Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Settembru 2013

Mingħajr bażi industrijali b’saħħitha, l-ekonomija tal-Ewropa ma tistax tirnexxi

Filwaqt li l-prestazzjoni industrijali stablizzat ruħha, is-sehem tal-industrija fil-PGD tal-Ewropa naqas minn 15.5 % tal-PGD sena ilu għal 15 % fis-sajf tal-2013. Iż-żewġ rapporti dwar il-Kompetittività industrijali ppubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea juru biċ-ċar li l-Istati Membri għamlu progress fit-titjib tal-ambjent tan-negozju, l-esportazzjonijiet u s-sostenibbiltà. Madankollu, għad hemm ħafna problemi. Il-konverġenza bejn il-pajjiżi industrijalment l-aktar kompetittivi u l-atturi moderati waqfet. Barra minn hekk, l-ispiża tal-enerġija, li qiegħda togħla fi kważi l-Istati Membri kollha, qiegħda tikkontribwixxi għad-diżindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa. Hemm ukoll ostakli kbar bħalma huma l-aċċess għall-finanzi u tnaqqis fl-investiment fi kważi l-Istati Membri kollha. Biex l-industrija Ewropea terġa' tibda tiffjorixxi, hemm bżonn li l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika titjieb b'mod sinifikanti kif ukoll tittejjeb ir-rabta bejn l-iskejjel u l-kumpaniji. Għandhom isiru aktar sforzi biex titkabbar l-innovazzjoni qrib is-suq.

Ewropa 2020 hu qafas għat-tkabbir fl-UE. Il-Kummissjoni konsistentement ressqet inizjattivi fl-oqsma varji biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. Il-Viċi President Antonio Tajani llum enfasizza li l-Ewropea għandha bżonn bażi industrijali b’saħħitha biex tilħaq il-miri tal-Ewropa 2020. Il-manifattura għandha effetti konsegwenzjali qawwija fuq il-bqija tal-ekonomija u speċjalment fuq il-produttività ġenerali. 80 % tal-innovazzjoni privata, tliet kwarti tal-esportazzjoni u sehem sostanzjali tal-ħolqien tal-impjiegi ġejjin mill-industrija.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: “Għadna ‘l bogħod mill-mira ta’ 20 % għall-2020 kif proposta mill-Kummissjoni fl-2012. Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex ikunu indirizzati l-prezzijiet għolja tal-enerġija, l-aċċess diffiċli għall-kreditu, it-tnaqqis fl-investimenti, in-nuqqas ta’ ħiliet, u l-burokrazija żejda. U aktar tard din is-sena, fil-ħarifa, se nippreżentaw inizjattiva industrijali biex isir aktar u biex tissaħħaħ l-azzjoni f'dan il-qasam. Dan għandu jkun ta' katalizzatur fid-dawl tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2014 sabiex jissaħħu b’mod sinifikanti t-tkabbir u d-dimensjoni tal-kompetittività għall-industrija. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-kontribuzzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew fil-ftit ġimgħat li ġejjin."

L-istat tal-industrija Ewropea

Hemm żviluppi inkwetanti f’żewġ oqsma essenzjali għal kwalunkwe ekonomija: Produttività u impjiegi Għal darb’ oħra, il-prestazzjoni tal-produttività tal-UE qiegħda tiddeterjora meta mqabbla mal-Istati Uniti, filwaqt li l-qgħad għadu realtà ta’ kuljum għal 11 % tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa. L-industrija ntlaqtet partikolarment ħażin wara li ntilfu aktar minn 3.8 miljun impjieg sa mill-2008.

Ir-riżultati ewlenin taż-żewġ rapporti huma:

Il-punti pożittivi:

  • L-esportazzjonijiet kienu l-ixprun ewlieni tal-attività industrijali; l-UE ilha sejra aħjar mill-Istati Uniti u l-Ġappun. L-Ewropa kellha bilanċ kummerċjali pożittiv ta’ EUR 365 biljun fl-2012, ekwivalenti għal madwar biljun ewro kull jum.

  • Mill-2008 'l hawn, il-prestazzjoni fl-innovazzjoni tjiebet, iżda l-konverġenza tidher li ntemmet mill-2012;

  • L-ambjent tan-negozju tjieb fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri iżda anke fil-bqija tad-dinja tjieb;

  • Bosta Stati Membri tejbu l-bażi tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom.

Il-punti dgħajfa:

  • B'persistenza, l-investiment jibqa’ baxx;

  • Il-prezzijiet għolja tal-enerġija jibqgħu problema sinifikanti għall-industriji;

  • L-aċċess għall-finanzi ddeterjora f’ħafna Stati Membri;

  • Għal xi Stati Membri, it-titjib fl-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjonijiet pubbliċi huwa kruċjali biex jerġa jkun hemm tkabbir ekonomiku.

Fi kliem ieħor, ir-rapporti jissuġġerixxu l-prijoritajiet li ġejjin:

  • li l-affarijiet isiru sempliċi kemm jista’ jkun possibbbli għan-negozji biex iwettqu n-negozju tagħhom ta’ kuljum;

  • li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-Ewropa, (pereżempju, l-enerġija u l-materja prima);

  • Li jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u s-swieq kapitali għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs;

  • li jinfetħu s-swieq għall-kumpaniji Ewropej kemm fis-suq intern, kif ukoll f’pajjiżi terzi;

  • li jkunu ffaċilitati l-investimenti f’teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni, b'enfasi partikolari fuq sitt oqsma prijoritarji identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali;

  • li jkun żgurat li l-ħiliet u d-disponibilità tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa jaqblu mal-bżonnijiet tal-ekonomija tas-seklu 21.

Id-dimensjoni settorjali tal-approċċ tal-UE lejn l-industrija

L-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja f’għadd ta’ setturi industrijali u l-biċċa l-kbira ta’ dawn jinkludu ktajjen ta’ valur diversi li fihom korporazzjonijiet ewlenin jintrabtu ma’ għadd ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kummissjoni diġà pproponiet sett ta’ miżuri politiċi għal setturi strateġiċi bħal dawk tal-karozzi, tal-azzar, tas-sigurtà u tad-difiża.

Sfond

Il-politika industrijali se tkun minn ta’ quddiem fuq l-aġenda Ewropea fis-sitt xhur li ġejjin. Il-Kunsill dwar il-Kompetittività tas-26 u s-27 ta' Settembru se jvara d-dibattitu politiku fi preparazzjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2014 dwar il-kompetittività industrijali u t-tkabbir, li se jagħti opportunità unika biex titfassal it-triq li twassal għat-tkabbir ekonomiku u l-ekonomija reali fl-ogħla livell politiku.

Aktar informazzjoni:

MEMO/13/815: Ir-rapport dwar il-Kompetittività 2013: L-ebda tkabbir u impjiegi mingħajr l-industrija

MEMO/13/816: Il-kompetittività industrijali tal-Istati Membri tal-UE: Xi progress sar, iżda hemm ħafna sfidi

Aktar informazzjoni fuq ir-rapport dwar il-Kompetittività ġenerali

Is-sorveljanza tal-progress fl-Istati Membri

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website