Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Settembru 2013

Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK): Intlaħaq ftehim politiku dwar l-aħħar punti li kien fadal

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea l-lejla waslu għal ftehim politiku fuq l-għadd żgħir ta' kwistjonijiet li kien għad fadal dwar ir-rifoma tal-PAK (fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-2014-2020) wara li ntlaħaq ftehim politiku fis-26 ta' Ġunju dwar ir-riforma (ara IP/13/613 u MEMO/13/621).

"Wara li f'Ġunju qbilna dwar il-biċċa l-kbira tal-pakkett ta' riforma tal-PAK, bi pjaċir kbir nista' ngħid li issa rnexxielna niffinalizzaw ir-riforma kollha," qal dal-lejl il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikultura Dacian Cioloș. "Nixtieq nirrikonoxxi l-mod kif il-Ministri u l-Membri tal-Parlament Ewropew irnexxielhom jaslu għal kompromess li jirrispetta l-proċess ta' kodeċiżjoni, dwar dawn il-kwistjonijiet. Wara l-ftehim tal-lejla nispera li nkunu nistgħu naslu malajr għal votazzjoni formali fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, li tkun tippermetti, qabel tmiem din is-sena, l-adozzjoni tat-testi leġiżlattivi u l-arranġamenti għat-tranżizzjoni fl-2014, biex jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014. Dan huwa importanti għall-bdiewa Ewropej, għax b'hekk ikollhom aktar ċertezza dwar is-sena li ġejja."

Il-ftehim tal-lejla, li jiddependi fuq l-approvazzjoni formali taż-żewġ Istituzzjonijiet, u fuq l-adozzjoni tal-atti legali dwar il-baġit ġenerali tal-UE għas-snin 2014 sa 2020, huwa l-parti finali ta' ftehim ġenerali li jagħti direzzjoni ġdida lill-Politika Agrikola Komuni biex tqies aħjar l-aspettattivi tas-soċjetà.

L-aspetti ewlenin tal-ftehim li sar illum jidhru hawn taħt. Huma addizzjonali għall-ftehim ta' Ġunju - ara MEMO/13/621. (Dalwaqt se tiġi ppubblikata verżjoni kkonsolidata tal-memo, li tkopri l-pakkett sħiħ tar-riforma.)

Pagamenti diretti

"Limiti massimi" u "Digressività" Intlaħaq ftehim dwar id-"digressività" obbligatorja, u l-"limiti massimi" volontarji. Fil-prattika, dan ifisser li l-ammont ta' għajnuna f'Pagament Dirett li jirċievu individwalment l-impriżi agrikoli u tat-trobbija tal-annimali [li ma jinkludix il-pagamenti għal approċċi aktar ekoloġiċi], jitnaqqas b'mill-inqas 5% fuq ammonti li jaqbżu l-EUR150 000. Biex jitqiesu l-ispejjeż tal-impjiegi, dawn jistgħu jitnaqqsu qabel ma jsir il-kalkolu. It-tnaqqis tal-5% ma japplikax fi Stati Membri li jużaw is-sistema ta' "pagament ridistributtiv" fejn jinżammu 5% tal-pagament sħiħ nazzjonali biex jiġu ridistribwiti fuq l-ewwel ftit ettari ta' kull azjenda. NB Il-fondi "ffrankati" b'dan il-mekkaniżmu jibqgħu fl-Istat Membru/reġjun ikkonċernat u jiġu ttrasferiti lill-pakkett tal-Iżvilupp Rurali rispettiv, u jistgħu jintużaw għal miżuri li ma jeħtiġux kofinanzjament.

Konverġenza esterna: Il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti f'kull Stat Membru se jiġu aġġustati progressivament biex f'dawk l-Istati Membri fejn il-pagament medju (f'EUR għal kull ettaru) fil-preżent huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE, ikun hemm żieda gradwali (b'terz tad-differenza bejn ir-rata kurrenti tagħhom u 90% tal-medja tal-UE). Barra minn hekk, hemm il-garanzija li sal-2019 kull Stat Membru jkun wasal għal livell minimu. L-ammonti disponibbli għall-Istati Membri l-oħra li jirċievu ammonti li jaqbżju l-medja, se jiġu aġġustati skont dan.

Trasferiment ta' fondi bejn il-Pilastri: L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu sa 15% tal-pakkett nazzjonali tagħhom għal Pagamenti Diretti (l-ewwel Pilastru) lill-pakkett tagħhom tal-Iżvilupp Rurali; Dawn l-ammonti ma jkollhomx bżonn ta' kofinanzjament. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-għażla li jittrasferixxu sa 15% tal-pakkett nazzjonali tagħhom għall-Iżvilupp Rurali lill-pakkett tagħhom tal-Pagamenti Diretti, jew sa 25% għal dawk l-Istati Membri li jirċievu inqas minn 90% tal-medja tal-UE għall-pagamenti diretti

Żvilupp Rurali

Allokazzjonijiet nazzjonali: L-allokazzjonijiet għall-Iżvilupp Rurali għal kull Stat Membru huma inklużi fir-Regolament Bażiku, iżda bil-possibbiltà li dawn l-ammonti jiġu aġġustati permezz ta' Att Delegat, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet tekniċi, jew jiġu previsti f'Att Leġiżlattiv.

Ir-rati tal-kofinanzjament: Għall-biċċa l-kbira tal-pagamenti, il-massimu tar-rati ta’ kofinanzjament tal-UE se jkunu sa 85% fir-reġjuni inqas żviluppati, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-gżejjer minuri tal-Eġew; 75% għal reġjuni ta' tranżizzjoni; 63% għal reġjuni oħrajn ta' tranżizzjoni, u 53% għal reġjuni oħra. Iżda jistgħu jkunu ogħla għall-miżuri li jappoġġaw it-trasferiment tal-għarfien; il-kooperazzjoni; it-twaqqif ta’ gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet; u l-għotjiet biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jibdew l-azjendi tagħhom, kif ukoll għal proġetti LEADER u għall-infiq marbut mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima skont il-miżuri varji.

Aktar tagħrif

IP/13/613

MEMO/13/621

Kuntatti:

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Roger Waite (+32 2 296 14 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website