Toħloq pjattaforma ta' Responsabbiltà Korporattiva biex tissorvelja r-riżultati tal-koalizzjoni u biex tgħaqqadha ma' fergħat awtoregolatorji oħra.

  • Tappoġġa l-iżvilupp ta' buttuni li jfittxu rapporti u links għal helplines. Tiffinanzja ż-żamma ta' bażi tad-dejta bil-konfigurazzjonijiet tal-privatezza għat-tfal immexxi minn Ċentri tal-Internet Aktar Sikur (permezz tal-Programm eżistenti għal Internet Aktar Sikur, u fis-servizzi diġitali proposti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)).

  • Tagħti appoġġ lir-riċerka u l-innovazzjoni tal-industrija dwar l-interoperabbiltà tal-iskemi tal-klassifikazzjoni tal-kontenut (mill-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u Orizzont 2020)

  • Tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi li jagħrfu l-età, u li jibnu fuq il-possibbiltajiet tekniċi tal-karti tal-identità elettroniċi rikonoxxibbli mifruxin mal-UE, kif jippermetti l-abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar l-ID elettronika.

  • Tinvesti fir-riċerka dwar l-għodod u t-teknoloġiji biex jinqabad kontenut ta' abbuż għat-tfal (f'Orizzont 2020).

Is-sikurezza online tat-tfal hija impenn ewlieni li żżomm l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u hija parti importanti mill-isforzi usa' tal-Kummissjoni biex tiżgura l-fiduċja u s-sikurezza online. Fil-jiem li ġejjin, il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u proposta leġiżlattiva dwar is-Sikurezza fin-Netwerk u tal-Informazzjoni biex tiżgura ambjent diġitali sikur u li tista' tafdah filwaqt li tippromwovi u tħares id-drittijiet fundamentali u l-valuri ċentrali tal-UE.

Kuntest

Fit-2 ta' Mejju 2012 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni għal "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal" li tenfasizza azzjonijiet imsejsa fuq erba' għanijiet ewlenin.

Minn fost it-tfal ta' bejn id-9 u t-12-il sena li jkunu online, 38% qalu li għandhom profil fuq in-netwerk soċjali, minkejja r-restrizzjonijiet tal-età. Aktar minn 30% tat-tfal li jkunu online jidħlu mill-mowbajl u 26% permezz tal-konsols tal-logħob. Erbgħa minn kull għaxart itfal irrappurtaw li ltaqgħu ma' riskji online bħalma huma l-ibbulijar fuq l-internet, li kienu esposti għal kontenut iġġenerat mill-utent li jippromwovi l-anoreksja, nies li jweġġgħu lilhom infushom u l-użu ħażin tad-dejta personali tagħhom.

Il-membri tal-Koalizzjoni

Apple

LG Electronics

Stardoll

BSkyB

Mediaset

Sulake

BT

Microsoft

Telefónica

Dailymotion

Netlog*

TeliaSonera

Deutsche Telekom

Nintendo

Telecom Italia

Facebook

Nokia

Telenor Group

France Telecom-Orange

Opera Software

Tuenti

Google

Research in Motion

Vivendi

Hyves

RTL Group

Vodafone

KPN

Samsung

Liberty Global*

Skyrock

*għadha ma rrappurtatx progress konkret

Links siewja

Internet Aktar Sikur:

http://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/9565Links għad-dikjarazzjonijiet tal-kumpaniji u dokumenti ewlenin oħra

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

http://www.saferinternetday.org

Hashtags fuq Twitter: #SID2013 u #betterinternet4kids

Kuntatti:

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website