Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Settembru 2013

EUR660 miljun ta' finanzjament mill-UE għar-riċerkaturi ewlenin

L-esplorazzjoni tal-limiti tal-ħajja fuq Mars, l-iżvilupp ta' virus li jaġixxi kontra ċ-ċelluli tal-kanser, u l-użu tal-fotonika biex tinġab lura l-vista tal-pazjenti bil-katarretti. L-isfidi soċjali bħat-tixjiħ tal-popolazzjonijiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jew l-inugwaljanza fis-soċjetajiet kapitalisti. Dawn huma biss uħud mill-kwistjonijiet li qegħdin jiġu studjati mill-284 xjenzjat li se jirċievu EUR660 miljun fl-aħħar eżerċizzju ta' finanzjament mill-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC).

Fis-sitt għall-Għotjiet Avvanzati, li kienet l-aktar waħda riċenti u fi ħdan is-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka (FP7), il-KER se jipprovdi għotjiet individwali li jistgħu jiswew sa EUR3.5 miljun il-waħda. Dan il-finanzjament, wieħed mill-aktar premji prestiġġużi fid-dinja tar-riċerka xjentifika, se jippermetti li riċerkaturi anzjani stabbiliti jkunu jistgħu jsegwu linji ta' riċerka għal qalbhom, li forsi mhumiex daqshekk prattiċi jew ta' profitt finanzjarju. Is-sejħa li jmiss għall-applikazzjonijiet għall-Għotjiet Avvanzati se tkun l-ewwel waħda fi ħdan il-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020.

Il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Il-KER jiffinanzja l-aqwa riċerkaturi, u fl-Ewropa għandna bżonnu dan it-talent. Il-kreattività u x-xogħol bieżel tagħhom joħloq għarfien li huwa fih innifsu prezzjuż, iżda li ħafna drabi jkollu impatt pożittiv fuq is-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Għalhekk, il-baġit tal-KER se jingħata spinta finanzjarja kbira fi ħdan l-Orizzont 2020."

F'din is-sejħa, il-kandidati li rnexxielhom jirbħu għotja huma ta' 27 nazzjonalità differenti – l-aktar numerużi fost il-kandidati li ntgħażlu huma l-Brittanniċi, il-Ġermaniżi, il-Franċiżi, l-Olandiżi u t-Taljani. Ir-rebbieħa tal-għotjiet huma bbażati f'madwar 150 istituzzjoni mxerrdin ma' 18-il pajjiż fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

Għal din il-kompetizzjoni speċifika, tressqu lill-KER ftit 'il fuq minn 2,400 applikazzjoni; din kienet żieda żgħira ta' 4.5% fuq tas-sena li għaddiet. Bis-saħħa tal-għotjiet tal-KER, ix-xjenzjati li jintgħażlu f'din is-sejħa se jkunu jistgħu jgħaqqdu t-timijiet tar-riċerka huma stess, u jimpjegaw madwar 1,200 xjenzjat fil-livell postdottorali u studenti tal-PhD bħala membri tat-timijiet tal-KER.

L-Għotjiet Avvanzati jingħataw lil riċerkaturi ewlenin ta' kull nazzjonalità u età, li jkunu stabbiliti sew u xjentifikament indipendenti, b'rekord riċenti fir-riċerka u profil li jidentifikahom bħala xjenzati minn ta' quddiem fl-oqsma tar-riċerka rispettivi tagħhom. Il-KER jiffinanzja wkoll lil riċerkaturi ewlenin li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom (Għotjiet ta' Bidu tal-KER) u xjenzjati eċċellenti li jkunu diġà indipendenti (Għotjiet ta' Konsolidazzjoni tal-KER).

Kompli aqra dwar l-eżempji tal-proġett.

Kuntest

L-għotjiet tal-KER huma mmirati għal riċerkaturi ewlenin ta' kwalunkwe nazzjonalità li jkunu bbażati, jew lesti li jmorru jaħdmu fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) (magħmula mill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħrajn assoċjati mal-programmi ta' riċerka tal-UE). Billi huma l-akbar Stati Membri tal-UE, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza għandhom l-akbar għadd assolut ta' riċerkaturi li ntgħażlu f'din is-sejħa. Bi proporzjon mad-daqs tal-popolazzjonijiet, il-Pajjiżi Baxxi, ir-Renju Unit, il-Finlandja u d-Danimarka (fost il-pajjiżi tal-UE), u l-Iżvizzera u l-Iżrael (fost il-pajjiżi assoċjati mal-programm ta' riċerka tal-UE), għandhom l-akbar għadd ta' kandidati li ntgħażlu f'din is-sejħa.

Ir-rata ta' suċċess ġenerali ta' din is-sejħa hija ta' kważi 12%. Il-proporzjon ta' nisa li ntgħażlu għall-għotjiet din id-darba huwa kemm kemm aktar minn 13%, u dan jirrifletti n-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet għoljin fir-riċerka. L-età medja tar-riċerkaturi li se jirċievu l-fondi hija ta' 53 sena.

F'din is-sejħa, 45% tal-proposti magħżulin jikkonċernaw il-qasam tax-"Xjenza Fiżika u l-Inġinerija", 36% dak tax-"Xjenzi tal-Ħajja" u 18% dak tax-"Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi". Dawk li bbenefikaw mill-għotjiet intgħażlu abbażi ta' evalwazzjoni bejn il-pari li saret minn 25 bord magħmulin minn xjenzati magħrufa minn madwar id-dinja. Għal aktar tagħrif ara l-istatistika.

Il-Kunsill għar-Riċerka Ewropea, li twaqqaf fl-2007 mill-UE, huwa l-ewwel organizzazzjoni pan-Ewropea ta' finanzjament għal-eċċellenza fir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien. Il-KER, li huwa l-aktar komponent ġdid tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka tal-UE (il-Programm Speċifiku "Ideat"), għandu baġit totali ta' EUR7.5 biljun għall-perjodu ta' żmien bejn l-2007 u l-2013. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li, fil-programm qafas ġdid "Orizzont 2020" (2014-2020), iżżid il-baġit tal-KER b'mod sinifikanti.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt tal-KER:

http://erc.europa.eu

Stqarrija għall-istampa tal-KER:

http://erc.europa.eu/sites/default/files/press_release/files/press_release_adg2013_results.pdf

Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martinez Garcia (+32 2 298 73 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site